Mistoqsija fuq is-sawm
[Mt:9:14] Mbagħad resqu lejh id-dixxipli ta' Ġwanni u qalulu: "Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux ?"[Mt:9:15] Qalilhom Ġesù: "Huwa l-mistednin ta' l-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom ? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. [Mt:9:16] Ħadd ma jraqqa' libsa qadima b'biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber.[Mt:9:17] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f'damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn."