blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: 02/04/13

Monday, February 04, 2013

Mk 5:1-20 -- Jesus Restores a Demon-Possessed Man - Ġesù jfejjaq raġel i...


http://www.youtube.com/watch?v=0aOAmDkpJzc
5. Ġesù jfejjaq raġel imxajtan f'Gerasa
(Mt 8,28-34 ; Lq 8, 26-39)

[Mk:5:1] Waslu x-xatt l-ieħor tal-baħar u ġew fil-pajjiż tal-Gerasin. [Mk:5:2] Kif niżel mid-dgħajsa, resaq fuqu wieħed, li ħareġ mill-oqbra, li kien maħkum minn spirtu ħażin. [Mk:5:3] Dan kien jgħammar fl-oqbra, u ħadd ma kien jista' jżommu marbut, anqas b'katina, [Mk:5:4] għax bosta drabi laħqu rabtuh bix-xkiel u bil-ktajjen u hu kien jaqsam il-ktajjen u jkisser ix-xkiel, u ħadd ma kellu l-ħila jżommu. [Mk:5:5] Lejl u nhar kien il-ħin kollu joqgħod qalb l-oqbra jew fuq il-muntanji, jixher u jqatta' ġismu biż-żrar. [Mk:5:6] Kif lemaħ lil Ġesù mill-bogħod ġera lejh, nxteħet fl-art quddiemu, [Mk:5:7] u għajjat b'leħen qawwi u qallu: "Aħna x'għandna x'naqsmu, Ġesù, Bin Alla l-Għoli? Aħlifli fuq Alla li ma taħqarnix!" [Mk:5:8] Għax kien qallu: "Oħroġ, ja spirtu ħażin, minn dan il-bniedem!" [Mk:5:9] Mbagħad staqsieh: "X'jismek?" "Leġjun jisimni," wieġbu,"għax aħna ħafna." [Mk:5:10] U beda jitolbu bil-ħerqa biex ma jkeċċihomx barra mill-pajjiż. [Mk:5:11] Mela kien hemm merħla kbira ta' qżieqeż tirgħa mal-ġenb ta'   l-għolja, [Mk:5:12] u l-ispirti talbuh ħafna u qalulu: "Ibgħatna lejn  il-qżieqeż ħa nidħlu fihom." [Mk:5:13] U ħalliehom imorru. L-ispirti ħżiena ħarġu, u daħlu fil-qżieqeż; u l-merħla, li kienet ta' madwar elfejn ras, nxteħtet għal ġol-baħar mill-għoli tax-xaqliba u għerqet  fil-baħar. [Mk:5:14] Ir-rgħajja tagħhom ħarbu u marru jxerrdu l-aħbar mal-belt u l-irziezet, u n-nies ġiet tara x'ġara. [Mk:5:15] Ġew ħdejn Ġesù, u lil dak li qabel kien maħkum mix-xitan u li kellu l-leġjun ġo fih rawh bilqiegħda, liebes u moħħu f'sikktu, u baqgħu miblugħin  bil-biża'. [Mk:5:16] In-nies li raw il-ġrajja qalulhom x'kien għadda minn għala l-imxajtan u l-qżieqeż. [Mk:5:17] Mbagħad bdew jitolbuh ħafna lil Ġesù biex iwarrab minn pajjiżhom. [Mk:5:18] Kif kien tiela' fuq id-dgħajsa, dak li qabel kien maħkum mix-xitan beda jitolbu ħafna biex iħallih jibqa' miegħu. [Mk:5:19] Iżda hu ma ħalliehx, u qallu: "Mur inġabar id-dar ma' niesek, u għidilhom kull ma għamel miegħek il-Mulej, u kif ħenn għalik." [Mk:5:20] Dak telaq, u beda jxandar fid-Dekapoli kemm kien għamel miegħu Ġesù. U kulħadd stagħġeb.