Ġesù jfejjaq il-qaddej ta' Ċenturjun
[Mt:8:5] Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa[Mt:8:6] u jgħidlu: "Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq."[Mt:8:7] Qallu Ġesù: "Niġi jien infejjqu."[Mt:8:8] "Sinjur", qallu ċ-ċenturjun,"Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq.[Mt:8:9] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, 'Mur', u jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja', u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, 'agħmel dan', u jagħmlu."[Mt:8:10] Ġesù baqa' mistagħġeb meta sama' dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: "Tassew, ngħidilkom, f'ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din.[Mt:8:11] Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma' Abraham u ma' Iżakk u ma' Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet,[Mt:8:12] waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew 'il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien?"[Mt:8:13] Mbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: "Mur, ħa jsirlek kif emmint?" U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.
Ġesù jfejjaq ħafna nies
[Mt:8:14] Ġesù mar fid-dar ta' Pietru, u ra li omm il-mara ta' Pietru kienet mixħuta bid-deni.[Mt:8:15] Messilha idha, u d-deni ħallieha; mbagħad qamet u bdiet isservih.[Mt:8:16] Fil-għaxija mbagħad ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha.[Mt:8:17] Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: ‘Hu refa’ fuqu l-mard tagħna u tgħabba bl-uġigħ tagħna.’
.