blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: 03/20/12

Tuesday, March 20, 2012

Psalm 42 -- Salm 42



SALM 42. Xewqa kbira għat-tempju ta' Alla

 (S:42:1) Għall-mexxej tal-kor. Maskil. Ta' wlied Koraħ.

 (S:42:2) Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.

 (S:42:3) Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; meta niġi u nara wiċċ Alla?

 (S:42:4) Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, meta l-jum kollu kienu jgħiduli: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 (S:42:5) Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ sad-dar ta' Alla, fost għajta ta' ferħ u ta' radd il-ħajr, qalb folla ferħana.

 (S:42:6) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru;

 (S:42:7) hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi! Tintelaq ruħi ġo fija; għalhekk fik niftakar minn art il-Ġordan u mill-Ħermon u mill-muntanja ta' Misgħar.

 (S:42:8) Minn irdum għal irdum jidwu l-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek; il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek għaddew minn fuqi.

 (S:42:9) Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

 (S:42:10) Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? Għax għandi ngħix imdejjaq taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

 (S:42:11) Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, qishom qed ikissruli għadmi; meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 (S:42:12) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!

Psalm 22 -- Salm 22


 - wahda mill-profeziji fit-Testment il-Qadim dwar Gesu l-Messija. Miktub madwar 1000 sena Qabel Kristu.
SALM 22. Tbatijiet u rebħ tal-Messija

(S:22:1) Għall-mexxej tal-kor. Fuq l-għanja"Iċ-ċerva tas-seb".

Salm ta' David.

 (S:22:2) Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni? Bqajt 'il bogħod u ma salvajtnix, ma tajtx widen għall-għajat tiegħi!

 (S:22:3) Alla tiegħi, ngħajjat binhar u ma tweġibx, ngħajjat billejl u ma nsibx mistrieħ.

 (S:22:4) Imma int tgħammar fis-santwarju, u lilek ifaħħar Iżrael!

 (S:22:5) Fik ittamaw missirijietna, fik ittamaw, u inti ħlisthom.

 (S:22:6) Lejk għajjtu, u inti ħlisthom; fik ittamaw u ma tfixklux.

 (S:22:7) Jien dudu ta' l-art, u mhux bniedem, żebliħ tan-nies, tkasbir

 tal-poplu.

 (S:22:8) Dawk kollha li jarawni jidħku bija, jgħajjbuni, iħarrku rashom

 u jgħidu:

 (S:22:9) "F'idejn il-Mulej intelaq; ħa jeħilsu hu! Ħa jsalvah hu, la bih jitgħaxxaq"

 (S:22:10) Imma int minn ġuf ommi lqajtni; fi ħdan ommi fis-sod qegħedtni.

 (S:22:11) Fuqek qegħduni sa minn twelidi; int Alla tiegħi sa minn ġuf ommi.

 (S:22:12) La titbegħidx minni, għax qrib hu t-taħbit, u m'hawn ħadd biex jgħinni.

 (S:22:13) Qatgħa gniedes daru miegħi; barrin qawwija ta' Basan għalquni,

 (S:22:14) b'ħalqhom miftuħ għal fuqi, bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat.

 (S:22:15) Ninsab bħall-ilma msawwab, għandi għadmi maqlugħ kollu; qalbi hi bħal xemgħa, iddub ġewwa fija.

 (S:22:16) Ħalqi niexef bħal xaqqufa, lsieni mwaħħal ma' ħnieki; ninsab mitfugħ fuq trab il-mewt.

 (S:22:17) Qabda klieb daru għalija; ġemgħa nies ħżiena rassewni. Taqqbuli idejja u riġlejja;

 (S:22:18) nista' ngħodd għadmi kollu. B'għajnejhom fuqi jħarsu lejja.

 (S:22:19) Ħwejġi jaqsmu bejniethom; jaqtgħu x-xorti għal-libsa tiegħi.

 (S:22:20) Mulej, la titbegħidx minni; qawwa tiegħi, fittex għinni!

 (S:22:21) Eħlisli mis-sejf lil ħajti, u mill-klieb lil ħajti l-għażiża.

 (S:22:22) Minn ħalq l-iljun salvani, minn qarn il-gniedes lili msejken.

 (S:22:23) Nxandar ismek lil ħuti; nfaħħrek f'nofs il-ġemgħa.

 (S:22:24) Faħħru l-Mulej, intom li tibżgħu minnu; sebbħuh ilkoll, nisel Ġakobb; ibżgħu minnu lkoll, ulied Iżrael.

 (S:22:25) Għax ma warrabx minnu l-imsejken, ma stmellx in-niket tiegħu; anqas wiċċu ma ħeba minnu, imma semgħu meta sejjaħlu.

 (S:22:26) Għalhekk nagħtik it-tifħir tiegħi f'ġemgħa kbira; nrodd

il-wegħdiet tiegħi quddiem dawk li jibżgħu minnu.

 (S:22:27) Jieklu l-fqajrin u jixbgħu; ifaħħru l-Mulej dawk li jfittxuh. Ħa tgħix qalbhom għal dejjem!

 (S:22:28) Jiftakru t-truf kollha ta' l-art, u jerġgħu lura lejn il-Mulej;

 u quddiemu jinxteħtu r-razez kollha tal-ġnus.

 (S:22:29) Għax tal-Mulej hi s-saltna; hu fuq il-ġnus isaltan.

 (S:22:30) Lilu jqimu l-bnedmin, li jmutu; quddiemu jmil kull min nieżel ġot-trab. U għalih tgħix ruħi,

 (S:22:31) lilu jaqdi n-nisel tiegħi.

 (S:22:32) Ixandru 'l Sidi lin-nisel li għad jiġi, ixandru l-ġustizzja tiegħu lill-poplu li għad jitwieled: "Dan għamlu l-Mulej"