Retired Pope Benedict XVI dies at 95
F’raħal fid-Danimarka kien hemm ċirku, u ġara li darba billejl iċ-ċirku ħa n-nar. Sid iċ-ċirku qabbad lil wieħed mill-buffi biex imur fir-raħal javża lir-residenti li ċ-ċirku kien qabad u jitlobhom imorru jgħinu lill-ħaddiema taċ-ċirku jitfu dak in-nar. Il-buffu hekk għamel. Mar iħabbar l-aħbar li ċ-ċirku kien qabad. Imma dlonk induna li, jgħajjat kemm jgħajjat, ħadd ma kien qiegħed jagħti kasu. Mhux għaliex in-nies ma semgħuhx, imma xħin in-nies raw buffu jgħajjat li qed jaqbad in-nar, żammewh ta’ buffu. Ħasbu li kienet xi għamla ta’ pubbliċità biex jitħajru jmorru ċ-ċirku. In-nies ma emmnuhx u ma tawx kasu. Il-buffu baqa’ mhux mifhum.
Din l-istorja tinsab f’waħda mill-kitbiet tal-filosfu Daniż Søren Kierkegaard. Imma hija wkoll l-istorja li biha Joseph Ratzinger jibda dak li hu forsi l-isbaħ ktieb tiegħu, Introduction to Christianity. Ratzinger, f’kontinwità ma’ Kierkegaard, iħoss li l-bniedem li jemmen, jew anki l-Knisja, huma xi ftit bħal dak il-buffu. Jgħajtu, imma ħadd ma jagħti kashom. Il-bniedem tal-fidi llum hu l-bniedem li kostantement mhux mifhum.
Imma jiena fl-istorja tal-buffu u fil-fatt li fl-1968 Ratzinger, dakinhar teologu żagħżugħ, għażel li jibda l-ktieb tiegħu, Introduction to Christianity, b’din l-istorja, nara xebh bejn l-istorja tal-buffu u l-istorja personali tiegħu stess. Għalkemm hu qatt ma qalha b’mod espliċitu, nara identifikazzjoni jew xebh bejn l-istorja tal-buffu u l-istorja personali tat-teologu Papa mill-Bavarja.
Bħall-buffu, Joseph Ratzinger ukoll kellu messaġġ importanti xi jwassal. Ma kienx qed jitkellem fuq il-qerda taċ-ċirku; kien qed jitkellem fuq il-qerda metaforika li d-dominanza tar-relattiviżmu ġabet fil-kultura Ewropea. Iżda bħall-buffu, Ratzinger baqa’ vuċi ħafna drabi mhix mifhuma. Fil-fatt, nistgħu ngħidu li din hi xi ħaġa kostanti fil-ħajja, fit-teoloġija u fil-papat ta’ Joseph Ratzinger.
Joseph u l-familja tiegħu ma kinux mifhuma meta fil-kuntest Nażista tal-Ġermanja huma wrew reżistenza passiva.
Joseph Ratzinger ma kienx mifhum bħala teologu, meta staqsa jekk ċerti riformi li wara l-Konċilju Vatikan II xi ħbieb tiegħu kienu qed jipproponu kinux għall-ġid tal-Knisja. Għal dan, Ratzinger ħallas prezz qares. Mhux biss kellu jħalli l-katedra prestiġjuża li kellu fl-Università ta’ Tübingen, imma kellu jissagrifika l-ħbiberija tiegħu ma’ diversi teologi sħabu.
Ratzinger ma kienx mifhum fiż-żmien li għamel Ruma bħala Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, fejn kellu r-reputazzjoni ta’ persuna riġida u inflessibbli – panzerkardinal.
Ratzinger ma kienx mifhum bħala Papa. Insemmi, bħala eżempju, id-diskors tiegħu li kien għamel fl-Università ta’ Ratisbona u l-insistenza tiegħu fuq il-kontinwità bejn ir-raġuni u l-fidi.
Ratzinger ma kienx mifhum anki wara li ħalla minn Papa; fejn il-figura u l-memorja tiegħu qed tiġi użata u ppolitiċizzata biex jinħoloq antagoniżmu bejn il-Papa Benedittu u l-Papa Franġisku.
Ftit eżempji, dawn, li juru kif l-inkomprensjoni hija fattur kostanti fil-ħajja u l-missjoni ta’ dan ir-raġel. Hawn naraw kif l-istorja tal-buffu u l-istorja ta’ Joseph Ratzinger huma paralleli u f’ħafna punti simili. Dan ma jfissirx li Ratzinger ma kienx konxju li l-istorja tiegħu kienet bħal dik tal-buffu ta’ Kierkegaard, jew li xtaq ikun bħal buffu li ma jifhmu ħadd.
Ratzinger kellu quddiemu għażla: jew jibqa’ jfittex il-verità u l-verità biss – u għalih il-verità ma kienet xejn ħlief Ġesù nnifsu – bir-riskju li dan iġib miegħu li ma jiġix mifhum mid-dinja kontemporanja; jew inkella, biex jieqaf jidher ta’ buffu, jagħmel kompromessi mal-verità, jieqaf ifittex dak li hu sew, ġust, tajjeb, u veru. Għal Ratzinger ir-risposta kienet ovvja: qatt ma kien lest jagħmel kompromessi mal-verità jew jieqaf ifittixha, tiswa x’tiswa! Ratzinger żgur li ma riedx ikun bħal buffu, imma xi kultant li jkun bħal buffu hu l-prezz li wieħed ikollu jħallas biex jgħix skont il-verità.
Joseph Ratzinger kien il-bniedem li fittex il-verità fuq kollox, imma kien ukoll il-bniedem umli li qatt ma ppretenda li kien jaf kollox, li kien sab il-verità kollha. Fil-fatt, ħajtu kollha hija tfittxija kontinwa tal-verità, xewqa kontinwa li jidħol fil-misteru ta’ Alla. U meta ma fehemx lil Alla, ma beżax jistaqsi, bħalma għamel meta żar il-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz: “Alla, għalfejn bqajt sieket? Għalfejn ippermettejt dan kollu?”. It-tfittxija ta’ Ratzinger għall-verità qatt ma kienet nieqsa mill-umiltà quddiem il-misteru dejjem ikbar ta’ Alla.
Fl-aħħar, għal Ratzinger, għalkemm kien teologu ta’ intellett brillanti, il-verità li kien qed ifittex qatt ma kienet xi verità astratta. Blaise Pascal kien jagħmel differenza bejn Alla tal-filosfi u Alla ta’ Abraham, Iżakk u Ġakobb. L-istess Ratzinger. Ma kienx qed ifittex il-kunċetti tal-filosfi, imma lil Alla ta’ Ġesù Kristu. Kienet l-imħabba ta’ dan Alla, il-laqgħa tiegħu ma’ Ġesù li saqet il-ħajja kollha tiegħu. Fil-fatt, kif qal ħafna drabi, “li tkun Nisrani mhux ir-riżultat ta’ għażla etika, jew xi idea, imma l-laqgħa ma’ persuna li tagħti lill-ħajja orizzont ġdid u direzzjoni deċiżiva” (Ittra enċiklika Deus caritas est, 1). Din il-persuna hija Ġesù Kristu.
Illum qed niċċelebraw l-Epifanija: il-Maġi li ħallew kollox biex imorru jfittxu t-tarbija. T.S. Eliot fil-poeżija tiegħu The Journey of the Magi jgħid: “This was all folly” – dan kien kollu ġenn. Huwa ġenn li tħalli kollox biex tmur tfittex tarbija. Il-ġenn tal-Maġi jixbah lill-ġenn ta’ Ratzinger. It-tfittxija ta’ Ġesù Kristu, il-Verità inkarnata, l-Istilla ta’ ħajtu, ġagħlitu jagħmel affarijiet tal-ġenn, u għalihom ħallas prezz għoli, anki dak li jidher bħal buffu mhux mifhum.
Joseph Ratzinger għandu jdaħħal lilna, il-Knisja f’Malta u Għawdex, fi kriżi. Għaliex aħna wkoll, aktar ma jgħaddi ż-żmien, qed insiru nixbhu lil dak il-buffu mhux mifhum. Naħseb li f’dan il-kuntest għandna għalfejn nistaqsu: Għalfejn qed nidhru bħal buffi? Forsi għaliex aħna stess battalna l-messaġġ ta’ Kristu? Jekk din hi r-raġuni, allura għandna għalfejn nirrevedu dak li ngħidu u l-mod ta’ kif ngħiduh u ngħixuh. Imma jista’ jkun hemm raġuni oħra. Aħna nidhru bħala buffi għaliex nippruvaw inkunu dixxipli awtentiċi tal-verità tal-Vanġelu, u fid-dinja dejjem kien hemm u dejjem ser jibqa’ jkun hemm ostilità għall-messaġġ tal-Vanġelu. Jekk din hi r-raġuni għalfejn aħna qed nidhru bħala buffi, allura ejjew inħarsu lejn il-figura tal-Papa Benedittu XVI u neħduh bħala mudell: hu li mal-verità qatt ma għamel kompromessi, ikun xi jkun il-prezz; hu li emmen li s-salvazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, tiġi mill-bluha – għax aħna dixxipli ta’ Ġesù msallab, il-buffu mdendel mal-għuda, “skandlu għal-Lhud u bluha għall-pagani” (1 Kor 1:23).
Din hi l-għażla li għamel Ratzinger… għażla mhix faċli, li tiswa prezz. Din hi l-għażla li aħna mistiedna nagħmlu bħala Knisja u bħala Nsara. U jekk xi darba nkunu f’mument ta’ qtigħ il-qalb, ejjew niftakru f’dak li qal Benedittu XVI fil-bidu tal-pontifikat tiegħu: “Tibżgħux minn Kristu! Hu ma jeħdilkom xejn, imma jagħtikom kollox… iftħu, iftħu beraħ qlubkom għal Kristu, u ssibu l-ħajja vera” (Omelija fl-inawgurazzjoni tal-pontifikat, 24.04.2005), kif irridu nittamaw li sabha l-Papa Benedittu.
************