blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: 10/07/16

Friday, October 07, 2016

NEWSBOOK - Ottubru 6, 2016 - Il-Papa jħabbar Sinodu dwar iż-żgħażagħ u l-vokazzjonijiet




http://www.newsbook.com.mt/artikli/2016/10/6/il-papa-jhabbar-sinodu-dwar-iz-zghazagh-u-l-vokazzjonijiet.51649/





http://www.laikos.org/Papa_Frangisku_Messagg_JDZ-2017.htm

MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
GĦAT-XXXII JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
2017
 
Għeżież żgħażagħ,
 
Hawn aħna mill-ġdid mexjin, wara l-laqgħa mill-isbaħ li kellna fi Krakovja, fejn flimkien iċċelebrajna l-XXXI Jum Dinji taż-Żgħażagħ u l-Ġublew taż-Żgħażagħ, fil-kuntest tas-Sena Mqaddsa tal-Ħniena. Ħallejna jmexxina lil San Ġwanni Pawlu II u Santa Fawstina Kowalska, appostli tal-Ħniena divina, biex nagħtu tweġiba konkreta għall-isfidi ta’ żmienna. Għexna esperjenza qawwija ta’ fraternità u ta’ ferħ, u tajna lid-dinja sinjal ta’ tama; il-bnadar u l-ilsna diversi ma kinux motiv ta’ tilwim u firda, imma okkażjni biex niftħu l-bibien ta’ qlubna, biex nibnu l-pontijiet.
Fi tmiem il-JDŻ ta’ Krakovja wrejtkom id-destinazzjoni li jmiss fil-pellegrinaġġ tagħna li, bl-għajnuna ta’ Alla, għad iwassalna fil-Panama fl-2019. F’din il-mixja għandna magħna lill-Verġni Marija, dik li kull nisel isejħilha hienja (ara Lq 1:48). Din il-parti ġdida tal-mixja tagħna tingħaqad ma’ ta’ qabilha, li kienet tikkonċentra fuq il-Beatitudnijiet, imma timbuttana biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. Fil-fatt nixtieq ħafna li intom iż-żgħażagħ, intom u mexjin, mhux biss tagħmlu tifkira tal-passat, imma jkollkom ukoll il-kuraġġ fil-preżent u tama għall-futur. Dawn l-atteġġjamenti, dejjem ħajja fix-Xebba żagħżugħa ta’ Nazareth, huma espressi b’mod ċar fit-temi magħżula għat-tliet JDŻ li ġejjin. Din is-sena (2017) se nirriflettu fuq il-fidi ta’ Marija meta fil-Magnificat qalet: “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (Lq 1:49). It-tema tas-sena d-dieħla (2018) – “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla” (Lq 1:30) – tgħinna nimmeditaw l-imħabba kollha kuraġġ li biha Marija laqgħet il-bxara tal-anġlu. Il-JDŻ 2019 sa jkun imnebbaħ mill-kelmiet: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej; ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38), li bihom Marija, mimlija bit-tama, wieġbet lill-anġlu.
F’Ottubru 2018, il-Knisja sa tiċċelebra s-Sinodu tal-Isqfijiet bit-tema: Iż-żgħażagħ, il-fidi u d-dixxerniment vokazzjonali. Sa nistaqsu lilna nfusna kif intom iż-żgħażagħ qegħdin tgħixu l-esperjenza tal-fidi qalb l-isfidi ta’ żmienna. U naffrontaw ukoll il-kwistjoni ta’ kif tistgħu timmaturaw proġett ta’ ħajja, tiddixxernu l-vokazzjoni tagħkom, mifhuma f’sens wiesa’, jiġifieri għaż-żwieġ, fil-qasam lajkali u professjonali, inkella għall-ħajja kkonsagrata u għas-saċerdozju. Nixtieq li jkun hemm sintonija kbira bejn il-mixja lejn il-JDŻ tal-Panama u l-mixja sinodali.
Fi żmienna m’għandniex bżonn ta’ “żgħażagħ tal-pultruna”
Skont il-Vanġelu, wara li laqgħet il-bxara tal-anġlu u wieġbet bl-“iva” tagħha għas-sejħa li tkun omm il-Feddej, Marija qamet u marret tħaffef iżżur lil kuġintha Eliżabetta, li kienet fis-sitt xahar tat-tqala (ara 1:36,39). Marija kienet għadha żagħżugħa; dak li tħabbrilha hu don mill-ikbar, imma jġib ukoll miegħu sfidi kbar ħafna; il-Mulej żguraha li sa jkun preżenti biex iweżinha, imma f’moħħha u f’qalbha kien għad fadlilha ħafna affarijiet mhux ċari. Imma Marija ma ngħalqitx id-dar, ma ħallietx il-biża’ jew il-kburija jipparalizzawha. Marija mhix it-tip li biex tħossha tajjeb għandha bżonn ta’ pultruna komda fejn tħossha fiż-żgur. Mhix żagħżugħa tal-pultruna (ara d-Diskors fil-Velja, Krakovja, 30 ta’ Lulju 2016)! Jekk ix-xwejħa kuġintha għandha bżonn daqqa t’id, hi ma toqgħodx ittella’ u tniżżel, imma titlaq dritt fil-vjaġġ.
Il-vjaġġ lejn id-dar ta’ Eliżabetta hu twil: xi 150 kilometru. Imma ż-żagħżugħa ta’ Nazaret, imqanqla mill-Ispirtu s-Santu, ma tafx bi xkiel. Żgur li l-ġranet ta’ mixi għenuha timmedita fuq il-ġrajja mill-isbaħ li fiha issa kienet imdaħħla. Hekk ukoll jiġri lilna meta nagħmlu pellegrinaġġ: matul it-triq jiġuna f’moħħna l-fatti tal-ħajja, u nistgħu ngħarblu u nifhmu aktar it-tifsira tagħhom u hekk ninżlu iżjed fil-fond tas-sejħa tagħna, li mbagħad juruhielna aktar il-laqgħa tagħna ma’ Alla u l-qadi tal-oħrajn.
Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar
Il-laqgħa bejn iż-żewġ nisa, iż-żagħżugħa u l-anzjana, hi mimlija bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, u mimlija bil-ferħ u bl-istagħġib (ara Lq 1:40-45). Iż-żewġ ommijiet, u bħalhom l-ulied li kienu qed iġorru f’ġufhom, kważi jiżfnu bil-ferħ. Eliżabetta, milquta mill-fidi ta’ Marija, tistagħġeb: “Hienja dik li emment li jseħħ kulma bagħat jgħidilha l-Mulej” (v. 45). Iva, wieħed mill-ikbar doni li rċiviet il-Verġni hu dak tal-fidi. Li temmen f’Alla hu don l-aktar għoli, imma jrid ukoll jiġi milqugħ; u għal dan Eliżabetta tbierek lil Marija. Hi, min-naħa tagħha, twieġeb bl-għanja tal-Magnificat (ara Lq 1:46-55), fejn insibu l-espressjoni: “Is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar” (v. 49).
Hi talba rivoluzzjonarja, dik ta’ Marija, l-għanja ta’ xebba mimlija bil-fidi, li taf bil-limiti tagħha imma hi fiduċjuża fil-Ħniena divina. Din il-mara ċkejkna u qalbiena trodd ħajr lil Alla għax hu ħares lejn iċ-ċokon tagħha kif ukoll għall-opra ta’ salvazzjoni li wettaq mal-poplu tiegħu, mal-foqra u l-umli. Il-fidi hi l-qalba tal-istorja kollha ta’ Marija. Il-kantiku tagħha jgħinna nifhmu l-ħniena ta’ Alla bħala mutur tal-istorja, kemm dik personali ta’ kull wieħed u waħda minna u kemm tal-bnedmin kollha flimkien.
Meta Alla jmiss il-qalb ta’ żagħżugħ, ta’ żagħżugħa, dawn isiru kapaċi jwettqu għemejjel kbar. Il-“ħwejjeġ kbar” li s-Setgħani għamel fil-ħajja ta’ Marija jkellmuna wkoll fuq il-vjaġġ tagħna fil-ħajja, li mhux li niġġerrew ’l hawn u ’l hemm bla ebda sens, imma pellegrinaġġ li, imqar bl-inċertezzi u t-tbatijiet kollha tiegħu, jista’ jsib il-milja tiegħu f’Alla (ara Angelus, 15 ta’ Awwissu 2015). Ħa tgħiduli: “Dun, imma jien inħossni limitat ħafna, jiena midneb, kif nista’ nagħmel?”. Meta l-Mulej isejħilna, hu ma jiqafx ma’ dak li aħna jew ma’ dak li għamilna. Bil-maqlub, meta hu jsejħilna, hu jara dak kollu li nistgħu nagħmlu, l-imħabba kollha li għandna l-ħila nuru. Bħax-xebba Marija, tistgħu tagħmlu mod li l-ħajja tagħkom issir strument biex ittejbu d-dinja. Ġesù qed isejħilkom tħallu l-marka tagħkom fil-ħajja, marka li tmiss l-istorja, l-istorja tagħkom u l-istorja ta’ ħafna (ara Diskors fil-Velja, Krakovja, 30 ta’ Lulju 2016).
Għalkemm aħna żgħażagħ, ma jfissirx li aħna maqtugħin mill-passat
Marija kienet ftit iktar minn adolexxent, bħal ħafna minnkom. Imma fil-Magnificat tleħħen it-tifħir tal-poplu tagħha, tal-istorja tagħha. Dan jurina li, għalkemm aħna żgħażagħ, dan ma jfissirx li aħna maqtugħin mill-passat. L-istorja personali tagħna tidħol f’mixja ħafna itwal, f’mixja komunitarja li ġiet qabilna matul is-sekli. Bħal Marija, aħna nagħmlu parti minn poplu. U l-istorja tal-Knisja tgħallimna li, imqar meta jkollha tgħaddi minn qalb ħalel u burraxki, hemm id-driegħ ta’ Alla jmexxiha, jgħinha tegħleb mumenti diffiċli. L-esperjenza vera ta’ Knisja mhijiex bħal ta’ xi flashmob, fejn nagħtu appuntament lil xulxin, nagħmlu performance u mbagħad kulħadd jitlaq lura fi triqtu. Il-Knisja ġġorr fi ħdanha tradizzjoni twila, li tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, u fl-istess waqt tistagħna mill-esperjenza ta’ kull persuna. Anki l-istorja tagħkom issib postha fi ħdan l-istorja tal-Knisja.
It-tifkira tal-imgħoddi sservina wkoll biex nilqgħu dak il-ġdid li Alla jrid iwettaq fina u permezz tagħna. U tgħinna ninfetħu biex niġu magħżula bħala strumenti tiegħu, kollaboraturi tal-proġetti tiegħu ta’ salvazzjoni. Anki intom iż-żgħażagħ tistgħu tagħmlu ħwejjeġ kbar, tidħlu għal responsabbiltajiet għoljin, jekk tagħrfu l-azzjoni ħanina u li tista’ kollox ta’ Alla fil-ħajja tagħna.
Nixtieq nagħmlilkom xi mistoqsijiet: b’liema mod qed “tissejvjaw” fil-memorja tagħkom il-ġrajjiet, l-esperjenzi tal-ħajja tagħkom? Kif tittrattaw il-fatti u x-xbihat li jibqgħu mmarkati f’moħħkom? Xi wħud minnkom, partikularment midruba miċ-ċirkustanzi tal-ħajja, ikollhom aptit “jirrisettjaw” il-passat tagħhom, jużaw id-dritt li jinsew kollox. Imma rrid infakkarkom li m’hemmx qaddis mingħajr passat, lanqas midneb mingħajr futur. Il-perla titwieled minn ġerħa tal-gajdra! Ġesù, bi mħabbtu, jista’ jfejjaq il-qlub tagħna, jibdel il-ġrieħi tagħna f’perli ta’ veru. Kif kien jgħid San Pawl, il-Mulej jista’ juri l-qawwa tiegħu permezz tad-dgħufijiet tagħna (ara 2 Kor 12:9).
Imma t-tifkiriet tagħna ma għandhomx jibqgħu mgeddsa, bħal fil-memorja ta’ xi hard drive. U impossibbli narkivjaw kollox fi “sħaba” virtwali. Irridu nfittxu mezz kif mill-fatti tal-passat nagħmlu realtà dinamika, li fuqha rridu nirriflettu u minnha nisiltu tagħlim u tifsira għall-preżent u l-futur tagħna. Ħidma iebsa, imma meħtieġa, hi dik li niskopru n-nisġa komuni tal-imħabba ta’ Alla li tgħaqqad l-eżistenza kollha tagħna.
Ħafna jgħidu li intom iż-żgħażagħ aljenati u tibqgħu fuq il-qoxra. Xejn ma naqbel ma’ dan! Imma rridu nagħrfu li f’dawn iż-żminijiet tagħna hemm bżonn nirkupraw il-ħila li nirriflettu fuq ħajjitna u nipproġettawha lejn il-futur. Li jkollok passat mhux l-istess ħaġa bħal li jkollok storja. Fil-ħajja tagħna jista’ jkollna ħafna tifkiriet, imma kemm minnhom jibnu tassew il-memorja tagħna? Kemm huma sinifikattivi għall-qalb tagħna u jgħinuna nagħtu sens lill-eżistenza tagħna? L-uċuħ taż-żgħażagħ, fil-midja soċjali, jidhru f’tant ritratti li jirrakkontaw ġrajjiet ftit jew wisq reali, imma ma nafux kemm minn dan kollu hu “storja”, esperjenza li tista’ tiġi rrakkuntata, li għandha fini u tifsira. Il-programmi televiżivi huma mimlija bl-hekk imsejħa reality shows, imma mhumiex stejjer reali, huma biss minuti li jtiru quddiem kamera, fejn il-persunaġġi jgħixu l-ġurnata, bla proġett. Titqarrqux minn din l-immaġni falza tar-realtà! Kunu protagonisti tal-istorja vera tagħkom, iddeċiedu l-futur tagħkom!
Kif nibqgħu kkonnettjati, fuq l-eżempju ta’ Marija
Fuq Marija jingħad li baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha (ara Lq 2:19,51). Din it-tfajla sempliċi ta’ Nazaret bl-eżempju tagħha tgħallimna kif inżommu ħajja t-tifkira tal-ġrajjiet ta’ ħajjitna, imma anki kif norbtuhom flimkien, u nibnu mill-ġdid il-biċċiet imkissra, li, magħqudin, jistgħu jsawru mużajk. Kif nistgħu naħdmu b’mod konkret f’dan is-sens? Ħa nagħmlilkom xi suġġerimenti.
Fi tmiem kull ġurnata nistgħu nieqfu għal ftit minuti biex niftakru fil-mumenti sbieħ, l-isfidi, dak li mar tajjeb u dak li mar ħażin. Hekk, quddiem Alla u quddiemna nfusna, nistgħu nuru s-sentimenti ta’ gratitudni, ta’ ndiema u ta’ affidament, jekk tridu anki tniżżluhom f’xi pitazz, speċi ta’ djarju spiritwali. Dan ifisser titlob fil-ħajja, bil-ħajja u fuq il-ħajja, u żgur jgħinkom tifhmu aħjar il-ħwejjeġ kbar li l-Mulej jagħmel għal kull wieħed u waħda minnkom. Kif kien jgħid Santu Wistin, lil Alla nistgħu nsibuh fil-meded wesgħin tal-memorja tagħna (ara Stqarrijiet, Ktieb X, 8, 12).
Meta naqraw il-Magnificat nintebħu kemm Marija kienet midħla tal-Kelma ta’ Alla. Kull vers ta’ dan il-kantiku għandu parallel tiegħu fit-Testment il-Qadim. L-omm żagħżugħa ta’ Ġesù kienet tafhom tajjeb it-talbiet tal-poplu tagħha. Żgur li l-ġenituri tagħha, in-nanniet tagħha kienu għallmuhomlha. Kemm hi importanti t-trasmissjoni tal-fidi minn ġenerazzjoni għall-oħra! Hemm teżor moħbi fit-talb li jgħallmuna l-antenati tagħna, f’dik l-ispiritwalità li tingħax fil-kultura tas-sempliċi li aħna nsejħulha pjetà popolari. Marija tilqa’ l-wirt tal-fidi tal-poplu tagħha u tinsġu mill-ġdid f’għanja kollha kemm hi tagħha, imma li fl-istess waqt hi għanja tal-Knisja kollha. U l-Knisja kollha tgħanniha magħha. Biex anki intom iż-żgħażagħ tistgħu tgħannu Magnificat kollu kemm hu tagħkom ħalli tagħmlu minn ħajjitkom don għall-bnedmin kollha, hu fundamentali tidħlu mill-ġdid f’kuntatt mat-tradizzjoni storika u t-talb ta’ dawk li ġew qabilkom. Minn hawn toħroġ l-importanza li tkunu nafu tajjeb il-Bibbja, il-Kelma ta’ Alla, li taqrawha ta’ kuljum u tqabbluha ma’ ħajjitkom, taqraw il-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum fid-dawl ta’ dak li l-Mulej jgħidilkom fl-Iskrittura Mqaddsa. Fit-talb u fil-qari miġbur tal-Bibbja (l-hekk imsejħa lectio divina), Ġesù jsaħħan mill-ġdid lil qlubkom, idawwal il-passi tagħkom, anki fil-mumenti mudlama tal-ħajja tagħkom (ara Lq 24:13-35).
Marija tgħallimna wkoll ngħixu b’atteġġjament Ewkaristiku, jiġifieri billi rroddu ħajr, nikkultivaw it-tifħir, u ma niqfux biss fuq il-problemi u d-diffikultajiet. Fid-dinamika tal-ħajja, it-talbiet tal-lum għada jsiru raġuni biex ngħidu grazzi. Hekk, is-sehem tagħkom fil-Quddiesa u l-mumenti li fihom tiċċelebraw is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jkunu fl-istess waqt quċċata u punt tat-tluq: ħajjitkom tiġġedded ta’ kuljum fil-maħfra, issir tifħir kontinwu lis-Setgħani: “Afdaw fil-memorja ta’ Alla: il-memorja tiegħu hi […] qalb tenera ta’ kompassjoni, li tifraħ tħassar darba għal dejjem kull ħjiel tal-ħażen tagħna” (Omelija fil-Quddiesa tal-JDŻ, Krakovja, 31 ta’ Lulju 2016).
Rajna li l-Magnificat inixxi mill-qalb ta’ Marija xħin hi tmur tiltaqa’ mal-kuġina xwejħa tagħha Eliżabetta. Din, bil-fidi tagħha, bil-ħarsa attenta tagħha u bi kliemha, tgħin lill-Verġni tifhem aħjar il-kobor tal-għemil ta’ Alla fiha, tal-missjoni li fdalha. U intom, qed tindunaw bl-għajn straordinarja ta’ għana li hi l-laqgħa bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani? Kemm importanza tagħtu lill-anzjani, lin-nanniet tagħkom? Bir-raġun, intom ħsiebkom hu kif ħa “ttiru”, f’qalbkom iġġorru ħafna ħolm, imma għandkom bżonn tal-għerf u tal-viżjoni tal-anzjani. Waqt li tiftħu ġwenħajkom għar-riħ, importanti li tiskopru għeruqkom u tilqgħu x-xhieda tal-persuni li ġew qabilkom. Biex tibnu futur bis-sens, tridu tkunu tafu l-ġrajjiet tal-imgħoddi u tieħdu pożizzjoni fuqhom (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 191, 193). Intom iż-żgħażagħ għandkom is-saħħa, l-anzjani għandhom il-memorja u l-għerf. Bħal Marija ma’ Eliżabetta, dawru ħarsitkom lejn l-anzjani, lejn in-nanniet tagħkom. Jgħidulkom ħwejjeġ li jappassjonaw il-ħsieb tagħkom u jqanqlu lil qlubkom.
Fedeltà kreattiva biex tibnu żminijiet ġodda
Hu minnu li għandkom biss ftit snin fuq spallejkom u allura diffiċli għalikom tagħtu lit-tradizzjoni l-valur li jixirqilha. Żommu sewwa quddiem għajnejkom li dan ma jfissirx tkunu tradizzjonalisti. Le! Meta Marija fil-Vanġelu tgħid: “is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”, qed tifhem li dawk il-“ħwejjeġ kbar” ma spiċċawx, imma għadhom jitwettqu fil-preżent. Mhux passat imbiegħed. Li nagħrfu nagħmlu memorja tal-passat ma jfissirx inkunu nostalġiċi jew nibqgħu marbutin ma’ perjodu determinat tal-istorja, imma li nagħrfu l-oriġni tagħna, biex dejjem nerġgħu lura għall-essenzjal u b’fedeltà kreattiva nibdew nibnu żminijiet ġodda. Gwaj għalina u ma jagħmel ġid lil ħadd minna jekk nikkultivaw memorja paralizzanti, li ġġagħalna nagħmlu dejjem l-istess affarijiet bl-istess mod. Hu don tas-Sema li naraw kif ħafna minnkom, bid-dubji, il-ħolm u l-mistoqsijiet tagħkom, qed teħduha kontra dawk li jgħidu li l-affarijiet ma jistgħux ikunu differenti.
Soċjetà li tagħti valur biss lill-preżent aktarx tiżvaluta wkoll dak kollu li tkun wirtet mill-imgħoddi, bħal ngħidu aħna l-istituzzjonijiet taż-żwieġ, tal-ħajja kkonsagrata, tal-missjoni saċerdotali. Dawn tibda tarahom battala minn kull sens, bħal forom superati. Taħseb li tista’ tgħaddiha aħjar f’sitwazzjonijiet hekk imsejħa “miftuħa”, u fil-ħajja ġġib ruħha bħal f’reality show, bla skop u bla fini. Titqarrqux! Alla ġie biex iwessa’ l-ixfqa ta’ ħajjitna, lejn kull direzzjoni. Hu jgħinna nagħtu l-valur li jixraqlu lill-passat, biex nipproġettaw aħjar futur ta’ kuntentizza: imma dan hu possibbli biss jekk ngħixu esperjenzi awtentiċi ta’ mħabba, li jsiru konkreti meta niskopru s-sejħa tal-Mulej u ngħixu skont din is-sejħa. U din hi l-unika ħaġa li tassew tagħmilna henjin.
Għeżież żgħażagħ, nafda l-mixja tagħna lejn il-Panama, kif ukoll il-mixja ta’ tħejjija għas-Sinodu li ġej tal-Isqfijiet, fil-ħarsien matern tal-Verġni Mqaddsa Marija. Nistedinkom tiftakru f’żewġ anniversarji importanti tal-2017: it-tliet mitt sena mis-sejba tax-xbieha tal-Madonna Aparecida fil-Brażil; u ċ-ċentinarju tad-dehriet ta’ Fatima, fil-Portugall, fejn, bl-għajnuna ta’ Alla, sa mmur pellegrin f’Mejju li ġej. San Martin ta’ Porres, wieħed mill-qaddisin patruni tal-Amerika Latina u tal-JDŻ 2019, fil-qadi umli tiegħu ta’ kuljum, kellu d-drawwa li joffri l-aqwa fjuri lil Marija, bħala sinjal tal-imħabba tiegħu ta’ iben. Għożżu intom ukoll, bħalu, relazzjoni ta’ familjarità u ħbiberija mal-Madonna, u afdawlha l-ferħ tagħkom, l-inkwiet u t-tħassib tagħkom. Niżgurakom li ma jiddispjaċikomx!
Ix-xebba ta’ Nazaret, li fid-dinja kollha libset elf wiċċ u isem biex tersaq qrib ta’ wliedha, tidħol għal kull wieħed u waħda minna u tgħinna ngħannu l-ħwejjeġ kbar li l-Mulej iwettaq fina u permezz tagħna.
 
FRANĠISKU
Mill-Vatikan, 27 ta’ Frar 2017
Tifkira ta’ San Gabrijel tal-Addolorata

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

 

 

.