blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: 06/24/18

Sunday, June 24, 2018

JUNE 22 - 22 ta' ĠUNJU - IL-FESTA TAS-SEJĦA TAL-MADONNA TA' PINU - Inawgurazzjoni tat-Tlestija tar-Restawr tal-Kwadru, 20 ta' Gunju, 2020


Restawr tal-Kwadru tal-Madonna Ta' Pinu - 19/06/2020







Servizz fuq TVM News dwar ir-restawr tal-Kwadru tal-Madonna Ta' Pinu - 19/06/2020
https://youtu.be/fp9pGkrWPkg





Inawgurazzjoni tat-Tlestija tar-Restawr tal-Kwadru tal-Madonna Ta' Pinu - 20/06/2020
 https://youtu.be/4_S4V93cT4I




==================================
==================================
==================================






TA' PINU NATIONAL SHRINE
http://www.tapinu.org/



Ta' Pinu National Shrine - Gozo, Malta
https://www.facebook.com/tapinu.org/


Diocese of Gozo
https://www.facebook.com/gozodiocese/



L-EVANĠELJU fit-22 ta' Ġunju, f'Jum il-Festa

Jn 2:1-11 -- Jesus Changes Water Into Wine - Dan li għamel Ġesù f’Kana tal-Galilija kien l-ewwel





L-Isqof Mario Grech - Jum il-Festa Ta' Pinu(Il-Ġimgħa, 22 ta' Ġunju 2018)
ALLA, LI  JĊEDI  GĦALL-BNIEDEM
AUDIO:


The Referred Gospel in Homily:


Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Verġni Mbierka Ta’ Pinu Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb Il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju 2018 L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
Meta xi ħadd iċedi quddiem xi ħadd ikbar minnu, ħafna drabi nittimbrawh bħala dgħajjef, beżżiegħi, tellief jew ġifa. Fil-fatt, ħafna jippreferu jkunu determinati, deċiżi, riżoluti.
Meta naqra r-rakkont tat-tieġ ta’ Kana jolqotni l-fatt li Ġesù jċedi għat-talba insistenti ta’ Ommu. Meta Marija titolbu jagħmel xi ħaġa għax kien spiċċa l-inbid, Ġesù jweġibha li kienet għadha ma waslitx is-siegħa li jagħmel il-mirakli. Imma minkejja li kellimha hekk, quddiem il-karba ta’ Ommu, Ġesù jċedi u jibdel l-ilma fl-inbid. Huwa jasal biex iċedi proprju għax huwa qawwi. F’Kana, Ġesù mhux biss iċedi minħabba Ommu, imma wkoll minħabba l-pressjoni li kienet inħolqot f’dak l-ambjent peress li kienet ser titħassar il-festa għax l-inbid spiċċa. Quddiem din il-miżerja, Ġesù jintrebaħ. Il-miżerja umana żżarma l-qalb ta’ Kristu.
Fil-Vanġelu hemm diversi ġrajjiet fejn Ġesù jaqa’ għall-bniedem. Insemmi l-episodju fejn mara Kangħanija (pagana) titlob lil Ġesù jħenn għal bintha li kellha xitan fiha. Ġesù jweġibha li hu kien mibgħut għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael u li mhux sew li l-ħobż tal-ulied jingħata lill-ġriewi. Imma meta dik il-mara tkompli tinsisti, Ġesù jwaqqa’ r-reżistenzi tiegħu u jilqa’ t-talba tagħha (ara Mt 15:21-28).
Din id-dgħufija ta’ Alla fir-relazzjoni tiegħu mal-bnedmin mhix rivelazzjoni li nsibu biss fil-vanġeli. Biżżejjed niftakru dak li Alla jistqarr ma’ Mosè: “Jien ħarist u rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. U jien smajt il-karba tagħhom minħabba fl-argużini tagħhom u għaraft l-uġigħ tagħhom. Issa nżilt biex neħlishom minn idejn l-Eġizzjani u biex intellagħhom minn dik l-art u neħodhom f’art tajba, f’art tnixxi ħalib u għasel” (Eż 3:7-8).
Dan hu Alla tagħna! Dan hu li għandu jmissilna qalbna aħna u nisimgħu t-tħabbira tal-Vanġelu. Dan iċ-ċediment u dgħufija ta’ Alla huma konsegwenza tal-fatt li Ġesù jħossu mqanqal mill-miżerikordja infinita tiegħu. Peress li meta nitkellmu dwar Alla, ħafna drabi aħna nużaw kriterji mondani, kapaċi nieħdu skandlu meta nisimgħu li Alla huwa dgħajjef. Imma San Pawl stess jitkellem fuq id-“dgħufija ta’ Alla” – huwa jgħid li “l-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin” (1 Kor 1:25). Teologu Protestant, Dietrich Bonhoeffer, jitkellem dwar Alla żarmat mill-qawwa! Huwa jgħid li “Alla huwa dgħajjef u bla saħħa (powerless) fid-dinja u dan huwa l-mod, l-uniku mod, li bih huwa jista’ jieqaf magħna u jgħinna. Kristu jieqaf magħna mhux għax hu omnipotenti, imma għax bid-dgħufija u t-tbatija tiegħu” (Letters and papers from prison, 360).
It-tweġiba għaliex Alla huwa daqshekk dgħajjef fil-konfront tagħna jagħtiha wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja, Teodoru minn Ancira, li kien jgħix fis-seklu ħamsa. Huwa jgħid: “Kif jista’ jkun dgħajjef dak li b’kelma waħda ħalaq l-univers? Alla huwa dgħajjef għax refa’ fuqu d-dgħufija tagħna u hekk ġab fit-tmiem id-dgħufija umana”.
Il-Papa Benedettu XVI jgħallimna li Alla jċedi għax għandu qalb paterna: “‘Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu’ (Salm 103:13). Iċ-ċkunija tagħna, in-natura umana dgħajfa tagħna, id-dgħufija tagħna jsiru appell għall-miżerikordja ta’ Alla biex din tidher fil-kobor u l-ħlewwa tal-Missier li jgħinna, jaħfrilna u jsalvana” (Udjenza ġenerali, 30 ta’ Jannar 2013).
Santu Wistin jgħidilna li Alla jċedi quddiem it-talb tal-poplu tiegħu. F’Kana, mhux it-talba ta’ Marija kienet li wasslet biex Ġesù waqa’ għaliha? Quddiem it-talba ta’ Marija, li tirrappreżenta lilna lkoll, Alla jċedi. Hekk jagħmel illum! Kif jikkummenta l-Papa Franġisku, “il-qawwa tal-bniedem huwa t-talb u t-talba tal-bniedem umli hija d-dgħufija ta’ Alla (Omelija f’Santa Marta, 16 ta’ Novembru 2013).
Għalhekk, ħa nersqu quddiem dan Alla. Is-soltu ngħidu li għandu qalb kbira, imma llum ngħidilkom li Alla għandu qalbu żgħira, u għalhekk ma jagħmel ebda reżistenza quddiem it-tnehid tagħna.
Jekk aħna xrobna ħafna nbid u dan tant tela’ għal rasna li skirna u bdejna nitfgħu l-ġawhar taħt riġlejna – fost dan il-ġawhar hemm id-don tal-ħajja –, ħa mmorru għand Ġesù bid-diffikultajiet kollha li għandna, bil-konfużjoni kollha li hemm f’moħħna u f’qalbna. Quddiem dan kollu, il-qalb ta’ Alla tinħall. Alla mhux wieħed li jżomm il-ponta, imma jċedi u jgħinna nerġgħu nqiegħdu l-affarijiet f’posthom. Jekk min-naħa l-oħra naqasna l-inbid, fis-sens li naqsuna l-fidi, it-tama u l-karità, ma naqtgħux qalbna. Ejjew immorru għand Ġesù, li mhux ser joqgħod ifittex dak li hu tiegħu, imma jieqaf magħna u jipprovdilna l-ferħ. Niftakru li l-miżerikordja tikkoreġi l-ġustizzja ta’ Alla. Kif semmejt aktar ’il fuq, it-talba tagħna hija d-dgħufija ta’ Alla.
F’din il-ġurnata tant għażiża għall-poplu Malti u Għawdxi, nitolbu lill-Madonna Ta’ Pinu tinterċedi għalina quddiem Binha Ġesù biex iċedi għalina billi jkun ħanin magħna u jagħtina l-faraġ tiegħu.
.

Published on 24 Apr 2010
- JUNE 22 - Is-Sejha tal-Madonna ta' Pinu - From the Gospel of John 2:1-11
(video on 23rd April 2010 - Gozo, Malta - Madonna ta' Pinu)
IS-SEJĦA TAL-MADONNA TA’ PINU
Fit-22 ta’ Ġunju 1883, Karmela Grima, xebba bidwija mill-Għarb, kienet ġejja lura lejn darha, mill-għalqa tagħhom in-naħa tal-Ġurdan, filwaqt li kienet qed tgħid xi talbiet privati tagħha. Kienu qrib l-għaxra ta’ filgħodu, u xħin kienet għaddejja ħdejn il-kappella Ta’ Pinu, semgħet għal darbtejn jew tlieta leħen isejħilha: “EJJA, EJJA”. Ħarset lura, u billi ma rat lil ħadd, baqgħet miexja. Imma l-leħen ta’ qabel tenna: “EJJA LLUM, GĦALIEX QABEL SENA MA TKUNX TISTA’ TIĠI”.
Għalhekk, hija reġgħet xi passi lura sabiex taqbad il-passaġġ u bdiet miexja bil-mod u beżgħana lejn il-kappella. Xħin waslet, talbet għal ħin wieħed fis-skiet u ġarrbet hena mhux tas-soltu; u xħin spiċċat, qagħdet ittella’ u tniżżel x’sejra titlob iżjed. F’dak il-ħin, l-istess leħen reġa’ qalilha: “GĦID TLIET AVE B’TIFKIRA TAT-TLITT IJIEM LI ĠISMI DAM FIL-QABAR”.
Fl-istess żmien, u għal madwar sitt darbiet, il-Madonna Ta’ Pinu kellmet ukoll lil Franġisk Portelli u qaltlu: “ĦABREK BIEX TKUN DEVOT TAL-PJAGA TAL-ISPALLA TA’ IBNI LI KIENET MAGĦMULA MIS-SALIB, WAQT LI KIEN TIELA’ GĦALL-KALVARJU, U ĦABREK ĦALLI ANKI L-OĦRAJN IKOLLHOM L-ISTESS DEVOZZJONI”.
Wara dawn il-ġrajjiet id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu baqgħet dejjem tiżdied. Xhieda ta’ dan hi l-istess inkurunazzjoni tal-kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu: ħaġa li f’dawk iż-żminijiet kienet riservata għall-Kapitlu tal-Bażilika tal-Vatikan. Filfatt din l-inkurunazzjoni saret bl-approvazzjoni tal-Papa Piju XI, nhar l-20 ta’ Ġunju 1935.
Ma dan ma nistgħux ma nsemmux iż-żjara li l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel lis-Santwarju nhar is-26 ta’ Mejju 1990, u l-Warda tad-Deheb li nhar it-18 ta’ April 2010 il-Papa Benedettu XVI qiegħed quddiem x-xbieha mirakoluża tal-Madonna Ta’ Pinu. F’din l-okkażjoni hu kien qalilna: “ITOLBUHA U SEJĦULHA SULTANA TAL-FAMILJA”.


--- https://www.facebook.com/tapinu.org/ ---


AUDIO --- soundcloud - Isqof Mario Grech 


==========================================
==========================================


22nd June 2019, Feast of the calling of Our Lady of Ta' Pinu

    Note from Diocese of Gozo, Facebook

Is-Santwarju Ta’ Pinu: Klinika tal-Ispirtu

Omelija fil-Festa tas-Sejħa tal-Madonna Ta’ PinuSantwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Is-Sibt 22 ta’ Ġunju 2019
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex
F’Kana għandna żewġ għarajjes friski mriegħxa għax ma kienx fadlilhom inbid għall-mistednin. Nistħajjel li meta ntebħu bil-problema, l-għarajjes riedu l-art tinfetaħ u tiblagħhom għax waqgħu għaċ-ċajt. Bl-intervent tiegħu Ġesù mhux biss ipprovdielhom l-inbid, imma serrħilhom rashom u mliehom bit-tama. F’ċertu sens fil-miraklu ta’ Kana Ġesù ma kienx tant dak li jimla l-ġarar bi nbid ġdid, imma huwa t-tabib li fejjaq il-qalb miksura u muġugħa ta’ din il-koppja.
Għal ħafna mill-Missirijiet tal-Knisja Ġesù huwa t-tabib. Sant’Ambroġ jikteb li “l-kelma ta’ Kristu hija l-mediċina li għandha l-qawwa tagħlaq il-ġerħat”.[1]U fi kliem Santu Wistin, “Ġesù huwa tabib tal-kuxjenza li f’idu għandu xafra li tfejjaq u din hija l-kelma tiegħu”.[2]Oriġene jgħallem li Alla ħejja għalqa bil-ħxejjex mediċinali bid-diskorsi li nsibu fil-Bibbja.[3] Hu jtenni li l-“mediċina tal-Ispirtu tinsab fih”.[4]
Il-Missirijiet tal-Knisja jgħallmu li filwaqt li Kristu huwa “archiatrus” (it-tabib ewlieni), huwa għadda din il-missjoni lill-oħrajn. Hekk San Ġrolmu jagħraf lill-profeti bħala “tobba tal-Ispirtu”[5]u Oriġene jsostni li din il-missjoni medika rċevewha wkoll dawk li wara l-Appostli jagħmlu parti mill-Knisja u lilhom ġiet fdata l-missjoni li jfejqu l-feriti.[6]Jekk il-profeti u s-suċċessuri tal-Appostli huma wkoll “tobba tal-Ispirtu”, bir-raġun nistgħu nżommu li wkoll Marija, Sultana tal-Appostli, hija esperta li tfejjaq lill-bniedem miġruħ.
Fil-fatt Kristu t-tabib ma kienx waħdu f’Kana imma kellu miegħu lil Marija Ommu. Meta hija titlob lil Ġesù biex jgħin lill-għarajjes, nistħajjilha l-“infermiera” li tkun mat-tabib waqt li jkun idur fis-sala tal-isptar. Marija għandha l-kwalitajiet kollha biex tkun infermiera tajba: għax barra li bħala mara mżejna bil-ġenju femminili għandha bedside manners tajbin ħafna, hija Omm dawk li jeħtieġu l-kura tat-tabib. Liema omm ser tittraskura lil uliedha morda jew mhix ser tirrakkomandahom lit-tabib, aktar u aktar meta t-tabib huwa Binha wkoll? Barra minn hekk, din l-infermiera taf kemm hija effettiva l-mediċina li jagħti dan it-tabib: Marija taf li l-kelma ta’ Ġesù tagħti l-ħajja. Kien għalhekk li f’Kana lill-għarajjes tgħidilhom: “Agħmlu dak li jgħidilkom hu”.
F’dan il-kuntest illum nilmaħ f’dan is-Santwarju Ta’ Pinu dak li l-Papa San Pawlu VI sejjaħ “klinika tal-Ispirtu”: “Dak li forsi ma jersaqx biex jirċievi l-grazzja ta’ Alla fil-parroċċa, jagħmel il-qalb u jmur għand Marija”.[7]L-istess ħsieb tennieh dan l-aħħar il-Papa Franġisku meta qal li “s-santwarji [huma] mkejjen kważi sagramentali ta’ Knisja sptar fuq il-kamp tal-battalja, li jħarsu l-memorja ta’ poplu fidil li qalb it-tiġrib tiegħu ma jegħja qatt ifittex l-għajn tal-ilma ħaj mnejn iġedded it-tama tiegħu”.[8]Iva, is-Santwarju Ta’ Pinu huwa “klinika tal-Ispirtu” fejn iservu Kristu t-tabib u Marija l-infermiera.
Huwa fatt irreġistrat fl-istorja li x-xniegħa li l-Madonna kienet tkellmet ma’ tnejn min-nies mill-Għarb, Karmni Grima u Franġisku Portelli, bdiet tixtered fl-1886 (tliet snin wara li seħħet il-ġrajja tas-Sejħa) kawża ta’ fejqan mirakuluż ta’ Ċensa, omm Franġisku. “Ċensa minħabba marda tal-qalb kienet waslet f’xifer il-qabar. Uliedha Franġisk, Nikola u Nardu marru jżuru l-Kappella Ta’ Pinu u wara li qalu r-rużarju għall-fejqan ta’ ommhom, għamlu wegħda li jdendlu lampier quddiem ix-xbieha tal-Madonna u li kull meta jkunu jistgħu jixegħluh. L-għada ommhom bdiet ġejja għat-tajjeb u wara ftit irnexxielha teħles mill-periklu ta’ ħajjitha u għexet għal sentejn u nofs oħra”.[9]
Biex ngħid hekk, Ċensa Portelli kienet l-ewwel pazjenta f’din il-“klinika” Ta’ Pinu u minn dakinhar huma bla għadd dawk li ġew f’dan is-Santwarju jfittxu fejqan ta’ kull xorta. Meta din is-sena nedejna s-Sena Marjana, kelli f’moħħi li bħala Knisja f’Għawdex nibagħtu messaġġ qawwi biex infakkru li hawn din il-“klinika” li tilqa’ fiha lil kull min qed iħoss is-saħħa tonqoslu – kemm is-saħħa fiżika, affettiva, psikoloġika, morali u spiritwali. Barra l-mard personali hemm il-mard li qed jifni ż-żwiġijiet u l-familji tagħna, hemm mard li jżarma lill-ġenerazzjoni żagħżugħa, hemm mard li jheżżeż l-istrutturi soċjali tagħna, hemm mard li qed iċajpar il-viżjoni tagħna tad-dinjità umana, hemm mard li qed imermer l-ekonomija, hemm mard li qed iħawwad lill-ħassieba u x-xjenzati, hemm mard li laqat il-Knisja u n-nies tagħha.
Kulħadd huwa milqugħ f’din il-klinika – kemm dawk li huma qrib u kemm dawk li huma fil-bogħod, kemm dawk li huma Nsara prattikanti u kemm dawk li abbandunaw il-fidi, kemm dawk li huma mgħammda u kemm dawk li għandhom twemmin ieħor, kemm dawk li huma vittmi tad-deni li għamel ħaddieħor u kemm dawk li huma responsabbli tal-ħsara li tkun saret.
Ħadd ma għandu jaqta’ qalbu mill-fejqan, anki jekk il-marda tkun ilha s-snin fuqu. Ma hemm ebda marda li ma titfejjaqx; anki jekk l-esperti tad-dinja ma jsibux tarf, xorta waħda nfittxu kenn f’din il-klinika għax it-tabib (Ġesù) huwa Alla u l-infermiera (Marija) hija Omm Alla. Forsi ma naqilgħux l-għamla ta’ fejqan li nkunu nixtiequ, imma kif jgħid San Ġustinu, il-fatt li Ġesù huwa qrib tagħna u nħossuh jerfa’ fuqu parti mit-tbatija tagħna diġà huwa mediċina. San Pietru Krisologu jgħallem: “Ġesù sar bniedem biex jieħu fuqu l-mard tagħna u minflok lilna jagħtina l-virtujiet tiegħu, jieħu fuqu l-uman u jagħtina d-divin, jissaporti t-tbatija u jagħtina s-saħħa. It-tabib li ma jerfax il-mard ma jafx ifejjaq u min mhux marid ma’ min hu marid, ma jafx ifejjaq”.
Kif f’Kana Marija daħlet quddiem Ġesù biex tfejjaq lil dawk l-għarajjes, hekk f’dan is-Santwarju-klinika Ta’ Pinu Marija tibqa’ tressaqna għand Ġesù biex jagħtina l-mediċina għall-fejqan. Ħa jkun magħruf li hawnhekk f’Ta’ Pinu hawn “Knisja sptar fuq il-kamp tal-battalja” fejn Marija hija l-infermiera li kollha tenerezza u mħabba lesta tilqa’ u tisma’ lil kull min qed iħossu magħsur bil-piż ta’ mard u tressqu quddiem Ġesù, dak li Klement ta’ Lixandra sejjaħ “it-tabib li jfejjaq l-infermità tal-bnedmin u jirbaħ ir-ruħ marida”.[10]Niżbaljaw jekk naħsbu li biex tidħol fid-dar ta’ Marija trid tkun “imfejjaq”, u għalhekk hemm min, għax konxju mill-mard tiegħu, partikularment dak spiritwali u morali, jibqa’ barra. Nerġa’ ntenni: is-Santwarju Ta’ Pinu huwa “sptar” u “klinika” li għandu l-bibien tiegħu miftuħa biex ikebbes it-tama fil-qalb ta’ dawk kollha li jkunu tilfuha. Bħal kull sptar, dan is-Santwarju ma jagħlaq qatt. Hija xewqa tiegħi li jitwessa’ l-orarju tal-ftuħ ta’ dan is-Santwarju u jkunu ħinijiet li jirriflettu ż-żminjiet tal-lum. Marija, Saħħa tal-morda, itlob għalina.
Noti
[1] Expositio Evangelii secundum Lucam, 7,75.
[2] Enarrationes in Psalmos, 93,7.
[3] Homilia 1 super Psalmum, 37.
[4] Homilia in Leviticum, 8.
[5] Commentaria in Malachiam, PL 25.
[6] Ara Homiliam in Psalmos, 37.
[7] Messaġġ, 1 ta’ Diċembru 1965.
[8] Omelija, Santwarju ta’ Sumuleu-Ciuc, 1 ta’ Ġunju 2019.
[9] Nikol Ġ. Cauchi, Karmni Grima – ix-xebba li semgħet il-leħen tal-Madonna Ta’ Pinu, 26.
[10] Il pedagogo, 1,6,1.

Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Arċidjoċesi ta’ Malta



==========================================================
==========================================================
==========================================================



Omelija tal-Isqof Teuma - 22.06.2021















.