THE GOSPEL ON TUESDAY OF HOLY WEEK
--- 'What you are going to do, do quickly' ---
L-EVANĠELJU TAT-TLIETA TAL-ĠIMGĦA MQADDSA
Evanġelju
Wieħed minnkom se jittradini ... is-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun
ċħadtni tliet darbiet.
Ġw 13, 21-33.36-38
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, waqt li kien fil-mejda mad-dixxipli tiegħu,[Ġw:13:21]
Ġesù ħass ruħu jitħawwad, u stqarr bil-miftuħ: "Tassew tassew ngħidilkom
li wieħed minnkom se jittradini!" [Ġw:13:22] Id-dixxipli qabdu jħarsu lejn
xulxin, ma jafux għal min qal hekk. [Ġw:13:23] Wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak
li Ġesù kien iħobb, kien maġenbu fuq il-mejda, b'rasu ma' sider Ġesù.
[Ġw:13:24] Xmun Pietru għamillu sinjal u staqsieh: "Għal min qiegħed
jgħid?" [Ġw:13:25] Dak, kif kien mimdud hekk fuq sider Ġesù, staqsieh:
"Min hu, Mulej?" [Ġw:13:26] Wieġbu Ġesù: "Dak li għalih se nbill
din il-loqma ħobż fil-platt u nagħtihielu." Mbagħad bill biċċa ħobż, u
qabad u taha lil Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota. [Ġw:13:27] Ġuda ħa l-biċċa ħobż u
daħal fih ix-Xitan. Qallu Ġesù: "Dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx."
[Ġw:13:28] Imma ħadd minn dawk li kienu fuq il-mejda ma kien jaf għalfejn qallu
hekk. [Ġw:13:29] Billi Ġuda kien il-kaxxier, xi wħud stħajjlu lil Ġesù jgħidlu,
'Mur ixtri dak li neħtieġu għall-festa,' jew biex imur jagħti xi ħaġa lill-foqra.
[Ġw:13:30] Dak, wara li ħa l-biċċa ħobż, minnufih ħareġ 'il barra. Kien
billejl.
[Ġw:13:31] Kif ħareġ Ġuda, Ġesù qal: "Bin il-bniedem huwa
gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. [Ġw:13:32] Jekk Alla
huwa gglorifikat permezz ta' Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu
għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. [Ġw:13:33] Uliedi, ftit ieħor
se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil-Lhud, hekk ukoll ngħidu
issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu" [Ġw:13:36] Qallu
Xmun Pietru: "Fejn sejjer, Mulej?" U Ġesù wieġbu: "Fejn sejjer
jien, int għalissa ma tistax tiġi miegħi; imma tiġi warajja aktar tard."
[Ġw:13:37] Qallu Pietru: "Għaliex, Mulej, ma nistax niġi miegħek issa?
Għalik jiena nagħti ħajti!" [Ġw:13:38] Wieġbu Ġesù: "Inti, tagħti
ħajtek għalija? Tassew tassew ngħidlek li s-serduk ma jkunx idden qabel ma tkun
ċħadtni tliet darbiet!"
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
.