Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt
[Mt:9:18] Kif kien għadu jgħidilhom dan, resaq lejh wieħed mill-kapijiet, nxteħet f'riġlejh u qallu: "Binti iss'issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix."[Mt:9:19] Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.[Mt:9:20] Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa,[Mt:9:21] għax bejnha u bejn ruħha qalet: "Mqar jekk immiss il-libsa tiegħu, nfiq."[Mt:9:22] Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: "Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejjqitek." U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.[Mt:9:23] Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ;[Mt:9:24] u qalilhom: "Warrbu, għax it-tifla m'hijiex mejta, imma rieqda." U qabdu jiddieħku bih.[Mt:9:25] Iżda hu keċċa n-nies 'il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet.[Mt:9:26] U din l-aħbar xterdet ma' dak il-pajjiż kollu.