blank'/> SHARING THE REAL TRUTH

Sunday, July 08, 2012

Mt 9:32-38 -- ...The Workers Are Few - Ġesù jfejjaq wieħed imbikkem + Ġesù jħoss għan-nies




Ġesù jfejjaq wieħed imbikkem

[Mt:9:32] Kif dawk ħarġu, in-nies ġibulu quddiemu wieħed imbikkem maħkum mix-xitan.[Mt:9:33] Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: "Ħaġa bħal din qatt ma dehret f'Iżrael?"[Mt:9:34] Imma l-Fariżej qalu: "Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten."

Ġesù jħoss għan-nies

[Mt:9:35] Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta' mard u 'l kull min kien nieqes minn saħħtu.[Mt:9:36] Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.[Mt:9:37] Mbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: "Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.[Mt:9:38] Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu."

Friday, July 06, 2012

Mt 9:18-26 -- Jesus Raises a Dead Girl and Heals a Sick Woman - Ġesù jfejjaq........




Ġesù jfejjaq mara u jqajjem tifla mill-mewt

[Mt:9:18] Kif kien għadu jgħidilhom dan, resaq lejh wieħed mill-kapijiet, nxteħet f'riġlejh u qallu: "Binti iss'issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix."[Mt:9:19] Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.[Mt:9:20] Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa,[Mt:9:21] għax bejnha u bejn ruħha qalet: "Mqar jekk immiss il-libsa tiegħu, nfiq."[Mt:9:22] Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: "Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejjqitek." U minn dak il-ħin stess    il-mara fieqet.[Mt:9:23] Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa   tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ;[Mt:9:24] u qalilhom: "Warrbu, għax it-tifla m'hijiex mejta, imma rieqda." U qabdu jiddieħku bih.[Mt:9:25] Iżda hu keċċa n-nies 'il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet.[Mt:9:26] U din l-aħbar xterdet ma' dak il-pajjiż kollu.

Mt 9:14-17 -- Jesus Questioned About Fasting - Mistoqsija fuq is-sawm




Mistoqsija fuq is-sawm

[Mt:9:14] Mbagħad resqu lejh id-dixxipli ta' Ġwanni u qalulu: "Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux ?"[Mt:9:15] Qalilhom Ġesù: "Huwa l-mistednin ta' l-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom ? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. [Mt:9:16] Ħadd ma jraqqa' libsa qadima b'biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber.[Mt:9:17] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f'damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn."

Mt 9:9-13 -- The Calling of Matthew - Is-sejħa ta' Mattew





Is-sejħa ta' Mattew
[Mt:9:9] Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew."Ejja warajja" qallu. Dak qam u mar warajh.[Mt:9:10] U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù u d-dixxipli tiegħu.[Mt:9:11] Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: "Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?"[Mt:9:12] Hu semagħhom, u qal: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda.[Mt:9:13] Mela morru tgħallmu x'jiġifieri, 'Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju'; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin."


.