SALM RESPONSORJALI
Salm 106, 21-31
R/. Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għall-tjubitu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin.
U joffrulu sagrifiċċji ta’ radd il-ħajr,
u jxandru l-għemejjel tiegħu b’għana ferrieħi. R/.
Dawk li jbaħħru fuq l-iġfna,
li jinnegozjaw fuq l-ibħra bla tarf,
raw l-opri tal-Mulej
u l-għeġubijiet tiegħu f’qiegħ il-baħar. R/.
Hu ordna u qajjem riefnu,
li qanqal imwieġ il-baħar.
Għolew sas-smewwiet
u niżlu sa qiegħ il-baħar;
qalbhom bdiet tferfer bil-biża’. R/.
Bdew jitbandlu u jixxenglu bħal nies fis-sakra,
u s-sengħa tagħhom xejn ma switilhom.
Għajjtu lill-Mulej fl-hemm tagħhom,
u mid-dwejjaq tagħhom ħelishom.
U bidel ir-riefnu f’żiffa, u sikket mewġ il-baħar. R/.
Huma ferħu għax ibbnazza;
u hu wassalhom sal-port li xtaqu.
Ħa jroddu ħajr lill-Mulej għal tjubitu,
għall-għeġubijiet tiegħu mal-bnedmin. R/.
------------------------------------------------------------------
Qari II
Il-Maltin ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.
Atti 27:16 – 28:10
Qari mill-Atti tal-Appostli.
F’dak iż-żmien,
b’ġirja waħda għaddejna
taħt ir-riħ ta’ daqsxejn ta’ gżira jisimha Kawda.
Bilkemm stajna nżommu d-dgħajsa warajna,
u għalhekk tellgħuha mill-baħar.
Imbagħad qabdu l-armar
u rabtu l-ġifen dawramejt biċ-ċimi,
niżżlu l-qlugħ għax beżgħu li ninkaljaw fuq is-Sirti,
u hekk ħallejna l-mewġ iġorrna miegħu.
L-għada t-tempesta ħabbtitna ħafna,
bdew iwaddbu t-tagħbija l-baħar,
u fit-tielet jum
irmew it-tagħmir tal-ġifen b’idejhom stess.
Għal ħafna jiem
la dehret xemx u lanqas kwiekeb;
it-tempesta li qabditna ma kinitx ħafifa,
hekk li fl-aħħar tlifna kull tama li nsalvaw.
In-nies kienu ilhom ħafna
ma jieħdu xi ħaġa biex jitrejjqu;
Pawlu waqaf f’nofshom u qalilhom:
“Ħbieb, kien imisskom smajtu minni
u ma tlaqtux minn Kreta;
kontu teħilsu minn din il-ħsara u dan it-telf.
Imma issa nwissikom biex tagħmlu l-qalb,
għax ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu;
il-ġifen biss jintilef.
Għax dal-lejl deherli anġlu
ta’ dak Alla li tiegħu jien u li lilu nqim,
u qalli, “Tibżax, Pawlu.
Jeħtieġ li inti tidher quddiem Ċesari;
ara, Alla tak il-grazzja
li dawk kollha
li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw.”
Mela qawwu qalbkom, ħbieb.
Jien nemmen f’Alla li hekk isir,
sewwasew kif ħabbarli.
Jinħtieġ iżda li naħbtu ma’ gżira”.
Meta wasal l-erbatax-il lejl,
konna ninsabu mitfugħin ’l hawn u ’l hemm
fil-baħar ta’ Adrija.
Għall-ħabta ta’ nofs il-lejl
il-baħrin ħassew li konna resqin qrib xi art.
Skandaljaw il-fond tal-baħar,
u sabu għoxrin qama;
imxejna ftit ieħor ‘il quddiem,
reġgħu skandaljaw, u sabu ħmistax.
Huma beżgħu li xi mkien
konna se naħbtu ma’ xi skoll,
u għalhekk niżżlu erba’ ankri mill-poppa.
Ix-xewqa tagħhom kienet
li ma jdumx ma jisbaħ.
Il-baħrin bdew ifittxu li jaħarbu mill-ġifen,
u niżżlu dgħajsa l-baħar
bħallikieku biex idendlu xi ankri mill-pruwa.
Iżda Pawlu qal liċ-ċenturjun u lis-suldati:
“Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen,
intom ma tistgħux issalvaw”.
Imbagħad is-suldati qaċċtu l-ħbula tad-dgħajsa
u ħallewha tmur għal riħha.
Meta sar il-ħin biex jisbaħ,
Pawlu qabad jagħmel il-qalb lil kulħadd
biex jitrejjqu b’xi ħaġa, u qalilhom:
ssa ġa ilkom erbatax-il ġurnata
tistennew sajmin u ma dduqu xejn.
Għalhekk agħmlu l-qalb
u trejqu b’xi ħaġa tal-ikel;
dan jiswielkom għal saħħitkom,
għax ħadd minnkom
m’hu se jitlef xagħra waħda minn rasu”.
Kif qal dan,
qabad il-ħobż,
radd il-ħajr lil Alla quddiem kulħadd,
qasam u beda jiekol.
Imbagħad kulħadd għamel il-qalb,
u ħadu xi ħaġa tal-ikel huma wkoll.
Konna b’kollox
mitejn u sitta u sebgħin ruħ fuq il-ġifen.
Wara li xebgħu,
bdew iħeffu l-ġifen u jwaddbu l-qamħ il-baħar.
Xħin imbagħad sebaħ,
l-art ma għarfuhiex;
lemħu biss bajja bi xtajta fiha,
u qatgħuha li, jekk jistgħu,
jitfgħu l-ġifen fuqha.
Irħew l-ankri u telquhom il-baħar,
u ħallew ukoll l-irbit tat-tmun.
Imbagħad tellgħu l-qala’ ż-żgħir ta’ quddiem għar-riħ
u rħewlha lejn ix-xtajta.
Iżda ħbatna ma’ sikka bejn żewġ kurrenti,
u l-baħrin waħħlu l-ġifen fuqha.
Il-pruwa baqgħet imwaħħla sewwa fil-post
u ma tħarrkitx iżjed,
imma l-poppa bdiet titfarrak bil-qilla tal-mewġ.
Is-suldati riedu kieku joqtlu l-priġunieri,
li ma jmurx jaħrab xi ħadd minnhom bil-għawm;
iżda ċ-ċenturjun, li ried isalva ’l Pawlu,
ma ħalliex il-ħsieb tagħhom iseħħ.
Lil dawk li kienu jafu jgħumu
ordnalhom jintefgħu huma l-ewwel il-baħar
u jmorru l-art;
lill-oħrajn ordnalhom jilħqu x-xatt,
min fuq twavel
u min fuq bċejjeċ imkissra tal-ġifen.
U hekk kulħadd qabad l-art qawwi u sħiħ.
Meta ħlisna mill-għarqa,
sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.
In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna
bi ħlewwa li ma bħalha.
Laqgħuna tajjeb lilna lkoll
u qabbdulna ħuġġieġa,
għax kienet bdiet nieżla x-xita
u kien il-bard.
Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa
u tefagħhom fin-nar.
Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li,
malli ħasset is-sħana,
ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu.
In-nies tal-gżira,
kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu,
bdew jgħidu wieħed lil ieħor:
“Dan ir-raġel żgur xi qattiel,
għax għad li ħelisha mill-baħar,
il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!”
Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.
Huma stennew li se jarawh jintefaħ
jew jaqa’ u jmut f’daqqa.
Wara li damu jistennew ħafna
u raw li ma ġralu ebda deni,
biddlu l-ħsieb
u bdew jgħidu li kien xi alla.
F’dawk l-inħawi
kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira,
li kien jismu Publju.
Dan laqagħna
u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem.
Missier Publju inzerta mixħut,
marid bid-deni u d-disenterija.
Pawlu daħal ħdejh,
għamel talba,
qiegħed idejh fuqu u fejjqu.
Wara dan, imbagħad,
bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira,
u hu fejjaqhom.
Urewna ġieħ kbir,
u meta ġejna biex nitilqu,
għabbew fuq il-ġifen
kulma konna neħtieġu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
------------------------------------------------------------------
jew:
QARI II
Il-Maltin ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħala.
Atti 28:1-10
Qari mill-Atti tal-Appostli.
Meta ħlisna mill-għarqa,
sirna nafu li l-gżira kien jisimha Malta.
In-nies tagħha ġiebu ruħhom magħna
bi ħlewwa li ma bħalha.
Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabbdulna ħuġġieġa,
għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.
Mela Pawlu qabad qabda zkuk niexfa
u tefagħhom fin-nar.
Fiz-zkuk kien hemm lifgħa li, malli ħasset is-sħana,
ħarġet u qabdet ma’ id Pawlu.
In-nies tal-gżira, kif raw il-lifgħa mdendla ma’ idu,
bdew jgħidu wieħed lil ieħor:
“Dan ir-raġel żgur xi qattiel,
għax għad li ħelisha mill-baħar,
il-Ġustizzja ma ħallitux jgħix!”.
Imma hu farfar il-lifgħa ġon-nar u ma ġralu xejn.
Huma stennew li se jarawh jintefaħ
jew jaqa’ u jmut f’daqqa.
Wara li damu jistennew ħafna
u raw li ma ġralu ebda deni,
biddlu l-ħsieb u bdew jgħidu li kien xi alla.
F’dawk l-inħawi
kien hemm l-oqsma tal-prinċep tal-gżira,
li kien jismu Publju.
Dan laqagħna
u bil-qalb kollha żammna għandu tlitt ijiem.
Missier Publju inzerta mixħut,
marid bid-deni u d-disenterija.
Pawlu daħal ħdejh,
għamel talba,
qiegħed idejh fuqu u fejjqu.
Wara dan, imbagħad,
bdew ukoll jersqu għandu l-morda l-oħra tal-gżira,
u hu fejjaqhom.
Urewna ġieħ kbir,
u meta ġejna biex nitilqu,
għabbew fuq il-ġifen
kulma konna neħtieġu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
------------------------------------------------------------------
jew:
QARI II
Tliet darbiet rajt l-għarqa.
2 Kor 11, 18.24-31
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korinitin.
Ħuti:
Jekk ħafna jiftaħru
ta’ bnedmin li huma,
ħa niftaħar jien ukoll.
Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud
l-erbgħin daqqa neqsin waħda;
tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi;
darb’oħra ħaġġruni.
Tliet darbiet rajt l-għarqa;
għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar.
Għamilt safar bla għadd;
sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar,
perikli mill-ħallelin,
perikli min-nies ta’ ġensi,
perikli mill-pagani,
perikli fl-ibliet,
perikli fid-deżert,
perikli fil-baħar,
perikli mill-aħwa qarrieqa.
Taħbit u xogħol iebes;
kemm-il darba
kelli ngħaddi sahriet bla rqad,
bil-ġuħ u bil-għatx;
kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm,
fil-ksieħ u fl-għera!
U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra,
dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies
ta’ kuljum għandi,
u l-ħsieb tal-knejjes kollha!
Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien?
Min hu dak li jsib min ifixklu,
u jien ma nħossnix imbaqbaq?
Jekk għandi niftaħar,
niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija.
Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu
– li hu mbierek għal dejjem –
jaf li m’iniex nigdeb.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Salm 117
R/. Hallelujah.
Faħħru lill-Mulej, ġnus kollha,
sebbħuh, popli kollha;
għaliex qawwija hi l-grazzja tiegħu għalina:
il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.
R/. Hallelujah.
EVANĠELJU
Marru jippridkaw kullimkien.
Mk 16, 15-20
Qari mill-Evanġelju skont San Mark.
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Ħdax :
“Morru fid-dinja kollha,
xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu.
Min jemmen u jitgħammed, isalva;
iżda min ma jemminx, ikun ikkundannat.
U dawn huma s-sinjali
li jsieħbu lil dawk li jemmnu:
f’ismi jkeċċu x-xjaten,
jitkellmu b’ilsna ġodda,
jaqbdu s-sriep b’idejhom,
u jekk jixorbu xi xorb li jġib il-mewt
ma jagħmlilhomx ħsara;
iqiegħdu idejhom fuq il-morda u dawn ifiqu.”
U hekk il-Mulej Ġesù,
wara li kellimhom, kien imtella’ fis-sema
u qagħad in-naħa tal-lemin ta’ Alla.
Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien;
il-Mulej kien jaħdem magħhom
u jwettaq il-kelma bil-mirakli li kienu jsiru magħha.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.