MONDAY 4th week of Easter - in Years B & C
10. Il-parabbola tan-nagħaġ
[Ġw:10:1] "Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. [Ġw:10:2] Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. [Ġw:10:3] Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b'isimhom u joħroġhom barra. [Ġw:10:4] U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. [Ġw:10:5] Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx." [Ġw:10:6] Din il-parabbola qalilhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x'ried jgħidilhom biha.
Ġesù r-ragħaj it-tajjeb
[Ġw:10:7] Għalhekk Ġesù raġa' qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. [Ġw:10:8] Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. [Ġw:10:9] Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. [Ġw:10:10] Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra.