blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: Psalm 42 -- Salm 42

Tuesday, March 20, 2012

Psalm 42 -- Salm 42



SALM 42. Xewqa kbira għat-tempju ta' Alla

 (S:42:1) Għall-mexxej tal-kor. Maskil. Ta' wlied Koraħ.

 (S:42:2) Bħalma għażżiela tixxennaq għan-nixxigħat ta' l-ilma, hekk tixxennaq ruħi għalik, o Alla.

 (S:42:3) Ruħi għatxana għal Alla, għal Alla l-ħaj; meta niġi u nara wiċċ Alla?

 (S:42:4) Id-dmugħ lejl u nhar kien l-ikel tiegħi, meta l-jum kollu kienu jgħiduli: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 (S:42:5) Dan niftakar, u nħoss qalbi tinħall ġewwa fija, kif kont nimxi lejn it-tabernaklu tas-sebħ sad-dar ta' Alla, fost għajta ta' ferħ u ta' radd il-ħajr, qalb folla ferħana.

 (S:42:6) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru;

 (S:42:7) hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi! Tintelaq ruħi ġo fija; għalhekk fik niftakar minn art il-Ġordan u mill-Ħermon u mill-muntanja ta' Misgħar.

 (S:42:8) Minn irdum għal irdum jidwu l-ħsejjes qawwija ta' l-ilmijiet tiegħek; il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek għaddew minn fuqi.

 (S:42:9) Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu; jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.

 (S:42:10) Ngħid lil Alla, il-blata tiegħi: "Għaliex tlaqtni? Għax għandi ngħix imdejjaq taħt it-tagħkis ta' l-għadu?"

 (S:42:11) Kull meta jgħajjruni l-għedewwa tiegħi, qishom qed ikissruli għadmi; meta jgħiduli l-ħin kollu: "Fejn hu Alla tiegħek?"

 (S:42:12) Għaliex tintelaq, ruħ tiegħi, u titħawwad ġewwa fija? Ittama f'Alla, għax jien nibqa' nfaħħru; hu l-għajnuna tiegħi u Alla tiegħi!