IT-TRIQ TAS-SALIB MA’ SAN FRANĠISK T'ASSISI
Introduzzjoni
Il-Via Crucis hija devozzjoni li l-Insara jipprattikaw billi jimxu fi spirtu ta’ penitenza t-triq li mexa Ġesu’ meta ġarr is-Salib mingħand Pilatu sal-kalvarju. Id-devozzjoni tal-Via Sacra kellha l-bidu tagħha fil-belt ta’ Ġerusalemm, fejn sal-lum il-Franġiskani, flimkien mal-pellegrini li jżuru l-art imqaddsa mid-dinja kollha, għadhom iterqu fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar ta’ kull nhar ta’ Ġimgha. Il-famuza pellegrina spanjola Egeria fi tmiem ir-raba’ seklu tagħtina xhieda tad-devozzjoni marbuta ma’ xi postijiet li kienu jfakkru xi grajjiet tal-Passjoni. Mat-tmiem l-epoka tal-Kruċjati, dawn il-postijiet sawwru mixja determinata, li mis-seklu sittax saret magħrufa bhala l-Via Dolorosa.
Il-pellegrini li kienu jżuru l-art imqaddsa, kienu jerġghu lura lejn arthom bix-xewqa li jerġghu jgħixu l-emozzjoni spiritwali li jkunu sperimentaw f’Ġerusalemm. B’hekk twaqqfu f’diversi naħat tal-Ewropa, kappelli kommemorattivi li għalihom inkitbu kotba devozzjonali f’ġieh il-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej. Giovanni Pascha (+ 1532), Karmelitan minn Malines fil-Belgju, attribwixxa lill-istazzjonijiet tal-Via Crucis, l-ordni li nafu bih illum. Dan l-ordni xtered imbagħad fi Spanja, Sardegna u l-Italja. Malajr din id-devozzjoni rċeviet l-approvazzjoni tal-Papiet u xterded mad-dinja kollha l-aktar permezz tal-predikazzjoni tal-franġiskan San Leonardu minn Porto Maurizio (+ 1751).
************
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu Ammen.
Nadurawk, Sidna Ġesù Kristu, hawn u fil-Knejjes kollha tiegħek, li jinsabu fid-dinja kollha, u nberkuk, għax bis-salib imqaddes tiegħek inti fdejt id-dinja.
Ejjew ilkoll kemm aħna nsammru l-ħarsa tagħna fuq ir-Rgħaj it-tajjeb li sofra l-Passjoni fuq is-salib biex isalva lin-ngħaġ tiegħu. In-ngħaġ tal-Mulej imxew wara l-Mulej fit-taħbit u l-persekuzzjoni, fil-mistħija u fil-ġuħ, fil-mard u fit-tiġrib u f’kull prova, oħra; u ta’ dan kollu ħadu bħala premju l-ħajja ta’ dejjem.
Nitolbu
O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int fdejtna bil-mewt qaddisa ta’ Kristu Ibnek u bil-qawmien tiegħu għall-ħajja; ibqa’ ħares fina dan l-għemil tiegħek ta’ ħniena biex bis-saħħa ta’ dan il-misteru li sejrin nieħdu sehem fih, ngħixu marbuta miegħek. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.
************
1 L-EWWEL STAZZJON
ĠESÙ KKUNDANNAT GĦALL-MEWT
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Mill-Evanġelju skont San Mattew
Pilatu staqsihom: “Imma x'għamel ħażin?” Huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: “Sallbu! Sallbu!” Meta ra li kollox kien għalxejn...telqilhom lil Barabba u lil Ġesu’, wara li tah is-swat, tahulhom biex isalbuh.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Dawk li rċevew is-setgħa li jagħmlu ħaqq mill-oħrajn, għandhom jagħmlu l-ħaqq bil-ħniena, skont kif iridu li huma jsibu ħniena mingħand il-Mulej. Ħa jkollna mela l-imħabba u l-umiltà u għandna nagħmlu karità, għaliex din taħsel lill-erwieħ mill-ħmieġ tad-dnubiet.
Għax il-bnedmin għad jitilfu dak kollu li jħallu warajhom fid-dinja; magħhom iġorru biss l-imħabba tal-ħniena u tal-karità li jkunu għamlu u ta’dawn jirċievu mingħand il-Mulej il-premju u l-ħlas mistħoqq.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
2 IT-TIENI STAZZJON
ĠESÙ MGĦOBBI BIS-SALIB
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Ġesu’ qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ sallibu kuljum u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi isalvaha”.
Il-Kelma tal-Mulej
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Hu reħa r-rieda tiegħu fir-rieda tal-Missier. Issa r-rieda tal-Missier kienet din, li l-Iben tiegħu imbierek u glorjuż, li ġie mogħti lilna u li twieled għalina, joffri lilu nnifsu bid-demm tiegħu stess b’sagrifiċċju u vittma fuq l-altar tas-salib. Dan għamlu mhux għalih innifsu, hu li bih sar kollox, imma għal dnubietna, u hekk ħallielna eżempju, biex nimxu fuq il-passi tiegħu.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
3 IT-TIELET STAZZJON
ĠESÙ JAQA’ GĦALL-EWWEL DARBA
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Hu refa’ fuqu l-mard tagħna, tgħabba bin-niket tagħna. Aħna ħsiebnih bħal wieħed ikkastigat, milqut minn Alla u miġjub fix-xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas-saħħa tagħna waqa’ l-kastig fuqu, u bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna.
Il-Kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Oqgħod aħseb ftit, o bniedem, u agħraf kemm għollik il-Mulej Alla, li ħalqek u sawwrek għax-xbieha tal-Iben maħbub tiegħu skont il-ġisem u għas-sura tiegħu skont l-Ispirtu.
U l-ħlejjaq kollha, li huma taħt is-sema, kull waħda minnhom skont in-natura tagħha, jaqdu, jagħrfu u jobdu lill-Ħallieq tagħhom aħjar minnek.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
4 IR-RABA’ STAZZJON
ĠESÙ JILTAQA’ MA’ OMMU MARIJA
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Xmun berikhom u qal lil Ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel; se jkun sinjal li jmeruh, - u int ukoll sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsiebijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna.
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Sliem għaik, o Sidt Qaddisa u Sultana, Omm qaddisa ta’ Alla, Marija, Verġni li sirt Knisja, Magħżula mill-Missier l-aktar qaddis tas-sema, li kkonsagrak flimkien ma’Ibnu l-għażiż u l-aktar qaddis u mal-Ispirtu s-Santu, id-Difensur.
Fik kien hemm, u hemm, il-milja kollha tal-grazzja u ta’ kull ġid.
Sliem għalik palazz tiegħu;
Sliem għalik tabernaklu tiegħu;
Sliem għalik dar tiegħu.
Sliem għalik ilbies tiegħu;
Sliem għalik qaddejja tiegħu;
Sliem għalik Omm tiegħu.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
5 IL-ĦAMES STAZZJON
ĠESÙ MEGĦJJUN JERFA’ S-SALIB MINN XMUN IĊ-ĊIRINEW
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesu’.
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Kieku int kont l-isbaħ u l-aktar għani u tagħmel ukoll għeġubijiet, hekk li saħansitra tħarrab ix-xjaten, dawn il-ħwejjeġ kollha kienu jkunu għalik ta’ ħsara, u xorta waħda xejn ma hu tiegħek u f’ebda ħaġa minn dawn kollha ma tista’ tiftaħar; imma f’dan nistgħu niftaħru, b’dak li hu dgħajjef fina u li nġorru ta’ kuljum is-salib imqaddes tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
6 IS-SITT STAZZJON
IL-VERONIKA TIXXOTTA WIĊĊ ĠESÙ
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mis-Salm 26:8-9
Mulej, inħobb id-dar tal-għamara tiegħek,
il-post fejn jgħammar sebħek.
Tgħoddnix man-nies midinba,
anqas ma’ min ixerred id-dmija;
Il-kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Ħieni dak il-qaddej, li jaħżen teżori fis-sema mill-ġid li l-Mulej juri miegħu u li ma jixtieqx jurih lill-bnedmin biex jikseb il-ħlas, għaliex l-Aktar Għoli juri l-ħidma tiegħu ma’ dawk li jogħġbuh. Ħieni l-qaddej li jżomm moħbi f’qalbu il-misteri tal-Mulej.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
7 IS-SEBA’ STAZZJON
ĠESÙ JAQA’ GĦAT-TIENI DARBA
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Aħna lkoll bħal ngħaġ mitlufa, kull wieħed minna qabad triq għar-rasu. U l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen tagħna lkoll. Ħaqruh u qagħad għalihom bla ma biss fetaħ fommu; bħal ħaruf meħud għall-qatla, u bħal nagħġa mbikkma f’id min iġiżżha, ma fetaħx fommu.
Il-Kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Ħieni dak il-qaddej, li meta l-bnedmin ifaħħruh u jkabbruh, ma jqisx ruħu aħjar minn meta jqisuh bħala bniedem baxx, sempliċi u ta’ min jistmerru, għaliex il-bniedem jiswa daqskemm jiswa quddiem Alla u mhux aktar.
U ħieni dak il-qaddej li ma joqgħodx fil-għoli bir-rieda tiegħu, u dejjem ikun jixtieq li jkun imqiegħed taħt riġlejn l-oħrajn.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
8 IT-TMIEN STAZZJON
ĠESÙ JILTAQA’ MAN-NISA TA’ ĠERUSALEMM
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Kotra kbira ta’ nies kienet miexja wara Ġesu’; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesu’ dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalem, mhux lili ibku, iżda lilkom infuskom u lil uliedkom”.
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Ħieni l-bniedem li jistabar bil-proxxmu tiegħu minħabba d-dgħufija tiegħu, bħalma jixtieq li l-proxxmu tiegħu jistabar bih, jekk isib ruħu fl-istess qagħda.
Ħieni dak il-qaddej li jrodd lill-Mulej Alla kull ġid, għaliex kull min iżomm xi ħaġa għalih inifsu jkun jaħbi l-ġid tal-Mulej Alla tiegħu u dak kollu li jaħseb li għandu, jittieħidlu.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
9 ID-DISA’ STAZZJON
ĠESÙ JAQA’ GĦAT-TIELET DARBA
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani
Aħna li aħna sħaħ fil-fidi għandna ngħinu lid-dgħajfa jerfgħu l-piż tagħhom u mhux infittxu nogħġbu lilna nfusna. Kull wieħed minna għandu jfittex jogħġob lil għajru għall-ġid tiegħu, Għax Kristu ma fittix joġgħob lilu nnifsu, kif inhu miktub: “it-tagħjir ta’ dawk li għajru lilek waqa’ fuqi”.
Il-kelma tal-Mulej.
Irroddu ħajr lil Alla.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
O kemm huma ħenjin u mberkin dawk l-irġiel u n-nisa li jżommu sħaħ sal-aħħar, għaliex fuqhom jistrieħ l-Ispirtu tal-Mulej u jagħmel għandhom post fejn jgħammar u huma wlied il-Missier tas-sema li jagħmel l-għemejjel tiegħu u huma għarajjes, aħwa u ommijiet tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.
Aħna għarajjes, meta r-ruħ ta’ dawk li huma mimlijin bil-fidi tingħaqad mal-Mulej tagħna Ġesù Kristu fl-Ispirtu s-Santu. Aħna ħutu meta nagħmlu r-rieda ta’ Missieru li hu fis-smewwiet.
Aħna ommijietu, meta nġorruh fil-qalb u fil-ġisem tagħna bl-imħabba divina u bil-kuxjenza safja u sinċiera, inwellduh bl-għemejjel qaddisa li għandhom jiddu quddiem l-oħrajn bħala eżempju.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
10 L-GĦAXAR STAZZJON
ĠESÙ MNEŻŻA’ MINN ĦWEJJĠU
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Is-suldati ħadu l-ilbies ta' Ġesù u qasmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it-tunika: din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattugħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha."
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li aħna rridu nimxu fuq il-passi tiegħu lil dak li ttradih sejjaħlu ħabib u offra ruħu minn jeddu f’idejh dawk li sallbuh.
Il-ħbieb tagħna għaldaqstant huma dawk li jagħmlulna tiġrib u inġustizzji mingħajr ma jistħoqqilna, li jridu jġegħluna, nistħu u jgħajjruna. li jġibulna tbatija u taħbit, martirju u mewt.
Lil dawn irridu nħobbuhom ħafna, għaliex minn dak li huma jġibu fuqna aħna nistgħu niksbu l-ħajja ta’ dejjem.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
11 IL-ĦDAX-IL STAZZJON
ĠESÙ MSAMMAR MAS-SALIB
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. Il-poplu kollu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
O kemm hu qaddis u ta’ min iħobbu, kemm jogħġob, kemm hu umli, mimli sliem, ħelu u ta’ min jixtiequ fuq kollox li jkollna ħuna u Iben bħal dan: il-Mulej tagħna Ġesù Kristu, li offra ħajtu għan-ngħaġ tiegħu.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
12 IT-TNAX-IL STAZZJON
ĠESÙ JMUT FUQ IS-SALIB
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Għall-ħabta ta’ nofsinhar waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sat-tlieta, għax ix-xemx iddalmet. Il-velu tas-santwarju ċċarat minn nofs. Imbagħad Ġesu’ għajjat għajta kbira u qal; “Missier f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu.
Il-kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Il-Mulej Ġesù tant sofra għalina, tant għamel ġid magħna li kull ħlejqa li hi fis-sema, fl-art, fil-baħar u fil-qiegħ tal-art għandha trodd tifħir lil Alla, glorja, ġieħ u barka, għaliex hu l-qawwa u s-setgħa tagħna, hu li hu waħdu tajjeb, waħdu l-aktar għoli, waħdu li jista’ kollox, tal-għaġeb, glorjuż u waħdu qaddis, ta’ min ifaħħru u mbierek għal dejjem.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
13 IT-TLETTAX-IL STAZZJON
ĠESÙ MNIŻŻEL MIS-SALIB U MQIEGĦED FI ĦDAN OMMU MARIJA
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Kien hemm raġel jismu Ġużeppi, membru tal-Kunsill, imma raġel tajjeb u ġust, li ma kienx qabel mal-membri l-oħra f’dak li riedu jagħmlu u għamlu. Kien minn Armatija, belt tal-Lhudija u kien jistenna s-Saltna t’Alla. Dan mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesu’; niżżlu mis-salib, keffnu f’liżar u qiegħdu f’qabar maqtugħ fil-blat.
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Isimgħu ħuti. Jekk il-Verġni mqaddsa jistħoqqilha tant ġieħ, jekk il-qabar li fih Ġesù ġie midfun għal żmien, tingħatalu tant qima; mela kemm għandu jkun qaddis, ġust u jixraqlu, dak li jmiss b’idejh, jirċievi fil-qalb u bil-fomm tiegħu, mhux aktar lil Dak li se jmut, imma lil dak li hu rebbieħ u igglorifikat għal dejjem.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
14 L-ERBATAX-IL STAZZJON
ĠESÙ MIDFUN U WARA TLIET IJIEM IQUM
Nadurawk Ġesù u nberkuk,
għax b’salibek u l-mewt tiegħek int fdejtna.
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Salome’, marru ħdejn il-qabar u bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb. Daħlu fil-qabar u raw żagħżugħ bilqiegħda in-naħa tal-lemin liebes libsa bajda u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesu’ ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt”.
Il-Kelma tal-Mulej.
It-tifħir lilek Kristu.
Mill-kitbiet ta’ San Franġisk:
Għaliex ma tagħrfux il-verità u ma temmnux fl-Iben ta’ Alla? Ara, ta’ kuljum jinżel minn ħdan il-Missier fuq l-artal f’idejn is-saċerdot. U kif Hu wera ruħu lill-Appostli qaddisa tiegħu fil-ġisem veru tiegħu, hekk juri ruħu lilna fil-ħobż imqaddes. Kif huma għarfu li bl-għajnejn tal-ġisem ma kinux jaraw biss il-ġisem tiegħu, imma kienu jemmnu li hu tassew Alla meta kienu jikkontemplawh bl-għajnejn tal-ispirtu, hekk ukoll aħna naraw il-ħobż u l-inbid bl-għajnejn tal-ġisem, imma nemmnu bil-qawwa li dawn huma tassew il-ġisem u d-demm l-aktar qaddis tiegħu ħaj u veru.
Missierna, Sliema u Glorja.
Imbierka l-Passjoni, l-Mewt u l-Qawmien ta’ Sidna Ġesù,
Mulejja ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
************
Titkanta jew tingħad
Salve Regina - Bil-Latin
Salve, Regina, mater misericordiae; vita dulcedo et spes nostra, salve. Ad te clamamus, exsules filii Evæ. Ad te suspiramus, gementes et flentes in hac lacrimarum valle. Eia ergo, advocata nostra, illos tuos misericordes oculos ad nos converte. Et Jesum benedictum fructum ventris tui, nobis post hoc exsilium ostende. O clemens, O pia, O dulcis Virgo Maria.
Jew:
Savle Regina - Bil-Malti
Sliema għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik, lilek ingħajtu, għaliex aħna tturufnati ulied Eva, lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f'dawn il-wied tad-dmugħ. Ejja, mela, avukata tagħna, dawwar lejna dawk l-għajnejn tiegħek tal-ħniena. Urina, wara dan it-turufnament lil Ġesù frott imbierek tal-ġuf tiegħek, o ħanina, o pija, o ħelwa Verġni Marija.
Nitolbu Skont il-fehma tal-Papa
Missierna, Sliema u Glorja.
Nitolbu għall-għerwieħ tal-purgatorju: Għatihom O Mulej il-mistrieħ ta' dejjem, id-dawl ta' dejjem jiddi fuqhom, jistrieħu fis-sliem, Ammen.
Nitolbu:
O Alla, int ġeddidt b’mod tal-għaġeb is-sinjali tal-Passjoni ta’ Ibnek fil-ġisem ta’ Missierna San Franġisk biex tkebbes qlubna bl-imħabba tiegħek; Agħmel, għat-talb tiegħu, li nixxieħbu mal-istess Ibnek f’mewtu, ħalli b’hekk nissieħbu miegħu fil-Qawmien. Bl-istess Kristu Sidna. Ammen.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu Ammen.
.