[S:115:1]
Mhux lilna, Mulej, mhux lilna,
iżda lil ismek sebbaħ,
għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek.
[S:115:2]
Għaliex għandhom jgħidu l-ġnus:
"Fejn hu Alla tagħhom?"
[S:115:3]
Fis-smewwiet hu Alla tagħna;
hu jagħmel kull ma jogħġbu.
[S:115:4]
Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,
xogħol ta' idejn il-bniedem.
[S:115:5]
Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux;
għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
[S:115:6]
għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux;
għandhom l-imnieħer, u ma jxommux;
[S:115:7]
għandhom l-idejn, u ma jmissux;
għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux;
ebda leħen ma joħroġ minn fommhom.
[S:115:8]
Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom,
u dawk kollha li jittamaw fihom.
[S:115:9]
Iżrael ittama fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
[S:115:10]
Dar Aron ittamaw fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
[S:115:11] Dawk li jibżgħu mill-Mulej ittamaw fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
[S:115:12]
Il-Mulej jiftakar fina u jberikna;
ibierek 'il dar Iżrael,
ibierek 'il dar Aron.
[S:115:13]
Ibierek 'il dawk li jibżgħu mill-Mulej,
kemm iż-żgħar u kemm il-kbar.
[S:115:14]
Ikattarkom ħafna l-Mulej,
lilkom u 'l uliedkom.
[S:115:15]
Mberkin intom mill-Mulej,
li għamel is-sema u l-art.
[S:115:16] Is-smewwiet huma s-smewwiet tal-Mulej;
imma l-art hu taha lill-bnedmin.
[S:115:17]
M'humiex il-mejtin li jfaħħru l-Mulej,
anqas ħadd minn dawk li jmorru fis-skiet;
[S:115:18]
imma aħna li nbierku l-Mulej,
minn issa u għal dejjem.
Hallelujah!