blank'/> SHARING THE REAL TRUTH

Sunday, April 13, 2014

Focus on the Beatitudes...&...PALM SUNDAY: Mr. Gibson, Your Genius is Sorely Missed!





  


THE PATH (reflection on Palm Sunday 20th March 2016)

 
- - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - - -- - - - - - - - - - -









.

Saturday, April 12, 2014

Mt 26:14-27:66 -- The Passion of Our Lord Jesus Christ - Il-Passjoni ta' Sidna Ġesù Kristu




It-tradiment ta' Ġuda
(Mk14, 10-11 ; Lq 22, 3-6)

[Mt:26:14] Mbagħad wieħed mit-Tnax, jismu Ġuda l-Iskarjota, mar għand il-qassisin il-kbar [Mt:26:15] u qalilhom: "Xi tridu tagħtuni u jiena nagħtikom lil Ġesù f'idejkom?" U huma tawh tletin biċċa tal-fidda bħala ħlas. [Mt:26:16] Minn dak il-ħin beda jfittex okkażjoni tajba biex jagħtihom lil Ġesù f'idejhom.

Ġesù jagħmel l-ikla ta' l-Għid mad-dixxipli
(Mk14, 12-21 ; Lq 22, 7-14, 21-23 ; Ġw 13, 21-30)

[Mt:26:17] Fl-ewwel jum ta' l-Ażżmi d-dixxipli resqu lejn Ġesù u qalulu: "Fejn tridna nħejjulek l-ikla ta' l-Għid?" [Mt:26:18] U hu qalilhom: "Morru l-belt għand it-tali, u għidulu, 'Qallek l-Imgħallem: Is-siegħa tiegħi waslet; jien se nagħmel l-ikla ta' l-Għid għandek mad-dixxipli tiegħi.' " [Mt:26:19] Id-dixxipli għamlu kif ordnalhom Ġesù u ħejjew l-ikla ta' l-Għid. [Mt:26:20] Għall-ħin ta' filgħaxija qagħad fuq il-mejda flimkien mat-Tnax, [Mt:26:21] u waqt l-ikel qal: "Tassew ngħidilkom, li wieħed minnkom se jittradini."[Mt:26:22] Huma bdew isewwdu qalbhom ħafna u kull wieħed minnhom beda jsaqsih: "Jaqaw jien, Mulej?" [Mt:26:23] U Ġesù weġibhom: "Dak li jmidd idu u jbill il-ħobż fi platt wieħed miegħi, dak li se jittradini. [Mt:26:24] Bin il-bniedem imur kif hemm miktub fuqu imma ħażin għalih dak il-bniedem li permezz tiegħu Bin il-bniedem ikun mogħti f'idejn l-għedewwa! Kien ikun aħjar għalih dak il-bniedem li kieku ma twieled xejn !" [Mt:26:25] Qabeż Ġuda, dak li ttradieh, u qallu: "Jaqaw jien, Rabbi?" Wieġbu Ġesù: "Int qiegħed tgħidu."

Il-twaqqif ta' l-Ewkaristija
(Mk14,22-26 ; Lq 22, 15-20 ; Ġw 6, 51-58 ; 1 Kor 11, 23-25)

[Mt:26:26] Huma u jieklu, Ġesù ħa l-ħobż f'idejh, qal il-barka, qasmu, newwlu lid-dixxipli u qal: "Ħudu, kulu, dan hu ġismi." [Mt:26:27] Mbagħad ħa l-kalċi f'idejh, radd il-ħajr, newwlilhom il-kalċi u qal: "Ixorbu lkoll minnu, [Mt:26:28] għax dan huwa demmi, id-demm tal-Patt, li jixxerred għall-kotra għall-maħfra tad-dnubiet. [Mt:26:29] Ngħidilkom, li ma nerġax nixrob iżjed minn dan il-frott tad-dielja sa dakinhar li nixrob inbid ġdid magħkom fis-Saltna ta' Missieri."

It-taħbira taċ-ċaħda ta' Pietru
(Mk 14, 27-31 ; Lq 22, 31-34 ; Ġw 13, 36-38 ;16, 32)

[Mt:26:30] Kantaw is-salmi u ħarġu lejn l-Għolja taż-Żebbuġ. [Mt:26:31] Mbagħad Ġesù qalilhom: "Lkoll kemm intom se titħawwdu minħabba fija f'dan il-lejl; għax hemm miktub, ‘Nidrob ir-ragħaj, u n-nagħaġ tal-merħla jitferrxu.’ [Mt:26:32] Imma wara li nqum mill-mewt, immur il-Galilija qabilkom." [Mt:26:33] Qabeż Pietru u qallu: "Jekk kulħadd jitħawwad minħabba fik, jiena ma nitħawwad qatt." [Mt:26:34] Qallu Ġesù: "Tassew, ngħidlek, li dal-lejl, qabel ma jidden is-serduk, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet." [Mt:26:35] Qallu Pietru: "Le, ma niċħdekx, anqas jekk ikolli mmut miegħek!" U d-dixxipli l-oħra wkoll, kulħadd qal l-istess.

Ġesù jitlob fil-Ġetsemani
(Mk 14, 32-42 ; Lq 22, 39-46 ; Ġw 18, 1)

[Mt:26:36] Mbagħad Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu wasal f'qasam, jgħidulu l-Ġetsemani, u qal lid-dixxipli: "Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm immur hemmhekk nitlob." [Mt:26:37] U ħa miegħu lil Pietru u  ż-żewġ ulied ta' Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq. [Mt:26:38] Mbagħad qalilhom: "Għandi ruħi mnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi." [Mt:26:39] Mexa kemmxejn 'il quddiem, nxteħet wiċċu   fl-art jitlob u jgħid: "Missier, jekk jista' jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int." [Mt:26:40] Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru: "Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? [Mt:26:41] Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef." [Mt:26:42] Għat-tieni darba raġa' mar jitlob u qal: "Missieri, jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek." [Mt:26:43] Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas. [Mt:26:44] Ħalliehom, u raġa' mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem. [Mt:26:45] Mbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: "Issa se torqdu u tistrieħu? Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-bniedem se jkun mogħti f'idejn il-midinbin. [Mt:26:46] Qumu! Ejjew immorru! Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib!"

Ġesù ttradut u arrestat
(Mk 14, 43-50 ; Lq 22,47-53 ; Ġw 18, 2-11)

[Mt:26:47] Kif kien għadu jitkellem, ġie Ġuda, wieħed mit-Tnax, b'ġemgħa kbira ta' nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten, mibgħuta mill-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu. [Mt:26:48] Issa dak li kien se jittradih kien tahom sinjal u qalilhom: "Lil dak li nbus, dak hu: aqbduh." [Mt:26:49] U minnufih resaq fuq Ġesù u qallu: "Is-sliem għalik, Rabbi!" U biesu. [Mt:26:50] U Ġesù qallu: "Ħabib, għalhekk ġejt int!" Huma resqu lejh, meddew idejhom fuq Ġesù u qabduh. [Mt:26:51] Wieħed minn dawk li kienu ma' Ġesù ħareġ idu u silet is-sejf, darab lill-qaddej  tal-qassis il-kbir u qatagħlu widintu. [Mt:26:52] Mbagħad Ġesù qallu: "Erġa' daħħal sejfek f'postu għax kull min jaqbad is-sejf, bis-sejf jinqered. [Mt:26:53] Taħseb int li ma nistax nitlob lil Missieri u jibgħatli issa stess aktar minn tnax-il leġjun ta' anġli? [Mt:26:54] Iżda mbagħad kif isseħħ l-Iskrittura li tgħid li hekk għandu jsir?" [Mt:26:55] Fl-istess waqt Ġesù qal: "Qiskom ħriġtu għal xi ħalliel, armati bis-sjuf u l-bsaten biex taqbdu lili! Jien kuljum kont inkun bilqiegħda fit-tempju ngħallem, u ma żammejtunix." [Mt:26:56] Iżda dan kollu ġara biex isseħħ il-kitba   tal-profeti. Mbagħad id-dixxipli kollha telquh u ħarbu.

Ġesù quddiem il-kunsill tas-Sinedriju
(Mk 14, 53-65 ; Lq 22,54-55. 68-71 ; Ġw 18, 13-14. 19-24)

[Mt:26:57] Dawk li qabdu lil Ġesù ħaduh quddiem Kajfa, il-qassis il-kbir, fejn ġa kienu nġabru l-kittieba u x-xjuħ. [Mt:26:58] Pietru kien baqa' miexi warajh mill-bogħod sal-palazz tal-qassis il-kbir; daħal ġewwa u qagħad bilqiegħda mal-qaddejja biex jara kif kienet se tintemm il-biċċa. [Mt:26:59] Il-qassisin il-kbar u s-Sinedriju kollha bdew ifittxu xhieda foloz kontra Ġesù bil-ħsieb li jagħtuh il-mewt, [Mt:26:60] iżda għalkemm resqu bosta xhieda foloz, ma sabux fuqiex jixluh. Fl-aħħar resqu tnejn [Mt:26:61] u qalu: "Dan qal, 'Nista' nħott it-tempju ta' Alla u nerġa' nibnih fi tlitt ijiem.' " [Mt:26:62] Il-qassis il-kbir qam u qallu: "Xejn ma twieġeb? X'inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?" [Mt:26:63] Imma Ġesù baqa' sieket. Mbagħad il-qassis il-kbir qabad u qallu: "Aħlifli fuq Alla l-ħaj u għidilna jekk intix il-Messija, Bin Alla." [Mt:26:64] Qallu Ġesù: "Inti qiegħed tgħidu. U ngħidilkom ukoll: Minn issa ′l quddiem għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin ta’ dak li jista’ kollox u ġej fuq is-sħab tas-sema.  [Mt:26:65] Mbagħad il-qassis il-kbir ċarrat ilbiesu u qal: "Din dagħwa! Xi ħtieġa għandna iżjed ta' xhieda? Ara, smajtuha issa d-dagħwa! [Mt:26:66] X'jidhrilkom?" Huma weġbuh u qalu: "Ħaqqu l-mewt !" [Mt:26:67] Mbagħad beżqulu f'wiċċu u tawh  bil-ponn, u xi wħud tawh bil-ħarta [Mt:26:68] u qalulu: "Aqta' min tahielek, Messija, din id-daqqa!"

Pietru jiċħad lil Ġesù
(Mk 14,67-72 ; Lq 22, 56-62 ; Ġw 18, 15-18. 25-27)

[Mt:26:69] Intant Pietru kien hemm barra bilqiegħda, fil-bitħa tal-palazz. U resqet fuqu waħda qaddejja u qaltlu: "Int ukoll kont ma' Ġesù tal-Galilija." [Mt:26:70] Imma hu ċaħad quddiem kulħadd u qal: "Anqas naf xi trid tgħid." [Mt:26:71] Mbagħad warrab lejn il-bieb, lemħitu qaddejja oħra u qalet lil dawk li kienu hemm: "Dan kien ma' Ġesù ta' Nazaret." [Mt:26:72] U raġa' ċaħad u ħalef: "Jien ma nafux lil dan  il-bniedem!" [Mt:26:73] Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu: "Tassew, int ukoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta' kliemek tikxfek." [Mt:26:74] Mbagħad qabad jisħet lilu nnifsu u jaħlef:  "Le, ma nafux lil dan il-bniedem!" U minnufih is-serduk idden. [Mt:26:75] U Pietru ftakar fil-kliem ta' Ġesù meta qallu li 'Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet.' U ħareġ 'il barra jibki biki ta' qsim  il-qalb.

27. Ġesù quddiem Pilatu
(Mk 15, 1 ; Lq 23, 1-2 ; Ġw 18, 28-32)

[Mt:27:1] L-għada fil-għodu l-qassisin il-kbar u x-xjuħ tal-poplu ftiehmu lkoll bejniethom biex lil Ġesù jaqtgħuhielu għall-mewt. [Mt:27:2] Rabtuh u ħaduh magħhom biex jagħtuh f'idejn Pilatu, il-gvernatur.

Il-mewt ta' Ġuda
(Atti 1, 18-20)

[Mt:27:3] Mbagħad Ġuda, it-traditur, meta ra li Ġesù kien ikkundannat, nidem u mar bit-tletin biċċa tal-fidda għand il-qassisin il-kbar u x-xjuħ biex jerġa' jagħtihomlhom lura; [Mt:27:4] u qalilhom: "Dnibt, għax ittradejt demm bla ħtija !" Iżda huma qalulu: 'Aħna din x'inhi affari tagħna? Dak arah int !" [Mt:27:5] Hu waddab il-flus fis-santwarju, telaq u mar tgħallaq. [Mt:27:6] Mbagħad il-qassisin il-kbar ġabru l-flus minn hemm u qalu: "Dawn ma nistgħux inqegħduhom ma' l-offerti, għax huma prezz tad-demm." [Mt:27:7] Ftiehmu bejniethom, u b'dawk il-flus xtraw  l-Għalqa ta' Ħaddiem il-Fuħħar, biex fiha jidfnu l-barranin. [Mt:27:8] Kien għalhekk li dik l-għalqa ssemmiet l-Għalqa tad-Demm, u hekk għadha magħrufa sa llum. [Mt:27:9] Mbagħad seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Ġeremija meta qal: 'U ħadu t-tletin biċċa tal-fidda, il-prezz ta' dak li kien stmat bil-prezz mogħti minn ulied Iżrael, [Mt:27:10] u tawhom għall-għalqa ta' ħaddiem il-fuħħar, kif ikkmandani l-Mulej.'

Pilatu jistaqsi lil Ġesù
(Mk15, 2-15 ; Lq 23, 3-5 ; Ġw 18, 28-38 ; 19, 4-16)

[Mt:27:11] Ġesù waqaf quddiem il-gvernatur; u dan staqsieh: "Int  is-sultan tal-Lhud?" U Ġesù wieġbu: "Inti qiegħed tgħidu." [Mt:27:12] Iżda meta l-qassisin il-kbar u x-xjuħ bdew jakkużawh, hu ma wieġeb xejn. [Mt:27:13] Għalhekk Pilatu qallu: "M'intix tisma' kemm ħwejjeġ qegħdin jixhdu kontra tiegħek!" [Mt:27:14] Iżda hu anqas għal akkuża waħda ma wieġeb, hekk li l-gvernatur baqa' mistagħġeb ħafna.

Ġesù kkundannat għall-mewt
(Mk 15, 6-15 ; Lq 23, 13-25 ; Ġw 18, 39-19,6)

[Mt:27:15] Nhar ta' festa l-gvernatur kien soltu jitlaq wieħed ħabsi, lil min iridu huma. [Mt:27:16] Dik il-ħabta kellhom wieħed ħabsi magħruf, jismu Barabba. [Mt:27:17] Mela kif kienu miġbura, Pilatu qalilhom: "Lil min triduni nitilqilkom, lil Barabba jew lil Ġesù li jgħidulu l-Messija!" [Mt:27:18] Għax hu kien jaf li kienet l-għira li ġagħlithom jagħtuh lil Ġesù f'idejh. [Mt:27:19] Issa waqt li kien bilqiegħda fuq is-siġġu tat-tribunal, martu bagħtet tgħidlu: "Qis li ma jkollokx x'taqsam ma' dan ir-raġel ġust, għax illum minħabba fih batejt ħafna fil-ħolm." [Mt:27:20] Iżda l-qassisin il-kbar u x-xjuħ ġiegħlu l-poplu jitolbuh lil Barabba u jeqirdu 'l Ġesù. [Mt:27:21] Il-gvernatur, mela, raġa' staqsiehom: "Lil min triduni nitilqilkom minnhom it-tnejn?" "Lil Barabba." [Mt:27:22] Qalilhom Pilatu: "U x'nagħmel b'Ġesù li jgħidulu l-Messija?" Weġbuh ilkoll: "Sallbu! [Mt:27:23] Hu staqsiehom: "Imma x'għamel ħażin?" Huma aktar bdew jgħajjtu u jgħidu: "Sallbu!" [Mt:27:24] Meta mbagħad Pilatu ra li kollox kien għal xejn, anzi li aktarx kienet se tinqala' xi rewwixta, qabad, ħasel idejh fl-ilma quddiem il-poplu u qal: "Jien m'iniex ħati ta' dan id-demm: dan arawh intom !" [Mt:27:25] U l-poplu kollu qabeż u qal: "Demmu fuqna u fuq uliedna !" [Mt:27:26] Mbagħad telqilhom lil Barabba, u lil Ġesù, wara li tah is-swat, tahulhom biex isallbuh.

Is-suldati jżebilħu lil Ġesù
(Mk 15, 16-20, Ġw 19, 1-3)

[Mt:27:27] Mbagħad is-suldati tal-gvernatur ħadu lil Ġesù fil-Pretorju, u ġabru quddiemu lil sħabhom kollha. [Mt:27:28] Neżżgħuh, u xeħtulu fuqu mantar aħmar skur; [Mt:27:29] qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk u qasba f'idu l-leminija, nxteħtu għarkubbtejhom quddiemu, u qagħdu jiddieħku bih u jgħidulu: "Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!" [Mt:27:30] Beżqu fuqu, u ħadulu l-qasba minn idu u bdew jagħtuh biha fuq rasu. [Mt:27:31] Mbagħad, wara li għaddewh biż-żufjett, neżżgħulu l-mantar u xeddewlu ħwejġu.

Ġesù msallab
(Mk15,21-32 ; Lq 23, 26-43 ; Ġw 19, 17-24)

U ħaduh magħhom biex isallbuh. Mt:27:32] Huma u sejrin sabu raġel minn Ċireni, jismu Xmun, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. [Mt:27:33] Meta waslu f'post jgħidulu Golgota, jiġifieri post il-Qorriegħa, [Mt:27:34] tawh jixrob inbid b'taħlita morra; hu daqu, imma ma riedx jixorbu. [Mt:27:35] Mbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti, [Mt:27:36] u nxteħtu bilqiegħda u qagħdu hemm għassa tiegħu. [Mt:27:37] U qegħdulu fuq rasu l-kawża tal-kundanna tiegħu, li kienet tgħid hekk, 'Dan hu Ġesù, is-sultan tal-Lhud.' [Mt:27:38] Mbagħad miegħu sallbu żewġ ħallelin, wieħed fuq  il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug. [Mt:27:39] Dawk li kienu għaddejjin bdew jgħajjruh iċaqilqu rashom [Mt:27:40] u jgħidu: "Int li tħott it-tempju u fi tlitt ijiem terġa' tibnih, salva lilek innifsek jekk int l-Iben ta' Alla, u inżel minn fuq is-salib!" Mt:27:41] Hekk ukoll il-qassisin il-kbar bdew jiddieħku bih mal-kittieba u x-xjuħ u jgħidu: [Mt:27:42] "Salva oħrajn, lilu nnifsu ma jistax isalva! Hu s-sultan ta' Iżrael! Ħa jinżel issa minn fuq is-salib u nemmnu fih! [Mt:27:43] Hu jafda f'Alla; ħa jeħilsu issa, jekk iħobbu! Għax hu qal, 'Jiena Bin Alla.' " [Mt:27:44] U bl-istess mod bdew imaqdruh ukoll il-ħallelin li kienu msallbin miegħu.

Il-mewt ta' Ġesù
(Mk 15,33-41 ; Lq 23, 44-49 ; Ġw 19, 28-30)

[Mt:27:45] Mis-sitt siegħa 'l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa' siegħa. [Mt:27:46] U madwar id-disa' siegħa Ġesù għajjat b'leħen qawwi u qal: "Eli, Eli, lema sabaqtani?" Jiġifieri, 'Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?' [Mt:27:47] Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: "Lil Elija qiegħed isejjaħ dan!" [Mt:27:48] U minnufih wieħed minnhom mar jiġri, qabad sponża mimlija bil-ħall, waħħalha f'tarf ta' qasba u tah jixrob, [Mt:27:49] waqt li l-oħrajn qalu: "Stenna, ħa naraw jiġix Elija jsalvah !" [Mt:27:50] Imma Ġesù reġa' għajjat għajta kbira u radd ruħu.

[Mt:27:51] U ara, il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s'isfel; l-art theżhżet, il-blat inqasam, [Mt:27:52] u l-oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta' qaddisin li kienu mietu, [Mt:27:53] li ħarġu  mill-oqbra u wara l-qawmien tiegħu daħlu fil-Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. [Mt:27:54] Iċ-ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta' Ġesù, kif raw l-art titheżheż u jiġri dak kollu, mtlew b'biża' li ma bħalu u qalu: "Dan kien tassew Bin Alla!" [Mt:27:55] Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill-bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil-Galilija: [Mt:27:56] fosthom kien hemm Marija ta' Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew.

Id-difna ta' Ġesù
(Mk 15, 42-47 ; Lq 23, 50-56 ; Ġw 19, 38-42)

[Mt:27:57] Xħin sar fil-għaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta' Ġesù; [Mt:27:58] mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta' Ġesù. Mbagħad Pilatu ordna li jingħatalu. [Mt:27:59] Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f'liżar nadif, [Mt:27:60] qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat, gerbeb ġebla kbira fid-daħla tal-qabar, u telaq. [Mt:27:61] Iżda Marija ta' Magdala u Marija l-oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il-qabar.

L-għassa mal-qabar

[Mt:27:62] L-għada, jiġifieri meta għadda Jum it-Tħejjija, il-qassisin il-kbar u l-Fariżej inġabru għand Pilatu [Mt:27:63] u qalulu: "Sinjur, aħna ftakarna li dan il-bniedem qarrieq, meta kien għadu ħaj, qal, 'Wara tlitt ijiem inqum.' [Mt:27:64] Mela ordna li l-qabar ikun imħares tajjeb  sat-tielet jum, li ma jmorrux jiġu d-dixxipli tiegħu jisirquh, u jgħidu   lill-poplu, 'Qam mill-imwiet,' u hekk il-qerq ta' l-aħħar ikun agħar minn ta' l-ewwel." [Mt:27:65] Qalilhom Pilatu: "Għandkom l-għassa; morru ħarsuh tajjeb kif tafu." [Mt:27:66] U huma marru jissiġillaw il-ġebla biex il-qabar jibqa' mħares sewwa, u ħallew ukoll l-għassa miegħu.
 

Palm Sunday Yr A - Mt 21:1-11 -- Jesus Comes to Jerusalem as King - Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm - Ħadd il-Palm - Sena A



21. Id-daħla messjanika f'Ġerusalemm
(Mk 11,1-11 ; Lq 19,28-38 ; Ġw 12,12-16)

[Mt:21:1] Xħin waslu qrib Ġerusalemm u ġew quddiem Betfaġe lejn  l-Għolja taż-Żebbuġ, Ġesù bagħat żewġ dixxipli [Mt:21:2] u qalilhom: "Aslu sar-raħal biswitkom; u minnufih issibu ħmara marbuta u felu ħdejha; ħolluhom u ġibuhomli. [Mt:21:3] Jekk xi ħadd jgħidilkom xi ħaġa, weġbuh, 'Il-Mulej jeħtieġhom, u malajr jerġa' jibgħathom lura.' [Mt:21:4] Dan ġara biex iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal,
                     [Mt:21:5] 'Għidu lil bint Sijon:
                     Ara, is-Sultan tiegħek ġej għandek,
                     ġwejjed, riekeb fuq ħmara
                     u fuq felu, ferħ ta' bhima tat-tagħbija.'

[Mt:21:6] Id-dixxipli marru u għamlu kif ordnalhom Ġesù; [Mt:21:7] ġiebu l-ħmara u l-felu, qiegħdu fuqhom l-imnatar tagħhom, u hu qagħad fuqhom. [Mt:21:8] Għadd kbir ta' nies firxu l-imnatar tagħhom fit-triq, waqt li oħrajn qatgħu xi friegħi mis-siġar u ferrxuhom mat-triq. [Mt:21:9] Il-folol li kienu miexja quddiem u dawk li kienu miexja wara bdew jgħajjtu u jgħidu: "Hosanna lil Bin David! Mbierek min ġej f'isem il-Mulej ! Hosanna fl-ogħla tas-smewwiet!" [Mt:21:10] Meta mbagħad daħal Ġerusalemm, il-belt kollha tqanqlet. "Dan min hu?" bdew jgħidu. [Mt:21:11] U l-folol weġbuhom: "Dan hu l-profeta Ġesù minn Nazaret tal-Galilija."

Friday, April 11, 2014

Jn 11:45-56 -- The Plot to Kill Jesus - Ftehim kontra Ġesù



Ftehim kontra Ġesù
(Mt 26, 1-5 ; Mk 14, 1-2 ; Lq 22, 1-2)

[Ġw:11:45] Ħafna mil-Lhud, li kienu ġew għand Marija u raw dak li għamel Ġesù, emmnu fih. [Ġw:11:46] Imma xi wħud minnhom marru għand il-Fariżej u qalulhom x'kien għamel Ġesù. [Ġw:11:47] Għalhekk il-qassisin il-kbar u l-Fariżej laqqgħu s-Sinedriju u qalu: "X'sejrin nagħmlu? Għax dan il-bniedem qiegħed jagħmel ħafna sinjali. [Ġw:11:48] Jekk inħalluh sejjer hekk, kulħadd jemmen fih, u jiġu r-Rumani, u jeqirdulna kemm it-tempju u kemm il-ġens tagħna." [Ġw:11:49] Imma wieħed minnhom, Kajfa, li kien il-qassis il-kbir dik is-sena, qalilhom: "Intom ma tafu xejn. [Ġw:11:50] Anqas ma intom tqisu li jaqblilkom jekk imut bniedem wieħed għall-poplu u mhux jinqered il-ġens kollu."
[Ġw:11:51] Issa dan ma qalux minn moħħu, imma billi dik is-sena inzerta kien il-qassis il-kbir, huwa kien imnebbaħ u ħabbar li Ġesù kellu jmut għall-ġens tiegħu, [Ġw:11:52] u mhux għall-ġens tiegħu biss, imma wkoll biex jiġbor ġemgħa waħda l-ulied ta' Alla li kienu mxerrdin. [Ġw:11:53] Minn dak in-nhar 'il quddiem bdew jiftiehmu bejniethom biex joqtluh.
[Ġw:11:54] Ġesù ma għaddiex aktar bid-dieher f'nofs il-Lhud, imma telaq minn hemm lejn il-kampanja qrib id-deżert, f'belt jisimha Efrajm, u qagħad hemmhekk mad-dixxipli tiegħu.
[Ġw:11:55] Kien wasal l-Għid tal-Lhud,u ħafna nies mill-kampanja telgħu Ġerusalemm qabel l-Għid għar-riti tal-purifikazzjoni. [Ġw:11:56] Huma fittxew lil Ġesù, u bdew jgħidu bejniethom fit-tempju: "Intom x'taħsbu? Tgħid, jitla' għall-festa?"