Ejjew inqimuh u ninxteħtu quddiemu,
għarkubbtejna quddiem il-Mulej li ħalaqna!
Għaliex hu Alla tagħna,
u aħna l-poplu tal-mergħa tiegħu
u n-nagħaġ tiegħu. Ant:
Mhux li kontu llum tisimgħu leħnu !
"La twebbsux qalbkom bħal f'Meribah,
bħal dakinhar f'Massah, fid-deżert,
meta ġarrbuni u ttantawni missirijietkom,
għalkemm raw dak li jien għamilt. Ant:
Għal erbgħin sena domt nistmellu dan in-nisel;
u jien għedt: Qalbu mħassra dan il-poplu,
u triqati ma jagħrfux.
Għalhekk ħlift fl-għadab tiegħi:
Ma jidħlux fil-mistrieħ tiegħi?" Ant:
Glorja lill-Missier, u lil Iben, u lil Ispirtu s-Santu. Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, u jibqa’ ghal dejjem ta’ dejjem. Ammen. Ant:
IT-TIFĦIR TA’ SBIĦ IL-JUM
V/. O Alla, ejja eħlisni.
R/. Mulej, fittex għinni.
Glorja. Kif kien mill-bidu.
INNU
Int ġieħ ta’ l-anġli u l-qaddisin, Ġużeppi,
għajnuna tal-bnedmin u tama tagħna!
Ilqagħha l-għanja ta’ tifħir u qima
li llum noffrulek.
Is-Sid tal-ħlejjaq għażlek, nisel David,
b’għarus tal-Verġni; riedek tkun imsejjaħ
missier il-Verb; u tak li tkun ministru
tas-salvazzjoni.
B’ferħ kbir rajt il-Feddej, mimdud f’maxtura,
li kien imħabbar mill-profeti kollha,
u l-ewwel wieħed kont li, flimkien m’ommu,
inxtħett biex tqimu.
Sultan is-slaten, Alla, Sid id-dinja,
li jaħkem il-ħolqien u ħarstu triegħed
bil-biża’ lis-setgħat, ried joqgħod taħtek
u jisma’ minnek.
Tifħir jintradd lit-Trinità Qaddisa,
li sawwbet fuqek ġieħ u glorja kbira.
Għall-merti tiegħek, jogħġbu Alla jtina
il-ferħ ta’ dejjem. Ammen.
SALMODIJA
(Salmi tal-Ħadd tal-I ġimgħa)
Ant. 1: Ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. (Żmien il-Għid hallelujah)
Salm 62 (63), 2-9
Alla, Alla tiegħi int; *
lilek ħerqan infittex.
Ruħi bil-għatx għalik, †
għalik imxennaq jiena, *
bħal art niexfa, maħruqa, bla ilma.
Għalhekk ġejt narak fit-tempju mqaddes tiegħek, *
biex nitgħaxxaq bis-setgħa u l-glorja tiegħek.
Għax it-tjieba tiegħek aħjar mill-ħajja, *
xufftejja jxandru t-tifħir tiegħek.
Għalhekk inbierkek tul ħajti kollha; *
ngħolli jdejja u nsejjaħ ismek.
Bħal b’ikel mill-aħjar li jsemmen nimtela, *
u jgħannilek fommi b’xufftejn ferrieħa,
meta, mimdud fuq friexi, fik niftakar, *
u naħseb fuqek fis-sahriet tal-lejl.
Għax int kont għajnuna għalija, *
għad-dell ta’ ġwenħajk ngħanni bil-ferħ.
Miegħek tingħaqad ruħi, *
int tweżinni bil-leminija tiegħek.
Glorja.
Ant. 1: Ir-rgħajja marru jgħaġġlu, u sabu lil Marija u ‘l Ġużeppi, bit-tarbija mimduda f’maxtura. (Żmien il-Għid hallelujah)
Ant. 2: Ġużeppi u Marija, omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu; u Xmun berikhom (Żmien il-Għid hallelujah).
Kantiku (Dan 3,57-88.56)
Bierku, għemejjel kollha tal-Mulej, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, anġli tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku, smewwiet, il-Mulej.
Bierku, ilmijiet kollha ta’ fuq is-sema, il-Mulej; *
bierku, setgħat kollha, il-Mulej.
Bierku, xemx u qamar, il-Mulej; *
bierku, kwiekeb tas-sema, il-Mulej.
Bierku, xita u nida kollha, il-Mulej; *
bierku, irjieħ kollha, il-Mulej.
Bierku, nar u sħana, il-Mulej; *
bierku, bard u ksieħ, il-Mulej.
Bierku, nida u borra, il-Mulej; *
bierku, silġ u bard, il-Mulej.
Bierku, ġlata u silġ, il-Mulej; *
bierku, iljieli u ġranet, il-Mulej.
Bierku, dawl u dlam, il-Mulej; *
bierku, beraq u sħab, il-Mulej.
Ħa tbierek l-art il-Mulej, *
ħa tfaħħru u tgħollih għal dejjem.
Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej; *
bierku, kull ma jinbet fl-art, il-Mulej.
Bierku, għejun, il-Mulej; *
bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej.
Bierku, ħut kbir u kull ma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej; *
bierku, tjur kollha ta’ l-ajru, il-Mulej.
Bierku, bhejjem u mrieħel kollha, il-Mulej; *
bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.
Bierek, Iżrael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej; *
bierku qaddejja tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej; *
bierku, qaddisin u intom ta’ qalb umli, il-Mulej.
Bierku, Ħananija, Għażarija u Misael, il-Mulej, *
faħħruh u għolluh għal dejjem.
Inbierku l-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu; *
infaħħruh u ngħolluh għal dejjem.
Imbierek int, Mulej, fil-wisa’ kollu tas-sema, *
ta’ min jgħollik u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.
Fl-aħħar ta’ dan il-kantiku l-Glorja ma tingħadx.
Ant. 2: Ġużeppi u Marija, omm Ġesù, baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu; u Xmun berikhom (Żmien il-Għid hallelujah).
Ant. 3: Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu, u warrab lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi (Żmien il-Għid hallelujah).
Salm 149
Għannu lill-Mulej għanja ġdida: *
fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu
Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu, *
u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom
Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu, *
bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!
Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu, *
u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa.
Bil-glorja jithennew ħbiebu, *
u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!
It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom, *
u sjuf b’żewġt ixfar f’idejhom,
biex jistgħu jitħallsu mill-ġnus, *
u jagħtu l-kastig lill-popli,
jorbtu bil-ktajjen is-slaten tagħhom, *
bi rbit tal-ħadid il-kbarat tagħhom,
jagħmlu minnhom il-ħaqq miktub għalihom: *
dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha.
Glorja.
Ant. 3: Ġużeppi qam, ħa miegħu lit-tifel u ‘l ommu, u warrab lejn l-Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal-mewt ta’ Erodi (Żmien il-Għid hallelujah).
LEZZJONI QASIRA 2 Sam 7:28-29
Sidi Mulej, int Alla, il-kelma tiegħek hi s-sewwa, u int wegħidt dan il-ġid kollu lill-qaddej tiegħek. Qum u bierek il-familja tal-qaddej tiegħek, ħalli tibqa’ quddiemek għal dejjem! Għax int, Sidi Mulej, tkellimt, u l-familja tal-qaddej tiegħek tkun imbierka għal dejjem bil-barka tiegħek.
RESPONSORJU QASIR
Fir-Randan
R/. Il-Mulej Alla * Għamlu sid fuq id-dar tiegħu. Il-Mulej.
V/. Ħallielu f’idejh ġidu kollu. * Għamlu sid fuq id-dar tiegħu. Glorja. Il-Mulej.
Fi żmien il-Għid
R/. Il-Mulej Alla għamlu sid fuq id-dar tiegħu. * Hallelujah, hallelujah. Il-Mulej.
V/. Ħallielu f’idejh ġidu kollu. * Hallelujah, hallelujah. Glorja. Il-Mulej.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Ġużeppi mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li l-profeti ħabbru fuq Kristu: Ikun jissejjaħ Nażri (Żmien il-Għid hallelujah).
Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, *
għaliex ġie jżur u jifdi l-poplu tiegħu,
u waqqaf għalina qawwa ta’ salvazzjoni *
f’dar David, qaddej tiegħu,
bħalma kien wiegħed fl-imgħoddi *
b’fomm il-profeti qaddisin tiegħu,
biex isalvana mill-għedewwa tagħna *
u minn idejn dawk kollha li jobogħduna.
B’hekk juri ħniena ma’ missirijietna, *
u jiftakar fil-patt qaddis tiegħu,
fil-ħalfa li ħalef lil Abraham missierna, *
li jagħtina
li, meħlusin minn idejn l-għedewwa tagħna, *
naqduh bla biża’
tul ħajjitna kollha, *
bil-ġustizzja u l-qdusija quddiemu.
U inti, tfajjel, tissejjaħ profeta ta’ l-Għoli; *
għax tmur qabel il-Mulej biex tħejjilu triqatu,
biex tgħarraf lill-poplu tiegħu bis-salvazzjoni, *
bil-maħfra ta’ dnubiethom,
ħierġa mill-qalb ħanina ta’ Alla tagħna, *
li jibagħtilna mill-għoli ż-żjara tax-Xemx tielgħa,
ħa jdawwal lil dawk li jinsabu
fid-dlamijiet u d-dell tal-mewt, *
ħa jmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem.
Glorja lill-Missier, u lill-Iben, *
u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, *
u jibqa’ għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Ant. tal-kantiku ta’ Żakkarija:
Ġużeppi mar joqgħod f’belt jisimha Nazaret, biex hekk iseħħ dak li l-profeti ħabbru fuq Kristu: Ikun jissejjaħ Nażri (Żmien il-Għid hallelujah).
PREĊI
Il-Mulej waħdu jiġġustifika lill-bnedmin. Nitolbuh bl-umiltà:
Mulej, żommna fil-ħajja ġusta tiegħek.
Int, Alla Sidna, sejjaħt lil missirijietna biex jgħixu b’qalb perfetta quddiemek:
- agħmel li nimxu fuq il-passi tagħhom biex inkunu perfetti kif tridna int.
Int għażilt lil Ġużeppi, raġel ġust, biex irabbi lil Ibnek li sar bniedem:
- agħmel li naqdu lill-ġisem ta’ Kristu f’ħutna, il-membri tiegħu.
Int fdajt id-dinja f’idejn il-bnedmin, biex jimlewha u jsaltnu fuqha:
- għallimna nkunu ħabrieka u bieżla fuq din l-art, u nfittxu bla heda l-glorja tiegħek.
Missier tagħna lkoll, ftakar fl-opra kbira ta’ jdejk:
- agħmel li lkoll kemm aħna ngħixu ħajja xierqa ta’ bnedmin u naħdmu fis-sliem u b’qalb mistrieħa.
Missierna
Talba
O Alla li tista’ kollox, inti fdajt il-misteru tas-salvazzjoni, sakemm kien għadu fil-bidu tiegħu, taħt il-ħarsien fidil ta’ San Ġużepp; agħmel li, bit-talb tiegħu, il-Knisja tiegħek taqdi dejjem dan il-misteru, sa ma jseħħ għalkollox. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien ma’ l-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.
Għeluq
Il-Mulej iberikna, iħarisna minn kull deni, u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem. Ammen.
> > > > > > > > > > > >