blank'/> SHARING THE REAL TRUTH

Friday, July 06, 2012

Mt 9:14-17 -- Jesus Questioned About Fasting - Mistoqsija fuq is-sawm




Mistoqsija fuq is-sawm

[Mt:9:14] Mbagħad resqu lejh id-dixxipli ta' Ġwanni u qalulu: "Għaliex aħna u l-Fariżej insumu, u d-dixxipli tiegħek ma jsumux ?"[Mt:9:15] Qalilhom Ġesù: "Huwa l-mistednin ta' l-għarus se jsewwdu qalbhom sakemm l-għarus ikun għadu magħhom ? Imma jasal il-jum meta l-għarus jeħduhulhom minn magħhom, u mbagħad isumu. [Mt:9:16] Ħadd ma jraqqa' libsa qadima b'biċċa drapp ġdida, għax inkella r-roqgħa ssellet il-libsa, u t-tiċrita tikber.[Mt:9:17] Anqas ma jqiegħdu l-inbid il-ġdid f'damiġġani qodma tal-ġild, għax inkella d-damiġġani jinfaqgħu, l-inbid jixtered, u d-damiġġani jintilfu. Iżda nbid ġdid jitfgħuh f'damiġġani ġodda, u hekk iżommu t-tnejn."

Mt 9:9-13 -- The Calling of Matthew - Is-sejħa ta' Mattew





Is-sejħa ta' Mattew
[Mt:9:9] Huwa u għaddej minn hemm, Ġesù ra wieħed bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi; kien jismu Mattew."Ejja warajja" qallu. Dak qam u mar warajh.[Mt:9:10] U ġara li, kif qagħad għandu għall-mejda, ġew bosta pubblikani u midinbin u qagħdu madwar il-mejda ma' Ġesù u d-dixxipli tiegħu.[Mt:9:11] Meta raw dan il-Fariżej qalu lid-dixxipli: "Għaliex jiekol mal-pubblikani u l-midinbin l-Imgħallem tagħkom?"[Mt:9:12] Hu semagħhom, u qal: "It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f'saħħithom, iżda l-morda.[Mt:9:13] Mela morru tgħallmu x'jiġifieri, 'Ħniena rrid, u mhux sagrifiċċju'; għax mhux lill-ġusti ġejt insejjaħ, iżda lill-midinbin."


.

Mt 9:1-8 -- Jesus Forgives and Heals a Paralyzed Man - Ġesù jfejjaq wieħed mifluġ





Jesus Forgives and Heals a Paralyzed Man

[Mt:9:1] U tala' f'dgħajsa, qasam il-baħar u baqa' sejjer fil-belt tiegħu.[Mt:9:2] U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq friex. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura."[Mt:9:3] Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: "Dan qiegħed jidgħi?"[Mt:9:4] Ġesù għaraf x'kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: "Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f'qalbkom?[Mt:9:5] Għax x'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura,' jew tgħid 'Qum u imxi'?[Mt:9:6] Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ -"Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek."[Mt:9:7] Dak qam u telaq lejn daru.[Mt:9:8] In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.


Mt 8:5-17 -- The Faith of the Centurion - Ġesù jfejjaq il-qaddej ta' Ċenturjun





  Ġesù jfejjaq il-qaddej ta' Ċenturjun
[Mt:8:5] Daħal Kafarnahum, u resaq fuqu wieħed ċenturjun jitolbu bil-ħerqa[Mt:8:6] u jgħidlu: "Sinjur, id-dar għandi l-qaddej mixħut, mifluġ u batut wisq."[Mt:8:7] Qallu Ġesù: "Niġi jien infejjqu."[Mt:8:8] "Sinjur", qallu ċ-ċenturjun,"Ma jistħoqqlix li tidħol taħt is-saqaf tiegħi. Iżda int għid kelma biss, u l-qaddej tiegħi jfiq.[Mt:8:9] Għax jien ukoll bniedem taħt is-setgħa ta' ħaddieħor, u jien stess għandi suldati taħti; lil wieħed ngħidlu, 'Mur', u jmur; lil ieħor ngħidlu, 'Ejja', u jiġi; u lill-ilsir tiegħi ngħidlu, 'agħmel dan', u jagħmlu."[Mt:8:10] Ġesù baqa' mistagħġeb meta sama' dan, u qal lil dawk li kienu miexja warajh: "Tassew, ngħidilkom, f'ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din.[Mt:8:11] Jiena ngħidilkom li għad jiġu ħafna mil-lvant u mill-punent u joqogħdu fuq il-mejda ma' Abraham u ma' Iżakk u ma' Ġakobb fis-Saltna tas-Smewwiet,[Mt:8:12] waqt li dawk li twieldu fis-Saltna jitkeċċew 'il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien?"[Mt:8:13] Mbagħad Ġesù qal liċ-ċenturjun: "Mur, ħa jsirlek kif emmint?" U l-qaddej fieq dak il-ħin stess.


Ġesù jfejjaq ħafna nies

[Mt:8:14] Ġesù mar fid-dar ta' Pietru, u ra li omm il-mara ta' Pietru kienet mixħuta bid-deni.[Mt:8:15] Messilha idha, u d-deni ħallieha; mbagħad qamet u bdiet isservih.[Mt:8:16] Fil-għaxija mbagħad ġibulu quddiemu bosta li kienu maħkuma mix-xitan, u bil-kelma tiegħu keċċa l-ispirti, u fejjaq il-morda kollha.[Mt:8:17] Biex hekk seħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal: ‘Hu refa’ fuqu l-mard tagħna u tgħabba bl-uġigħ tagħna.’


.