blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: Ittra Pastorali - Ghazla Favur Zwieg Dejjiemi. Mejju 2011

Monday, May 23, 2011

Ittra Pastorali - Ghazla Favur Zwieg Dejjiemi. Mejju 2011

GĦAŻLA FAVUR ŻWIEĠ DEJJIEMI

Għeżież,
F’dan il-Ħames Ħadd tal-Għid, il-Mulej irregalalna Kelma tiegħu li trid iddawwalna fl-għażla tagħna għal Sidna Ġesù Kristu, fi ħdan il-Knisja Kattolika: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier, jekk mhux permezz tiegħi” (Ġw 14, 6).
Il-Mulej qiegħed jgħidilna li dak li lkoll nixtiequ – li mmorru għand Alla l-Missier – irridu norbtuh ma’ Persuna, li hu Sidna Ġesù Kristu. Għal min hu Kristjan, m’hemmx triq oħra li twasslu għand il-Missier. Kull wieħed u waħda minna rridu nagħżlu lil Ġesù bħala l-Verità: dak li jgħid hu huwa l-veru valur tal-affarijiet li hemm madwarna. Irridu narawhom mill¬-għajnejn tiegħu. Irridu nagħżlu lil Ġesù’ bħala t-Triq biex naslu għal din il-Verità. Toroq oħra ma jwasslux! Meta nagħmlu dawn l-għażliet, imbagħad, nindunaw u nduqu l-Ħajja vera għalina l-bnedmin.
Aħna nixtiequ li anki f’dan ir-Referendum dwar id-divorzju, u għalhekk dwar iż-żwieġ, aħna lkoll niġu mmexxijin minn dan il-kliem ta’ Ġesù.
Huwa f’dan id-dawl li aħna qegħdin ngħaddulkom din l-Ittra Pastorali qabel ir-Referendum.
Permezz tar-Referendum li ser isir ftit ġranet oħra, qed niġu msejħa biex bħala ċittadini, permezz tal-vot, nesprimu l-konvinzjoni tagħna dwar iż-żwieġ.
Mhux sew li dan l-appell jaqa’ f’widnejn torox. Ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Ma jurix sinjal ta’ maturita ċivika u kristjana min jagħzel li ma jiħux sehem f’dan ir-Referendum li jittratta suġġett daqshekk importanti.
Iż-żwieġ u l-familja huma esperjenza għal qalbna ħafna u hawn qbil fis-soċjetà li hemm bżonn ninvestu aktar għat-tisħiħ tagħhom. Iż-żwieġ u l-familja huma l-qafas naturali meħtieg, kemm biex persuna tgħix u tikber f’ambjent ta’ mħabba ġenwina, kif ukoll għal binja ta’ soċjetà b’saħħitha. L-esperjenza tgħallimna li dan huwa sewwasew li titlob id-dinjità tal-bniedem.
Hu għalhekk, għax taqbel mad-dinjità tal-bniedem, li Ġesù jgħallimna li ż-żwieġ, min-natura tiegħu, għandu rabta dejjiema.
Meta din l-esperjenza tal-imħabba fiż-żwieġ u l-familja tmur ħażin, fil-qlub jinfetħu ġerħat li ma jagħlqux malajr. Ilkoll nafu persuni mweġġgħa għax iż-żwieġ tagħhom ma rnexxiex. Nassigurawkom li l-karba tagħhom inħossuha f’qalbna, ir-Rgħajja Spiritwali tagħkom, bħalma hija fil-qalb ta’ Alla. Fl-istess waqt, wieħed japprezza li ħafna minn dawn il-persuni separati, meta jitkellmu dwar iż-żwieġ tagħhom, jistqarru li jiddispjaċihom ħafna li ż-żwieġ tagħhom falla. Dan ifisser li min hu mġarrab, għalkemm batut, ħafna drabi jikkonferma kemm iż-żwieġ veru għandu jkun l-għożża tagħna bħala nazzjon. B’imħabba lejn dawk li qegħdin ibatu, u lejn il-ġenerazzjonijiet futuri, irridu naraw flimkien kif nibnu kundizzjonijiet aħjar għaż-żwieġ u l-familja li jistgħu jnaqqsu dawn il-weġgħat.
Il-mistoqsija li qed jagħmel ir-Referendum, dwar jekk irridux li d-divorzju jsir parti mil-liġijiet ta’ pajjiżna, hija mistoqsija li se jkollha effett fuq iż-żwieġ fih innifsu u tolqot l-imġiba tagħna ċ-ċittadini u l-ġid komuni ta’ pajjiżna. Iċ-ċittadin għandu jagħti tweġiba mdawla mir-raġuni.
Iżda, fil-qafas ta’ dak li qed ngħidu, iċ-ċittadin kattoliku għandu kontribut speċjali x’joffri. It-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, kif espress u mwassal mil-liġi morali mxandra mill-Knisja, ma jħallilniex dubju li d-divorzju huwa soluzzjoni ħażina li fuqha ma tistax tibni soċjetà stabbli. Soċjetà bi żwieġ stabbli tfisser tnaqqis fin-numru ta’ dawk li jbatu fis-soċjetà tagħna tal-ġejjieni; hija sinjal ta’ mħabba lejn il-ġenerazzjonijiet futuri. Hekk it-twemmin nisrani jixħet aktar dawl fuq il-verità dwar in-natura taż-żwieġ.
Fid-dawl ta’ dan kollu, għalhekk, huwa dmir tagħna bħala Rgħajja Spiritwali li nfakkru lill-poplu ta’ Alla u lil dawk kollha ta’ rieda tajba li kull meta fil-pajjiż issir sejħa biex iċ-ċittadini juru l-fehma tagħhom permezz tal-vot, bħal fil-kaz ta’ dan ir-Referendum, huwa dmir morali li wieħed jitfa’ l-vot liberu tiegħu. Aktar ma d-deċiżjoni tkun dwar valuri li qatt ma nistgħu inpartuhom, bħalma huwa fil-każ ta’ żwieġ dejjiemi, aktar tikber il-gravità morali ta’ dan id-dmir.
L-għażla tagħna f’dan ir-Referendum titlob ħafna ħsieb għax iġġorr magħha responsabbiltà kbira. Hija deċiżjoni li ser ikollha effetti mhux biss fuq il-preżent, imma wkoll fil-futur. Permezz tal-vot tiegħu, iċ-ċittadin ser jibni jew iħott. Għażla favur żwieġ dejjiemi hija att ta’ fiduċja fil-familja mibnija fuq rabta ta’ mħabba li ma tinħallx bir-rieda tal-bniedem; filwaqt li għażla favur id-divorzju twassal lejn aktar tifrik taż-żwieġ u l-familja, u allura anki tal-valur u l-kwalità tal-ħajja. Ilkoll se nġorru l-konsegwenzi tad-deċiżjoni tagħna.
Quddiem dan ir-Referendum, in-nisrani ma jistax ma jagħmilx il-mistoqsijiet fundamentali li kull nisrani jrid jagħmel fl-għażliet importanti li jieħu, dejjem b’referenza lejn Sidna Ġesù Kristu. Bil-Magħmudija, in-Nisrani sar ta’ Ġesù u għażel li jimxi warajh. Għalhekk:
• l-għemejjel tan-nisrani dejjem isiru quddiem Sidna Gesù Kristu u f’konfront mat¬tagħlim tiegħu. Anki d-deċiżjoni fuq il-vot tar-Referendum trid issir f’dan id-dawl: li jien quddiem Ġesù se jkolli nagħti kont għall-għażla tiegħi;
• l-għemejjel tan-nisrani dejjem isiru fid-dawl tal-missjoni li hu laqa’, flimkien mal-insara kollha, mingħand il-Mulej Ġesù: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba”. Għan-¬nisrani kull għemil huwa okkażjoni biex jagħti s-sehem tiegħu ħalli t-tagħlim ta’ Ġesù jitwettaq fis-soċjetà tal-bnedmin li l-Missier tant iħobb. Anki l-vot fir-Referendum, għan-nisrani huwa okkażjoni biex iwettaq dan. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna l-insara, aħna msejħin biex fil-vot nagħrfu okkażjoni biex nieħdu sehem fil-missjoni tal-Mulej Ġesù dwar iż-żwieġ u l-familja. M’għandniex nitilfu din l-okkażjoni minħabba nuqqas ta’ interess jew nuqqas ta’ ħeġġa.
Nirrikmandaw li kull nisrani jitlob l-għajnuna tas-Sema, bl-interċessjoni tal-Madonna, Sultana tal-familji, biex f’din is-siegħa hekk importanti, fid-direzzjoni li ser nagħtu liż-żwieġ u lill-familja f’pajjiżna, aħna nagħmlu għażla skont ir-rieda ta’ Alla.
Insejħu fuqkom il-barka ta’ Alla.
+ PAWLU CREMONA O.P. - Arċisqof ta’ Malta
+ MARIO GRECH - Isqof ta’ Għawdex
+ ANNETTO DEPASQUALE - Isqof Titulari ta’ Aradi