blank'/> SHARING THE REAL TRUTH

Saturday, March 28, 2020

LITANY OF SUPPLICATION - Extraordinary Moment of Prayer and the Urbi et Orbi Blessing, presided over by Pope Francis - March 27, 2020 - during corona virus pandemic




Pope blesses world battered by coronavirus ‘storm’















PRESIEDUTO DAL SANTO PADRE
FRANCESCO
Sagrato della Basilica di San Pietro
Venerdì, 27 marzo 2020
















This is the test of Pope Francis's Homily in Maltese:
From Facebook:  https://www.facebook.com/ParroccaMarijaAddolorataSanPawlIlBahar on March 27, 2020
Dan hu t-test bil-Malti tal-Omelija li l-Papa Franġisku għamel issa fi Pjazza San Pietro Ruma.

“Xħin sar filgħaxija” (Mk 4:35). Hekk jiftaħ il-Vanġelu li għadna kemm smajna. Ilna ġimgħat issa nistħajlu li sar filgħaxija. Dlamijiet ħoxnin inġemgħu fuq il-pjazez, it-toroq u l-bliet tagħna; ħakmu fuq ħajjitna u mlew kollox b’ħemda li ttarrax u vojt tal-mewt, li kull fejn jgħaddi jipparalizza kull ħaġa: jinħass fl-arja, jidher fil-ġesti, tgħidu kull ħarsa. Erġajna sibna ruħna mbeżżgħa u mifxula. Bħad-dixxipli tal-Vanġelu, ir-riefnu qawwi li ma konniex qed nistennewh qabadna fuq sieq waħda. Intbaħna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll dgħajfa u mifxula, imma fl-istess waqt importanti u meħtieġa, ilkoll imsejħin nibqgħu flimkien, ilkoll fil-bżonn li nfarrġu lil xulxin. Fuq din id-dgħajsa… ninsabu lkoll kemm aħna. Bħal dawk id-dixxipli, li jitkellmu vuċi waħda u kollhom imbeżżgħa jgħidu: “Se nintilfu” (v. 38), hekk ukoll aħna ntbaħna li ma nistgħux nibqgħu għaddejjin kulħadd għal rasu, imma flimkien biss nistgħu naslu.
Faċli nilmħu lilna nfusna f’dan ir-rakkont. Id-diffiċli hu nifhmu l-imġiba ta’ Ġesù. Waqt li d-dixxipli naturalment jinsabu fi stat ta’ allarm u qalbhom maqtugħa, huwa jinsab fil-poppa, f’dik il-parti tad-dgħajsa li l-ewwel li ħa tinżel taħt l-ilma. U x’inhu jagħmel? Minkejja l-ġenn kollu, jinsab rieqed seren, fiduċjuż fil-Missier – hija l-unika darba fil-Vanġelu fejn naraw lil Ġesù rieqed. Meta mbagħad iqajmuh, wara li jkun ikkalma l-irjieħ u l-ilmijiet, idur fuq id-dixxipli u b’ton ta’ ċanfira jgħidilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” (v. 40).
Ejjew nippruvaw nifhmu. Fiex jikkonsisti n-nuqqas ta’ fidi tad-dixxipli, li jistona tant mal-fiduċja li għandu Ġesù? Huma ma kinux waqfu milli jemmnu fih, fil-fatt jitolbuh l-għajnuna. Imma ejja naraw ftit kif jitolbuh: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (v. 38). Qisu mhu xejn għalik: jaħsbu li Ġesù ma jimpurtahx minnhom, li mhux jieħu ħsiebhom. Fostna, fil-familji tagħna, waħda mill-aktar affarijiet li jweġġgħuna hi meta nisimgħu min jgħidilna: “Ma jimpurtakx minni?”. Hija frażi li tweġġa’ u tqanqal tempesti sħaħ fil-qalb. Anki lil Ġesù dejqitu. Għax m’hemm ħadd iżjed minnu li jimpurtah daqshekk minna. Fil-fatt, meta sejħulu, salva lid-dixxipli tiegħu li kienu qalbhom maqtugħa.
It-tempesta tikxef il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. Turina kif ħallejna jorqod u warrabna għall-ġenb dak li jagħti l-ħajja, iwieżen u jqawwi lil ħajjitna u l-komunità tagħna. It-tempesta tikxef il-fehmiet kollha tagħna li “ngeżwru” u ninsew dak li żamm ħajja r-ruħ tal-popli tagħna; dawk it-tentattivi kollha li ppruvaw jilluppjawna bi drawwiet li minn barra jidhru li jistgħu “jsalvaw”, imma li m’għandhomx ħila jżommuna marbuta mal-għeruq tagħna u jqanqlu l-memorja tal-anzjani tagħna, għax ċaħħduna mill-immunità meħtieġa biex nieqfu sodi f’wiċċ il-kuntrarju.
Bit-tempesta, waqgħet il-maskra tal-isterjotipi li biha għattejna l-“jien” tagħna dejjem ħsiebu kif ħa jidher; u baqgħet mikxufa, għal darb’oħra, dik l-(imbierka) appartenenza komuni li ma nistgħux naħarbu minnha: l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Mulej, il-Kelma tiegħek illejla tolqotna u għandha x’taqsam sew magħna, ilkoll kemm aħna. F’din id-dinja tagħna, li inti tħobb iżjed minna, aħna ġrejna bil-ħeffa kollha, ħassejna ruħna b’saħħitna u nifilħu għal kollox. B’kilba għall-gwadann, ħallejna ħajjitna tinxtorob mill-affarijiet waqt li l-għaġla fixlitna. Ma waqafniex meta smajna s-sejħat tiegħek, ma ġejniex f’sensina quddiem il-gwerer u l-inġustizzji ta’ din l-art, ma tajniex widen għall-karba tal-foqra, u tal-pjaneta tagħna marida serjament. Bqajna għaddejjin qisu xejn mhu xejn, għax ħsibna li mqar f’dinja marida aħna ħa nibqgħu dejjem f’saħħitna. Issa, meta qegħdin f’baħar imqalleb, nitolbuk: “Qum, Mulej!”.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Mulej, int qed tagħmlilna sejħa, sejħa għall-fidi. Li mhix daqstant nemmnux li int teżisti, imma li niġu għandek u nafdaw fik. F’dan ir-Randan tidwi s-sejħa urġenti tiegħek: “Indmu”, “erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (Ġoel 2:12). Issejħilna biex nilqgħu dan iż-żmien ta’ tiġrib bħala żmien ta’ għażla. Mhuwiex iż-żmien tal-ġudizzju tiegħek, imma tal-ġudizzju tagħna: iż-żmien li nagħżlu x’inhu li jiswa u x’inhu li jgħaddi, li nagħżlu bejn dak li hu meħtieġ u dak li mhuwiex. Huwa ż-żmien li nerġgħu nindirizzaw ir-rotta ta’ ħajjitna lejk, Mulej, u lejn l-oħrajn. U nistgħu nħarsu lejn l-eżempju ta’ tant sħabna fil-vjaġġ, li, fil-biża’, irreaġixxew billi taw ħajjithom stess. Hija l-qawwa ħawtiela tal-Ispirtu msawba u magħġuna f’għotjiet kuraġġjużi u ġenerużi. Hija l-ħajja tal-Ispirtu li kapaċi tifdi, tagħti valur u turi kif il-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Quddiem it-tbatija, fejn jitkejjel il-veru żvilupp tal-popli tagħna, niskopru u ngħixu t-talba saċerdotali ta’ Ġesù: “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd. It-talb u l-qadi fis-skiet: dawn huma l-armi rebbieħa tagħna.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Il-fidi tibda meta nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ salvazzjoni. Waħidna ma nistgħux nagħmlu kollox, waħidna negħrqu: għandna bżonn tal-Mulej bħalma l-baħħara antiki kellhom bżonn tal-kwiekeb. Nistiednu lil Ġesù fid-dgħajjes ta’ ħajjitna. Ngħaddulu l-biżgħat tagħna, biex jegħlibhom hu għalina. Bħad-dixxipli nagħmlu l-esperjenza li, bih magħna fid-dgħajsa, xejn ma jgħarraqna. Għax din hija l-qawwa ta’ Alla: kapaċi jibdel f’tajjeb dak kollu li jiġrilna, imqar il-ħwejjeġ koroh. Huwa jikkalma l-irwiefen tagħna, għax ma’ Alla l-ħajja ma tmut qatt.
Il-Mulej qed jisfidana u, qalb it-tempesta tagħna, jistedinna nqumu u nħaddmu s-solidarjetà u t-tama li kapaċi jimlew bil-qawwa, kapaċi jwieżnu u jagħtu tifsira lil dawn is-sigħat li fihom kollox jidher qed jegħreq. Il-Mulej iqum biex iqajjem u jagħti ħajja ġdida lill-fidi tagħna fl-Għid tiegħu. Għandna ankra: bis-salib tiegħu ġejna salvati. Għandna tmun: bis-salib tiegħu ġejja mifdija. Għandna tama: bis-salib tiegħu ġejna mfejqa u mħaddna biex xejn u ħadd ma jifridna mill-imħabba feddejja tiegħu. Qalb dan l-iżolament li fih qed inġarrbu n-nuqqas tal-ġesti ta’ mħabba u tal-laqgħat tagħna, qed induqu n-nuqqas ta’ tant affarijiet, ejjew nisimgħu mill-ġdid għal darb’oħra l-aħbar li ssalvana: huwa qam u jgħix magħna. Minn fuq is-salib tiegħu l-Mulej jisfidana biex nerġgħu nsibu l-ħajja li qed tistenniena, biex inħarsu lejn dawk li qed jitolbuna, biex inqawwu, nagħrfu u nseddqu l-grazzja li tgħammar fina. Ejjew ma nitfux il-musbieħ inemnem (ara Iż 42:3), li qatt ma ‘jimrad’, u nħalluh jerġa’ jkebbes fina t-tama.
Li nħaddnu s-salib tiegħu jfisser insibu l-kuraġġ li ngħannqu magħna t-tbatija kollha ta’ bħalissa, inwarrbu ftit għall-ġenb il-kilba tagħna għall-poter u għall-ġid biex nagħmlu wisa’ għal dik il-kreattività li l-Ispirtu waħdu jista’ jqanqal fina. Ifisser insibu l-kuraġġ li niftħu spazji fejn kulħadd jista’ jħossu msejjaħ u nħallu jinbtu għamliet ġodda ta’ ospitalità, ta’ fraternità u ta’ solidarjetà. Bis-salib tiegħu ġejna mifdija biex nilqgħu t-tama u nħallu lilha tqawwi u twieżen il-miżuri u t-toroq kollha possibbli li jistgħu jgħinuna nħarsu ruħna u nħarsu lill-oħrajn. Nitgħannqu mal-Mulej biex inħaddnu t-tama: din hija l-qawwa tal-fidi, li teħles mill-biża’ u trodd it-tama.
“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. Għeżież ħuti, minn dan il-post, li jirrakkonta l-fidi ta’ Pietru, samma bħall-blat, illejla nixtieq nafdakom ilkoll lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-poplu tagħha, Kewkba tal-baħar f’tempesta. Minn dan il-kolonnat li jħaddan lil Ruma u lid-dinja kollha ħa tinżel fuqkom, bħal tgħanniqa ta’ wens, il-barka ta’ Alla. Mulej, bierek lid-dinja, agħti saħħa lill-ġisem u faraġ lill-qalb tagħna. Int qed titlobna ma nibżgħux. Imma l-fidi tagħna hi dgħajfa u aħna mbeżżgħin. Imma int, Mulej, titlaqniex f’ħalq it-tempesta. Tennilna għal darb’oħra: “Tibżgħu xejn” (Mt 28:5). U aħna, flimkien ma’ Pietru, “nixħtu fuqek il-ħsibijiet kollha tagħna, għax int taħseb fina” (ara 1 Piet 5:7).





The Miraculous Crucifix of the Church of San Marcello al Corso in Rome, present in the Sagrato of St Peter's Basilica





Also present in the Sagrato --- 
The Real Icon of the Blessed Virgin Mary, housed at the Blessed Sacrament Chapel of the Basilica of Saint Mary Major














Pope Franics-Moment of prayer 27-03-2020




II. ESPOSIZIONE, ADORAZIONE
E BENEDIZIONE EUCARISTICA
Supplica litanica





LITANY OF SUPPLICATION with Pope Francis - Extraordinary Moment of prayer during Adoration - Friday, 27th March, 2020




IN ENGLISH --- LITANY OF SUPPLICATION 
used at special Urbi et orbi

https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-03/litany-supplication-urbi-et-orbi-pope-francis.html


============================


Din is-Supplika forma ta’ Litanija kienet parti mill-Mument Straordinarju ta' Talb fi żmien il-Pandemija, li mexxa waqt adorazzjoni l-Papa Franġisku quddiem il-Bażilika ta' San Pietru nhar il-Ġimgħa 27 ta' Marzu 2020.             

 

--- NADURAWK MULEJ

 

Veru Alla u veru bniedem, preżenti tassew f’dan is-Sagrament Imqaddes

Nadurawk, Mulej

 

Feddej tagħna, Alla magħna, fidil u għani fil-ħniena

Nadurawk, Mulej

 

Sultan u Sid tal-ħolqien u tal-istorja

Nadurawk, Mulej

 

Rebbieħ fuq id-dnub u fuq il-mewt

Nadurawk, Mulej

 

Ħabib tal-bniedem, li qomt mill-mewt u tinsab ħaj fuq il-lemin tal-Missier

Nadurawk, Mulej

 

--- NEMMNU FIK MULEJ


Iben waħdieni tal-Missier, li nżilt mis-Sema għas-salvazzjoni tagħna

Nemmnu fik, Mulej

 

Tabib tas-Sema, li titbaxxa fuq il-faqar tagħna

Nemmnu fik, Mulej

 

Ħaruf issagrifikat, li tingħata biex tifdina mill-ħażen

Nemmnu fik, Mulej

 

Ragħaj Tajjeb, li toffri ħajtek għall-merħla li int tħobb

Nemmnu fik, Mulej

 

Ħobż ħaj u duwa tal-ħajja bla tmiem, li tagħtina l-Ħajja ta’ dejjem

Nemmnu fik, Mulej

 

--- EĦLISNA MULEJj


Minn taħt is-setgħa tax-Xitan u tal-qerq tad-dinja

Eħlisna, Mulej

 

Mill-kburija u mill-preżunzjoni li nistgħu ngħaddu mingħajrek

Eħlisna, Mulej

 

Mill-qerq tal-biża’ u tal-ansjetà żejda

Eħlisna, Mulej

 

Min-nuqqas ta’ fidi u mill-qtigħ il-qalb

Eħlisna, Mulej

 

Mill-ebusija tal-qalb u min-nuqqas ta’ ħila li nħobbu

Eħlisna, Mulej

 

--- SALVANA MULEJ


Mid-deni kollu li jħabbat lill-bnedmin

Salvana, Mulej

 

Mill-ġuħ, min-nixfa u mill-egoiżmu

Salvana, Mulej

 

Mill-mard, mill-epidemiji u mill-biża’ minn ħutna

Salvana, Mulej

 

Mill-ġenn li jrid jaħtaf, mill-interessi bla ħniena u

mill-vjolenza

Salvana, Mulej

 

Mill-inganni, mill-informazzjoni żbaljata u mill-manipulazzjoni tal-kuxjenzi

Salvana, Mulej

 

--- FARRAĠNA MULEJ


Ħu ħsieb tal-Knisja tiegħek, li qed taqsam id-deżert

Farraġna, Mulej

 

Ħu ħsieb tal-bnedmin, imbeżżgħa u anzjużi

Farraġna, Mulej

 

Ħu ħsieb tal-morda u tal-moribondi, imġarrba mis-solitudni

Farraġna, Mulej

 

Ħu ħsieb tat-tobba u tal-ħaddiema tas-saħħa, imfarrka bl-għeja

Farraġna, Mulej

 

Ħu ħsieb tal-politiċi u tal-mexxejja, li jġorru l-piż ta’ għażliet importanti

Farraġna, Mulej

 

--- AGĦTINA L-ISPIRTU TIEGĦEK, MULEJ

 

Fis-siegħa tal-prova u tat-telfa

Agħtina l-Ispirtu tiegħek, Mulej

 

Fit-tentazzjoni u fid-dgħufija

Agħtina l-Ispirtu tiegħek, Mulej

 

Fil-ġlieda kontra l-ħażen u d-dnub

Agħtina l-Ispirtu tiegħek, Mulej

 

Fit-tiftix tal-veru ġid u tal-ferħ tassew

Agħtina l-Ispirtu tiegħek, Mulej

 

Fid-deċiżjoni li nibqgħu fik u fl-imħabba tiegħek

Agħtina l-Ispirtu tiegħek, Mulej

 

--- IFTĦILNA QALBNA GĦAT-TAMA, MULEJ


Meta d-dnub jisħaqna

Iftħilna qalbna għat-tama, Mulej

 

Meta l-mibegħda tagħlqilna qalbna

Iftħilna qalbna għat-tama, Mulej

 

Meta n-niket jiġi jżurna

Iftħilna qalbna għat-tama, Mulej

 

Meta l-indifferenza ssewdilna qalbna

Iftħilna qalbna għat-tama, Mulej

 

Meta l-mewt tgħaffiġna

Iftħilna qalbna għat-tama, Mulej


 

 

  http://laikos.org/supplika_litanika.htm                                Miġjuba għall-Malti minn Francesco Pio Attard 


 =================================
 =================================


Sunday, March 15, 2020 - From the Basilica of Santa Maria Maggiore, Pope Francis goes to visit the Church of San Marcello al Corso in Rome to pray in front of the venerated Crucifix of the XIV centur

https://medjugorjemalta.blogspot.com/2020/03/march-15-2020-pope-francis-visits.html   


 



.



============================================================
========================================================
=============================================





“Ħadd mhu se jsalva waħdu” – Franġisku 

https://newsbook.com.mt/hadd-mhu-se-jsalva-wahdu-frangisku

published on March 28th, 2020


Il-Papa Franġisku ilbieraħ talab għat-tmiem tal-pandemija tal-coronavirus. F’atmosfera surreali quddiem Pjazza San Pietru vojta, il-Papa qal li l-ħajjiet tagħna huma sostnuti minn persuni komuni li qatt mhu se jssib isimhom fuq il-gazzetti iżda issa qed jiktibu paġni importanti tal-istorja ta’ ħajjitna. Hawn hu semma’ t-tobba, nurses, helpers, ħaddiema tas-supermarkets, membri tal-forza tal-ordni, qassisin u oħrajn li fehmu li ħadd ma jsalva waħdu.



Għal din l-okkażjoni, inħareġ kurċifiss mirakoluż li jinsab fil-Parroċċa ta’ San Marcello al Corso f’Ruma. Dan il-Kurċifiss inħareġ bosta drabi, fosthom meta l-Italja, fl-1522 kien hemm il-pesta s-sewda u meta dan irritorna lura fil-knisja, il-pesta għebet. Fuq dahar dan il-Kurċifiss, hemm minquxa l-ismijiet tal-Papiet li minn żmien għal żmien irrikorrew għalih; l-aħħar wieħed tal-Papa Ġwanni Pawlu II fil-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000.



Iċ-ċelebrazzjoni inkludiet qari mill-Kelma ta’ Alla, mument ta’ adorazzjoni fil-preżenza tas-Sagrament u fl-aħħar il-Papa ta l-Bakra Urbi et Orbi, li tingħata biss fil-Milied u l-Għid il-Kbir.


====================================================

=====================================================

=====================================================


Supplika lill-Madonna Ta' Pinu fiż-żmien tal-imxija tal-Covid-19

 

I | s-Sejħa tal-Madonna

O Marija, f’dan iż-żmien imwiegħer meta, kif qal il-Papa Franġisku, “id-dinja qiegħda tirtgħod” minħabba l-imxija li niżżlitna lkoll għarkupptejna,  ġejna f’din l-għamara tiegħek fostna sabiex inqimu lilek fil-misteru tal-Mewt u l-Assunzjoni tiegħek fis-Sema, kif ukoll lil Ibnek Ġesù Kristu, li minħabba dnubietna ġarr is-salib u ġarrab tbatija l-iktar ħarxa.

Aħna l-Maltin u l-Għawdxin, u magħna ħutna l-emigranti u l-missjunarji, ninxteħtu f’riġlejk nitolbuk tisma’ tnehidna. Inressqu quddiemek it-talb tagħna għall-familji tagħna, għat-tfal, iż-żgħażagħ, il-morda u x-xjuħ, għal dawk infettati bil-mikrobu, għat-tobba u l-infermiera, għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, għall-membri tal-forza tal-ordni, għas-saċerdoti, speċjalment il-kappillani tal-isptarijiet, u għal dawk kollha li huma mġarrbin.

Agħmel li fuq l-eżempju ta’ Kristu u tiegħek, nitgħallmu ngħixu ħajja qaddisa u nġorru bis-sabar is-salib tagħna ta’ kuljum. Amen.

Sliem għalik, Marija…

 

II | Il-Mewt ta’ Marija

O Marija, lilek li rbaħt għalkollox id-dnub u żbaqt lill-anġli fis-safa, ma kenitx tistħoqqlok il-piena tal-ħtija; iżda bħala bint Adam, Inti wkoll kont imdawra bid-dwejjaq u d-duluri, u ġarrabt fl-aħħar il-mewt. Iżda mewtek kienet effett tal-imħabba, li meta waslet fl-aqwa tagħha ħelsitek mir-rbit tal-ġisem, sabiex tingħaqad għal dejjem ma’ Ġesù. Omm tagħna ħanina, filwaqt li nintelqu f’idejk biex il-mewt tkun għalina r-raqda ta’ rwieħ ġusti, illum irridu niftakru f’dawk li dan l-aħħar mewthom kienet effett tal-imħabba lejn il-proxxmu tagħhom, bħalma huma t-tobba, l-infermiera, il-qraba ta’ anzjani milquta mill-virus, saċerdoti li litteralment tilfu ħajjithom għax ħabbew ħafna; irridu niftakru f’dawk l-operaturi sanitarji tagħna li, għax ħabbew, poġġew ħajjithom f’riskju kbir. Irridu niftakru f’dawk li, misjuqin mill-imħabba, mietu għalihom infushom, u qed jagħtu l-enerġija tagħhom f’solidarjetà ma’ min huwa dgħajjef. Amen.

Sliem għalik, Marija…

 

III | Il-Qawma ta’ Marija mill-Mewt u t-Tlugħ tagħha fis-Sema

O Marija, għamara ħajja tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, il-ġisem tiegħek bla tebgħa mqiegħed minn idejn l-Appostli fil-qabar ma messux it-taħsir tal-mewt, iżda wara tlitt ijiem ġie mqajjem glorjuż għall-ħajja li qatt ma tintemm; u Inti ġejt meħuda fis-Sema fost il-ferħ u t-tifħir tal-qtajja’ tal-anġli. Ikollok ħniena mix-xejn u d-dgħufijiet tagħna, b’mod partikulari waqt din l-imxija ta’ marda qalila; agħmel li, imnaddfin bid-dmugħ ta’ vera ndiema, ma nħallux iżjed lill-għadu jirbaħna; iżda nħarsu l-qalb u l-ġisem tagħna bħala tempju ħaj ta’ Alla, sabiex fl-aħħar ġurnata nqumu mit-trab tal-qabar tagħna mibdula fil-bniedem perfett. Amen.

Sliem għalik, Marija…

 

IV | Talba

O Marija, lilek, li aktar mill-qrib imxejt u sseħibt ma’ Ġesù fit-tbatija u fl-għajb tas-Salib, kien jistħoqqlok l-aħjar sehem mir-rebħa tiegħu. Illum tinsab fil-leminija ta’ Ibnek inkurunata mit-Trinità Qaddisa, li qegħdet f’idejk kull setgħa fis-Sema u fl-art. F’idejk Kristu ħalla t-teżori tal-grazzja u l-frott tas-salvazzjoni li kisbilna. Salvana, mela, l-iżjed ħelwa u ħanina fost l-ommijiet: jinżlu fuqna minn idejk it-teżori tal-grazzja ta’ Alla. Kif dejjem għamilt ma’ ġensna, kompli ifrex il-mant tiegħek ta’ Omm fuqna lkoll, speċjalment fuq dawk li, minħabba l-qagħda li ninsabu fiha huma f’baħar ta’ dwejjaq u qtigħ il-qalb, jinsabu waħdihom, tbattlu mit-tama; fuq dawk li huma maħkuma mill-biża’ mhux biss tal-marda imma wkoll tal-piżijiet finanzjarji li ser ikollhom iħabbtu wiċċhom magħhom; fuq dawk li qed jerfgħu t-toqol tar-responsabbiltà ta’ deċiżjonijiet fl-oqsma tat-tmexxija, tal-ekonomija, tal-impjiegi, tas-saħħa. Hekk, kif issa nqimuk bl-imħabba u bit-tifħir, jistħoqqilna ġurnata li niġu nirringrazzjawk fis-Sema, u jkollna sehem mill-kuruna tiegħek, billi ngawdu ’l Alla għal dejjem.

Amen.

Salve Regina

 

***

 

Magħmula mill-E.T. Mons. Mario Grech, Amministratur Appostoliku għal Għawdex, fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Erbgħa 25 ta’ Marzu 2020, Solennità tat-Tħabbira tal-Mulej. 

 

 

 

 

.


Sunday, March 22, 2020