http://laikos.org/qaddisin.htm
6 TA’ LULJU
SANTA MARIJA GORETTI
Verġni u Martri: 1890-1902
Santa Marija Goretti twieldet f’Corinaldo, l-Italja, fl-1890. Kienet it-tielet fost sebat itfal ta’ familja fqira. Hija qatt ma marret skola u għalhekk ma tgħallmitx taqra u tikteb. Ommha wkoll kienet illitterata.
Meta Marija kellha disa’ snin il-familja tagħha marret toqgħod f’Nettuno, qrib Ruma, minħabba x-xogħol. Sena wara missierha miet.
Ta’ ħdax-il sena Marija għamlet l-Ewwel Tqarbina. Hafna mill-katekiżmu tgħallmitu mingħand ommha li kienet tafu bl-amment.
Għal xi żmien il-familja Goretti kienet taqsam id-dar ma familja oħra. Wieħed mit-tfal tal-familja l-oħra, Alessandro Serenelli, li kellu tmintax-il sena, kien spiss iħajjar lil Marija għad-dnub u hi kienet dejjem tiqaflu. Kien ukoll iheddidha li jekk tgħid xi ħaġa joqtol lilha u lil ommha.
Fil-5 ta’ Lulju 1902, Marija kienet qed traqqa’ qmis meta ġie fuqha Alessandro u ttanta jieħu kunfidenza magħha. Hi bħas-soltu waqfitlu u bdiet tgħidlu li dak kien dnub u li Alla ma ridx li jagħmlu hekk. Hu qabadha u daħħalha bil-fors fil-kamra tas-sodda waqt li hi baqgħet tirreżistih u tgħajjat għall-għajnuna. Tant irrabja li beda jsawwatha u saħansitra qabad sikkina u beda jagħtiha biha bla ħniena.
Ħaduha l-isptar fejn it-tobba ħadmu għal sigħat sħaħ biex isalvawlha ħajjitha, iżda wara li ħafret minn qalbha liż-żagħżugħ u rċevit il-vjatku, mietet fil-preżenza ta’ ommha, wara madwar erbgħa u għoxrin siegħa.
Alessandro kien ikkundannat tletin sena ħabs. Sa tmien snin wara kien għadu ma nidimx, sakemm lejl wieħed ħolom jew ra viżjoni ta’ Marija qed taqta’ l-fjuri u toffrihomlu. Din id-dehra tant laqtitu li biddel ħajtu. Meta ħareġ mill-ħabs wara sebgħa u għoxrin sena baqa’ sejjer dritt għand omm Marija u talabha taħfirlu. Wara daħal Fratell mal-Patrijiet Kapuċċini,
Id-devozzjoni lejn din il-martri ċkejkna malajr xterdet u bdew isiru l-mirakli għat-talb tagħha, u f’inqas minn ħamsin sena wara, il-Papa Piju XII ikkanonizzaha fil-25 ta’ Lulju 1950.
Għall-kanonizzazzjoni tagħha kien hemm folla rekord ta’ 250,000 ruħ u ċ-ċerimonja kellha għall-ewwel darba ssir barra fil-pjazza quddiem il-Bażilika ta’ San Pietru. Ommha, li kellha mal-85 sena, u tlieta minn ħutha kienu preżenti. Hekk ukol Alessandro, li kellu 66 sena, kien fost dik il-folla enormi, għarkubbtejh jibki, b’għajnejh mimlijin dmugħ ta’ ferħ. Kienet ġrajja unika fl-istorja tal-Knisja.
Ħsieb
”Lanqas jekk iqattgħu ġismi biċċiet biċċiet ma noffendi lill-maħbub tiegħi Ġesù bid-dnub.” (Marija Goretti) Kapaċi ngħidu dan il-kliem, speċjalment jekk jiena tfajla?
==================================================
Jn 12:24-26 -- ...as a kernel of wheat.. - ...bħal mal-ħabba tal-qamħ trid taqa' fl-art u tmut..
[Ġw:12:24] Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa' weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. [Ġw:12:25] Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f'din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta' dejjem. [Ġw:12:26] Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja; u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ.
-------------------------------------------------------------------------
John 12:24-26
24 Very truly I tell you, unless a kernel of wheat falls to the ground and dies, it remains only a single seed. But if it dies, it produces many seeds. 25 Anyone who loves their life will lose it, while anyone who hates their life in this world will keep it for eternal life. 26 Whoever serves me must follow me; and where I am, my servant also will be. My Father will honour the one who serves me.
==============================
"Day With Mary" - July 6 - St Maria Goretti and the Eucharist
.