30 ta' Ġunju
Tifkira Liturġika tal-Martirju tal-Appostlu Missierna San Pawl.
Pittura ta' San Pawl fil-knisja parrokkjali ta' San Pawl il-Baħar, Marija Addolorata, xogħol Adonai Camilleri Cauchi li saret fis-sena 2021
Grajja tal-Martirju ta' San Pawl.
Disa’ snin sħaħ martirju
Nistgħu ngħidu, mingħajr ma niżbaljaw, li l-aħħar disa’ snin ta’ ħajtu, għal Pawlu kienu fil-fatt martirju l-ħin kollu. Kien fis-sena 58, hekk kif wasal lura Ġerusalemm mit-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu f’Antijokja tas-Sirja, f’Efesu, fil-Maċedonja, f’Korintu, f’Filippi u f’Ċesarea, li l-Lhud waħħlu f’rashom li joqtluh. Kif mar fit-tempju, qamet rewwixta sħiħa kontrih u bdew isawtuh bla ħniena. Dakinhar Pawlu ħelisha mill-mewt bis-saħħa tas-suldati Rumani li ħaduh f’idejhom, u wara arrestawh, bagħtuh fil-ħabs ta’ Ċesarija.
F’dan il-ħabs dam sentejn sħaħ fi żmien il-gvernaturi Rumani Feliċ u Festus li t-tnejn kienu konvinti li kien bla ħtija. Iżda xorta waħda baqgħu ma ħelsuhx mill-ħabs minkejja d-difiża qawwija tiegħu għax kienu jibżgħu mill-Lhud. Kien f’għeluq it-tieni sena tiegħu fil-ħabs li waqt li deher quddiem Festus, meta xamm li l-kawża tiegħu kienet ġejja fit-tul, inqeda bil-jedd li kellu ta ċittadin Ruman, appella l-kawża tiegħu quddiem Ċesari. Wara li Festus ikkonsulta mal-kunsill tiegħu, qallu: “Int appellajt għal quddiem Ċesari, u quddiem Ċesari tmur” (Atti, 25, 12).
Fi triqtu lejn Ruma
Ma għaddiex żmien wisq li Pawlu, flimkien ma’ għadd ta’ priġunieri oħra, beda l-vjaġġ tiegħu lejn Ruma taħt il-ħarsien taċ-ċenturjun Ġulju. Kien vjaġġ twil. Hekk kif ħallew ix-xtajta tal-provinċja ta’ Liċja, il-bastiment inqabad f’maltempata kbira u wara erbatax-il lejl, il-bastiment tkaxkar lejn ix-xtajtiet ta’ Malta sakemm tfarrak mal-blat. Iżda minkejja l-periklu kbir li sab ruħu fih Pawlu u dawk li kienu miegħu, ħadd minnhom ma tilef ħajtu.
Bir-raġun aħna l-Maltin ma nehdewx niċċelebraw u nfakkru din id-diżgrazzja kbira. Għax għalina din kienet diżgrazzja bi grazzja għaliex wasslitilna b’mod providenzjali lil Pawlu li baqa’ fostna għal tliet xhur sħaħ. Iżda fl-istess waqt ma nistgħux ninsew il-martirju kbir li għadda minnu Pawlu u sħabu l-oħra, waqt dan in-nawfraġju. Ma nistgħux ninsew li Pawlu kien wieħed mill-priġunieri li s-suldati riedu joqtlu għax beżgħu li xi ħadd minnhom seta’ jaħrab bil-għawm. Għat-tieni darba kien bis-saħħa ta’ ċenturjun li Pawlu salva ħajtu li ma ħalliex il-ħsieb tas-suldati jseħħ.
Sentejn priġunier f’Ruma
Kien fil-bidu tas-sena 61, li wara tliet xhur mill-wasla ta’ Pawlu f’Malta, flimkien mal-priġunieri l-oħra, kompla fi triqtu lejn Ruma fejn kellu jgħaddi sentejn oħra bħala priġunier, sakemm kellha tiġi ttrattata l-kawża tiegħu u jiġi kkundannat. Anki f’Ruma, l-affarijiet ħadu fit-tul u bħala priġunier ta’ ċittadinanza Rumana, għalkemm kien dejjem mgħasses, ħallewh għal sentejn sħaħ joqgħod fid-dar li kien kera. Hemm kien jilqa’ lil dawk kollha li kienu jiġu għandu, jxandrilhom is-Saltna t’Alla u jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil. Kien f’dan iż-żmien li kiteb erba’ mill-isbaħ ittri tiegħu. Dan l-aħħar tagħrif li jagħtina San Luqa dwar Pawlu fi tmiem tal-Atti tal-Appostli.
Wara sentejn, saret il-kawża u Pawlu kien liberat. Pawlu, minkejja dak kollu li kien għadu kif għadda minnu, mill-ewwel ħalla Ruma biex ikompli l-missjoni evanġelizzatriċi tiegħu u ta bidu għar-raba’ vjaġġ missjunarju tiegħu u mar fil-Punent Imbiegħed jigifieri fi Spanja. Wara li telaq minn Spanja, fil-bidu tas-sena 65, għal sentejn sħaħ reġa’ mar fil-Lvant iżur lill-knejjes li hu stess kien waqqaf f’Efesu, il-Maċedonja, Kreta, Miletu u Korintu.
Lura f’Ruma għall-aħħar darba
Kien fil-bidu tas-sena 67, li Pawlu reġa’ mar Ruma fejn l-Insara kienu jinsabu għaddejjin mit-tieni fażi tal-persekuzzjoni qalila kontrihom mill-Imperatur Neruni. Minkejja l-periklu kbir li kien jinsab fih, Pawlu xorta waħda baqa’ jippersisti fil-ħidma tiegħu tal-predikazzjoni. Issa kien fehem tajjeb li t-tmiem tiegħu kien fil-qrib kif juri biċ-ċar fit-tieni ittra tiegħu lil Timotju meta jgħidlu: “Żmien it-tluq tiegħi wasal. Tqabadt it-taqbida t-tajba, temmejt il-ġirja, ħarist il-fidi. Mill-bqija hemm merfugħa għalija l-kuruna tal-ġustizzja, li biha f’dak il-Jum, iħallasni l-Mulej, u mhux biss, imma wkoll lil dawk kollha li jkunu għexu fl-imħabba tad-Dehra tiegħu.” (2 Tim, 4, 6).
Fil-fatt ma għaddiex żmien wisq li ma ġiex arrestat mill-awtoritajiet Rumani u mixħut fil-ħabs Tullianum, imsejjaħ Mamertinum, fost tant priġunieri ta’ qattagħni. Minħabba li bħala ċittadin Ruman kien taħt il-ħarsien tal-liġi imperjali, biex ikun iddikjarat ħati, kien meħtieġ li jsirulu żewġ akkużi qabel ma jiġi kkundannat.
Wara li saritlu l-ewwel akkuża kellhom jgħaddu x-xhur sakemm jerġa jittella’ l-qorti u ssirlu t-tieni akkuża. Fl-aħħar tellgħuh u saritlu l-aħħar akkuża. Kif kien mistenni, minkejja d-difiża qawwija u kuraġġuża tiegħu, mingħajr ebda prova, instab ħati u l-Imħallef qatagħhielu għall-mewt ta’ qtugħ ir-ras.
Il-martirju barra s-swar ta’ Ruma fis-sena 67
Skont id-drawwa tar-Rumani, jum qabel mewtu, Pawlu ġie meħud barra mill-belt marbut bil-ktajjen fil-post imsejjaħ Ad Aquas Salvas, xi tliet mili ’il bogħod mis-swar ta’ Ruma. Wara li ġie mneżża’ minn ħwejġu u msawwat, ġie marbut ma’ kolonna. Hekk kif baxxa rasu fuq il-kolonna, fost it-tgħajjir u t-theddid ta’ dawk li nġabru madwaru, wieħed mis-suldati resaq fuqu u niżżel ix-xabla tiegħu bis-saħħa kollha fuq għonqu. Kif ras Pawlu nfirdet minn ġismu u waqgħet mal-art f’għadira demm, skont tradizzjoni popolari antika, rasu kif messet mal-art qabżet tliet darbiet ftit ’il bogħod minnu, u kull fejn misset, ħarġu tliet għejun fejn ’il quddiem inbniet l-Abbazia delle Tre Fontane.
Kien f’nofs is-sena 90, li l-Isqof ta’ Ruma Klement I, f’ittra li kiteb lill-knisja ta’ Korintu, wara li semma’ l-martirju ta’ San Pietru, hekk kiteb fuq il-martirju ta’ San Pawl: “Arrestat seba’ darbiet, eżiljat, imħaġġar, huwa kien messaġġier ta’ Kristu fil-lvant u l-punent, u għall-fidi tiegħu akkwista l-glorja sħiħa. Wara li ppriedka l-ġustizzja lid-dinja kollha, u wara li wasal sat-tarf tal-punent, sofra l-martirju quddiem l-awtoritajiet. Hekk hu ħalla din id-dinja u kiseb il-lok qaddis u b’dan sar l-akbar mudell ta’ paċenżja. (I Klement 5,2).
Il-ġisem mejjet ta’ Pawlu wara ġie midfun f’qabar f’għalqa, propjeta` ta’ waħda sinjura bl-isem ta’ Lucina fil-Via Ostiense. Kien fir-raba’ seklu li l-Insara ta’ Ruma qalgħu l-katavru minn dak il-qabar u difnuh fil-post imsejjaħ Ad Catacumbas fuq Via Appia. Iżda ’il quddiem, l-Imperatur Kostantinu bena bażilika żgħira fil-Via Ostiense fuq l-ewwel qabar ta’ San Pawl. Fis-sena ta’ wara, din l-ewwel bażilika ta’ Kostantinu komplew ikabbruha l-Imperaturi Teodosju, Valentinjanu II u Arkadju.
Fl-1823 din il-bażilika Rumana, imsejħa San Paolo Fuori Le Mura (San Pawl Barra l-Ħitan), inħakmet minn nirien kbar li qerduha. Kien il-Papa Ljun XII li wara ħa ħsieb li terga’ tinbena mill-ġdid fil-forma monumentali tagħha kif narawha llum, bil-faċċata kollha mużajċi u b’portiku mdawwar minn 150 kolonna. Kien il-Beatu Piju IX li kkonsagraha fl-1854.
Bejn l-2002 u l-2006 kien sar stħarriġ arkeoloġiku fuq il-fdalijiet antiki tal-Bażilika ta’ Kostantinu li jmorru lura għas-sena 390 meta din il-bażilika kienet tkabbret mill-Imperaturi Teodosju, Valentinjanu u Arkadju u li kienu ġew salvati wara ħruq tal-1823. Matul dawn l-iskjavi kien instab sarkofagu (kontenitur) kbir sempliċi tal-irħam bir-relikwji li tiegħu kien intilef kull ħjiel. Skont l-arkeologu tal-Mużewijiet tal-Vatikan, Giorgio Filippi li mexxa l-iskjavi, sa minn żmien ta’ Teodosju, dan kien meqjus bħala “il-qabar ta’ San Pawl.”
Kanonku Ġwann Ciarlo` B.A., Lic. D.