Il-Beata Maria Adeodata Pisani, li ssejħet bir-raġun “ġawhra umli tal-ħajja kkonsagrata u monastika,” ma kellhiex ħajja twila. Meta mietet kienet lanqas għalqet il-50 sena – hawn min qiegħed f’dan il-monasteru li għandu kważi d-doppju ta’ kemm kellha hi meta mietet. F’ħajjitha, ma għamlitx affarijiet straordinarji li għamlu storbju u ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna, imma fil-qadi tal-missjoni li Alla taha għexet ħajja mimlija.
Għexet ħajja ta’ fedeltà sħiħa lejn is-sejħa li l-Mulej għamlilha biex tkun soru Benedittina. Kienet mill-iktar fidila lejn id-dmirjiet kollha tagħha.
Nixtieq insemmi tliet punti mill-ħajja tagħha li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għalina llum.
Ir-rabta sħiħa tagħha ma’ Alla
Tolqotna fiha r-rabta sħiħa tagħha ma’ Alla. Minn kliem il-Beata Marija Adeodata: “Nixtieq li lill-Mulej nikkonsagra lili nnifsi kollni kemm jien… Lil qalbi nixtieq noffrihielu, b’mod li ma nħallix li jkolli ħlief xewqa waħda: dik li lil Alla nagħmlu tiegħi u hu jżommni bħala tiegħu kompletament.”
Kienet tfittex fit-talb din ir-rabta tagħha ma’ Alla. It-talb ma kienx bil-qies, imma kienet issib diversi ħinijiet biex tkun viċin tiegħu, speċjalment ħdejn Ġesù Sagramentat. Hemm sabet il-qawwa, l-enerġija, is-sostenn għall-ħajja tagħha.
Kienet issib b’mod speċjali l-ferħ fis-sagramenti tal-Ewkaristija u tal-Penitenza, li kienet tqishom bħala għejun tal-grazzja.
Il-Beata Marija Adeodata tgħallimna li aħna wkoll, kulħadd skont is-sejħa tiegħu jew tagħha, għandna nsaħħu din ir-rabta tagħna ma’ Alla u jkun hu li jagħtina l-qawwa u l-enerġija li neħtieġu f’ħajjitna.
Fqira mal-fqar
Bħal Kristu, il-Beata Marija Adeodata fittxet li tgħix il-faqar billi hi stess ma tfittixx ħajja ta’ lussu, u billi tfittex li tkun ħaġa waħda ma’ min hu fil-bżonn.
L-ewwel, mas-sorijiet tal-kunvent tagħha. Kienet tħobb ix-xogħol ta’ infermiera – fil-fatt għaliha x-xogħlijiet ta’ sagristana u ta’ infermiera kienu dawk preferuti, ħidmiet li kienu jgħaqqdu l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Kienet tagħmel ix-xogħol ta’ infermiera b’dedikazzjoni, u bis-sabar kollu.
Kienet ukoll tieħu ħsieb il-bieb tal-kunvent u dan ix-xogħol laqqagħha mal-fqar. Iltaqgħet ma’ ħafna nies fqar u hawn rat il-bżonn li tkun taf sew l-ilsien Malti biex tkun tista’ tikkomunika sew magħhom. Lill-fqar kienet tlaqqagħhom, tgħallimhom il-katekiżmu u tqassam fosthom minn dak li ħalliet minn ġidha lill-monasteru għal dan l-iskop. L-aħjar drapp kienet tagħtih lill-fqar. Il-fqar kienu jaraw fiha anġlu li jipprovdilhom l-għejxien.
Baqgħet tgħin lill-fqar sal-aħħar, ukoll meta kienet magħdura u bilkemm tista’ timxi. Baqgħet tgħin sal-aħħar ġurnata ta’ ħajjitha. Kienet konxja tal-kliem ta’ Ġesù: “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”
Dan hu messaġġ sabiħ għalina. L-imħabba lejn Alla ma tagħlaqniex fina nfusna imma għandha tħeġġiġna biex naħsbu fl-oħrajn u nkunu ta’ sostenn u għajnuna għalihom.
Fit-triq lejn il-ħajja ta’ dejjem
Is-saħħa prekarja ta’ Marija Adeodata ħallietha dejjem konxja li l-ħajja hi qasira u tgħaddi malajr. Ma ħallietx il-mard tagħha jitfilha l-ħeġġa biex tgħix il-vokazzjoni tagħha u tagħmel il-ġid. Kienet konvinta li hemm lest għaliha l-ħajja ta’ dejjem fi ħdan it-Trinità Qaddisa. Il-Beata Marija Adeodata tirrifletti spiss fuq il-mewt. Kienet tishar fil-kripta tal-monasteru u tħossha msieħba fix-xirka tal-qaddisin. Meta waslet biex tmut, ħadet l-aħħar nifs waqt li bieset il-Kurċifiss.
Il-Beata Marija Adeodata kienet spiss titlob: "Agħmel, Mulej, li jien nippersevera sal-aħħar. U din kienet ukoll it-talba tagħha lill-Madonna: Omm tiegħi l-aktar qaddisa, aqlagħli l-perseveranza, f’ġieħ Ġesù Ibnek. Tħallini qatt waħdi. Dan jien nitolbu, u l-aktar għall-aħħar nifs ta’ ħajti.”
Lilna wkoll il-Beata Marija Adeodata tfakkarna li ħajjitna hi mixja lejn il-ħajja ta’ dejjem. Dik hi d-destinazzjoni tagħna. Il-ħsieb tal-ħajja ta’ dejjem b’ebda mod ma jaljenana mill-ħajja ta’ issa, anzi jgħinna biex iktar ngħixu tajjeb iż-żmien li Alla jagħtina hawnhekk.
Nitolbu lill-Beata Marija Adeodata biex tkompli tkun ta’ ispirazzjoni u għajnuna bl-interċessjoni tagħha, l-ewwel nett għas-sorijiet Benedittini, imma wkoll għalina lkoll; speċjalment f’dawn it-tliet punti: ir-rabta sħiħa ma’ Alla, li nkunu fqar għas-servizz tal-foqra, u li nagħrfu ngħixu l-mixja tagħna lejn il-ħajja ta’ dejjem.
✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju