blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: 10/06/22

Thursday, October 06, 2022

QUDDIES - b'tifkira tat-trabi li ma tweldux

 

Quddiesa mill-Isqof Anton Teuma b'tifkira tat-trabi li ma tweldux - 03.10.2022

It-tbatija marbuta mat-telfa ta’ ħajja, speċjalment ta’ wild fil-ġuf, twassal lill-ġenituri biex jistaqsu lil Alla: “Imma int fejn int?” Imma l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb tfakkarna li Ġesù hu dak li, bħal dak li niżel minn fuq il-bhima jdewwi l-ġrieħi tal-midrub, niżel mis-Sema biex iċċappas bit-tbatija umana.

Dan qalu l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma meta nhar it-Tnejn iċċelebra quddiesa fis-Santwarju Ta’ Pinu li għaliha attendew ġenituri li tilfu t-tarbija tagħhom qabel twieldet. Iċ-ċelebrazzjoni ġiet organizzata għad-Djoċesi ta’ Għawdex mill-Komunità Anawim u Dar Ġużeppa Debono.

“M’hemmx tbatija akbar mit-telfa ta’ iben jew ta’ bint”, sostna l-Isqof, imma kompla jgħid li l-illużjoni li fil-ħajja mhux sa jkollna tbatija iktar iġġagħalna nbatu, u allura l-ewwel pass lejn il-fejqan hu l-aċċettazzjoni tar-realtà, iebsa kemm tkun iebsa.

Lanqas irridu nfittxu f’Ġesù xi ħadd li ħa jeħlisna mit-tbatija, qal l-Isqof, għax Alla “fil-pjan tiegħu għamel li t-tbatija tagħmel parti mill-ħajja tal-bniedem sakemm il-bniedem jasal biex jiltaqa’ miegħu fil-glorja”.

Dwar dak li jkun għaddej mill-qalb ta’ dawk li jsofru telfa kbira, l-Isqof semma żewġ emozzjonijiet qawwijin: is-sens ta’ ħtija u r-rabja. Is-sens ta’ ħtija ħafna drabi jkisser iżjed lill-persuna, ħaġa li “Alla ma jridx”, anzi “kontinwament jgħidilna: ‘Le, inti maħbub. Inti għandek valur, għandek dinjità’”. Hekk dan jista’ jkun “il-bidu ta’ xi ħaġa aktar sabiħa”.

Faċli wkoll li min iġarrab telfa jħoss vojt hekk kbir li jinbidel f’rabja, qal l-Isqof, u din tista’ tkun għalina nfusna jew għall-oħrajn. Imma anki din “ma twassal imkien”.

Sadattant, kompla l-Isqof ta’ Għawdex, “Alla ma jiħux għalih meta nirrabjaw għalih, anzi xi darba jkun hemm bżonn li nesprimu r-rabja tagħna miegħu”. Dan huwa xebbhu ma’ meta “t-tifel jew tifla tiegħek, jew ħuk jew oħtok, għax għandhom kunfidenza miegħek, jaffordjaw li jirrabjaw għalik għax jafu li mhux ser jitilfuk, jafu li inti ser tibqa’ tħobbhom anki jekk tirrabja għalihom”. L-importanti, qal, hu li fl-aħħar mill-aħħar nibqgħu f’komunikazzjoni ma’ Alla.

Hemm mod kif nistgħu naffrontaw it-tbatijiet tagħna, ikkonkluda l-Isqof Teuma, u dan hu li “naċċettaw li t-tbatija tagħmel parti mill-ħajja tagħna”. It-telfa se tibqa’, qal, imma “allaħares tibqa’ l-iktar ħaġa ċentrali ta’ ħajjitna” għax “inkunu qegħdin nikkastigaw lilna nfusna”.

Kien hawn li l-Isqof ħeġġeġ lil koppji li għaddew minn telfiet bħal dawn biex jieħdu ħsieb ta’ xulxin u tar-relazzjoni tagħhom, li kapaċi tkun f’riskju minħabba t-tbatija li jkunu għaddejjin minnha. Fetħilhom għajnejhom li jista’ “jdeffes denbu x-xitan bejn il-koppja”, għax jista’ jiġri li “wieħed jibda jwaħħal fl-ieħor jew wieħed ma jibqax jiflaħ għat-tgergir, għall-ilmenti, għall-biki tal-persuna l-oħra”.

L-Isqof temm billi qal li għajnuna kbira li tista’ tkun “soluzzjoni ta’ ħajja” hi li l-koppja tibqa’ f’mixja ta’ formazzjoni. Irrefera għall-Ittra Pastorali li bagħat ftit jiem qabel fejn ħeġġeġ mill-ġdid għall-importanza tal-Kelma ta’ Alla li tħabbar li hu “mhux ’il bogħod mis-salib tagħna, mill-problemi tagħna”.

“Naf li mhux dejjem tfarraġna, imma anki Alla tilef lil Ibnu għalina!”, għalaq l-Isqof ta’ Għawdex.


---  “M’hemmx tbatija akbar mit-telfa tal-ulied” – L-Isqof Teuma  - Newsbook

---   Ma neħlux fit-telfa – Laikos (laikosblog.org)


*************************************************



Quddiesa tal-Vġili tas-27 Ħadd ta' Matul is-Sena b'tifkira tat-trabi li ma tweldux - 02.10.2021


*************************************


Quddiesa mill-Isqof Anton Teuma b'tifkira tat-Trabi li ma tweldux, organizzata minn Dar Ġużeppa Debono u l-Komunità Anawim - 29/09/2020

It-Tlieta, 29 ta’ Settembru 2020: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Quddiesa b’tifkira tat-trabi li ma tweldux, organizzata minn Dar Ġużeppa Debono u l-Komunità Anawin fil-Festa tal-Arkanġli Mqaddsa fis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Għarb.











.