blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: December 2021

Tuesday, December 28, 2021

Four seeds we should sow in our families – Bishop Galea-Curmi - Erba’ xtieli li għandna nkabbru fil-familja

Four seeds we should sow in our families      Sunday, 26th December 2021

Homily during Holy Mass on the Feast of the Holy Family 


Erba' xtieli li għandna nkabbru fil-familja      Il-Ħadd, 26 ta' Diċembru 2021

Omelija waqt il-Quddiesa fil-Festa tal-Familja Mqaddsa


L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

F’liema żmien fl-istorja tal-umanità l-ħajja tal-familja kienet faċli? Naħseb li jekk immorru lura fl-istorja, nindunaw li qatt ma kienet faċli l-ħajja tal-familja. Anke meta llum niċċelebraw il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, nindunaw li l-ħajja tal-familja tagħhom ma kinitx faċli.

Familja li tgħallimna

Il-qari mill-Kelma ta’ Alla llum jagħtina idea ta’ dan, meta Ġesù baqa’ t-Tempju, u Marija u Ġużeppi marru jfittxuh. Imbagħad qalulu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? …konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” u hu jgħidilhom: “Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ missieri?” L-Evanġelju jgħid: “kliemu ma fehmuhx”. Kien hemm mumenti, anke fil-Familja Mqaddsa, meta ma setgħux jifhmu x’qed jiġri.

Mill-ftit li nafu fuq il-Familja Mqaddsa, nafu li kienet familja li għaddiet minn żmien diffiċli, rat ħafna ma’ wiċċha, ħafna tbatija: meta t-tifel Ġesù wasal biex jitwieled, ma kellux fejn jitwieled; kienu refuġjati għal xi żmien, mhux bid-dgħajsa imma aktarx bil-ħmara; għaddew minn żmien ta’ tbatija minn post għall-ieħor, u nistgħu nsemmu ħafna affarijiet, fejn nindunaw li l-ħajja ta’ din il-familja ma kinitx faċli.

Imma meta nħarsu lejha, u nirriflettu fuq il-ħajja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, nindunaw li  għandna ħafna għajnuna għall-ħajja tagħna ta’ kuljum. F’din il-familja naraw iż-żerriegħa li għandek tiżra’ fil-ħajja tal-familja, ix-xtieli li trid tkabbar fil-ħajja tal-familja, biex il-familja tista timxi ’l quddiem, qalb id-diffikultajiet u l-problemi tal-ħajja.

Nixtieq insemmi erba’ żerrigħat li rridu niżirgħu, xtieli li rridu nkabbru fil-ħajja tal-familja llum. Huma xtieli li ma taħbihomx mit-tfal, anzi tgħidilhom biex jgħożżuhom, biex jarawhom jikbru. Huma xtieli li jsaħħu u mhux jeqirdu l-ħajja tal-familja.

L-għożża tal-ħajja

L-ewwel nett l-għożża tal-ħajja. Meta nħarsu lejn Marija u Ġużeppi, narawhom dejjem jipproteġu l-ħajja sa mill-ewwel mument tagħha, jiġifieri qabel twieled Ġesù. Iħarsu l-ħajja tiegħu sa mit-tnissil tagħha. Anke f’mumenti oħra, kellhom jaħarbu minn post għal ieħor biex iħarsu l-ħajja ta’ binhom. U jinkwetaw meta ma jsibuhx, u jfittxuh sakemm isibuh, kif rajniehom fl-Evanġelju tal-lum, għax għalihom il-ħajja ta’ binhom kienet għażiża.

Dan hu messaġġ importanti għalina, għax l-għożża tal-ħajja trid tibda mill-ħajja tal-familja. Hemmhekk trid tinżera’ ż-żerriegħa u nkabbru x-xitla li tgħinna biex ngħożżu l-ħajja, u biex nagħżlu dak kollu li jsaħħaħ il-ħajja u nwarrbu dak kollu li jirrovina l-ħajja.

Il-fiduċja f’Alla

It-tieni xitla: il-fiduċja f’Alla. Kull meta naraw lil Marija u Ġużeppi, narawhom f’mumenti meta jridu jagħmlu din l-għażla: l-għażla biex jimxu skont dak li jrid minnhom Alla. Anke meta huma kellhom pjanijiet differenti, u kienu jaħsbuha differenti, fittxew dak li jrid Alla, u indunaw kemm kien ta’ ġid li mxew ma’ dak li Alla ried minnhom.

Għandna bżonn ħafna nisimgħu lil xulxin fil-ħajja tal-familja, li nisimgħu bis-serjetà, b’widnejn miftuħa u b’qalb miftuħa, li nagħtu attenzjoni lil xulxin u nsaħħu l-ambjent ta’ djalogu.

Naraw lil Ġużeppi ma jistax jifhem x’qed isir f’Marija, u Marija ma tistax tifhem kif se ssir Omm Ġesù, u kull darba ħarsu lejn dak li ried Alla u mxew miegħu. Hemm sabu l-forza u l-qawwa għal ħajjithom. Din hi żerriegħa importanti fil-ħajja tal-familja, biex tista’ tikber u tissaħħaħ il-fidi f’Alla, il-fiduċja fil-kelma tiegħu, li dejjem tħarisna u tmexxina.

Id-djalogu

It-tielet xitla: fil-familja ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi, naraw jinbena l-ambjent ta’ djalogu. L-ewwel ħaġa f’dan id-djalogu: li jisimgħu lil xulxin. Għandna l-eżempju sabiħ ta’ San Ġużepp, fejn fl-Evanġelju ma nsibux kelma li qal, imma dejjem insibuh jisma’. Hekk insibu wkoll lil Marija fil-bidu nett: tisma’. Huma żergħu ż-żerriegħa tas-smigħ fil-familja tagħhom; fil-fatt, meta lil Ġesù sabuh fit-tempju, l-Evanġelju jgħid li sabuh f’nofs l-għalliema “jismagħhom u jistaqsihom”. L-ewwel pass fid-djalogu hu li tisma’; imbagħad li titkellem bl-akbar sinċerità tal-qalb.

Għandna bżonn ħafna nisimgħu lil xulxin fil-ħajja tal-familja, li nisimgħu bis-serjetà, b’widnejn miftuħa u b’qalb miftuħa, li nagħtu attenzjoni lil xulxin u nsaħħu l-ambjent ta’ djalogu.

L-imħabba konkreta

Ir-raba’ xitla: l-imħabba, li hi r-ruħ ta’ din il-familja, u li tintwera fil-ħajja konkreta, fl-attenzjoni u fis-sensittività li juru lil xulxin. Tolqtok ħafna f’Marija u f’Ġużeppi kif dejjem jaħsbu f’xulxin u f’binhom. L-ewwel interess tagħhom mhuwiex x’jaqbel lilhom, l-interessi tagħhom personali, imma x’inhu l-aħjar għal xulxin.

Marija u Ġużeppi huma dawk li żergħu din iż-żerriegħa tal-imħabba, li turi ruħha b’mod konkret fil-ħajja tagħhom, u fil-fedeltà sħiħa tagħhom. Huma eżempju sabiħ ħafna għalina kif l-imħabba hi r-ruħ tal-familja – l-imħabba li turi ruħha fl-affarijiet iż-żgħar u ordinarji tal-ħajja ta’ kuljum.

Nixtieq nitlob lill-Familja Mqaddsa biex nieħdu l-eżempju tagħha u fil-familja dejjem niżirgħu ż-żerrigħat u nkabbru x-xtieli: tal-għożża tal-ħajja, tal-fiduċja f’Alla, tad-djalogu, u tal-imħabba li turi ruħha b’mod konkret. Huma dawn li għandna naħdmu biex niżirgħu fil-ħajja tal-familja. Lit-tfal ngħidulhom: ħarsu lejn dawn, indukrawhom, għożżu dawn il-valuri.  Dawn jgħinukom tassew biex timxu ’l quddiem u tikbru fil-ħajja tagħkom.

Nitolbu għall-familji tagħna kollha. Nitolbu wkoll illum għal dawk il-familji li għaddejjin minn żmien diffiċli, minn ħafna taħbit u diffikultajiet, biex fina jsibu dejjem appoġġ, solidarjetà u għajnuna, u qatt kliem li jweġġa’ u li iktar iniżżilhom ’l isfel flok jgħinhom jitilgħu ’l fuq qalb id-diffikultajiet tal-ħajja. Nitolbu biex il-Familja Mqaddsa tkompli tgħinna ħalli nieħdu l-eżempju tagħha u nsaħħu dejjem il-ħajja tal-familja, kif irid Alla minna llum.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju





.