MAY THE LOVE OF JESUS CHRIST, BE ALWAYS IN OUR HEART TO KEEP US HUMBLE, GRATEFUL, MERCIFUL, FORGIVING --- O GOD, BLESS ALL THAT IS COMING FROM YOU AND BREAK ALL THAT IS NOT COMING FROM YOU, AMEN --- This site is just a drop from the immeasurable ocean in JESUS, THE IMAGE OF THE INVISIBLE GOD, HOLY TRINITY ONE GOD - HE IS THE WAY, THE TRUTH, THE LIFE - TEACHER, HEALER, REDEEMER --- The main purpose of this site is to make an easier access to Catholic Religion-related links.
The inauguration and blessing of the first Via Lucis in Malta
Dawl għall-istorja tal-bniedem
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi fil-Quddiesa tal-inawgurazzjoni u t-tberik tal-Via Lucis
Il-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni, il-Ħamrun 2 ta' Diċembru 2018
Illum hi ġurnata speċjali u ta’ ferħ għal din il-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni fil-Ħamrun bl-inawgurazzjoni tal-Via Lucis. Imma hi wkoll okkażjoni ta’ ferħ għall-Knisja f’Malta. Filwaqt li l-knejjes tista’ tgħid kollha għandhom il-Via Crucis, l-istazzjonijiet li jsegwu l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, din hi l-ewwel knisja f’Malta li qed tinawgura l-Via Lucis – l-14-il stazzjon li jirrakkuntaw l-istorja ta’ Ġesù Kristu ħaj minn wara l-qawmien tiegħu sal-Għid il-Ħamsin.
Il-Via Lucis għandha storja riċenti. Kien 30 sena ilu, fl-1988, li fi ħdan il-grupp ‘Xhieda tal-Irxoxt’ (Testimoni del Risorto), imwaqqaf minn Padre Sabino Palumbieri, Salesjan, nibtet l-idea ta’ sensiela ta’ stazzjonijiet marbuta mhux mal-mewt ta’ Ġesù, bħalma hi l-Via Crucis, imma mal-qawmien tiegħu u l-ġrajjiet li seħħew wara. Riedu li jkun enfasizzat b’mod aqwa dak li hu pożittiv u ta’ tama fil-ġrajja ta’ Kristu. B’hekk dawk kollha li jemmnu ma jiqfux biss mat-tbatija tal-passjoni li għadda minnha Ġesù, imma jkomplu għaddejjin għall-glorja li fil-fatt tagħti s-sens lit-triq tas-Salib. Ġesù fdiena bil-passjoni u l-mewt imma wkoll bil-qawmien tiegħu.
Issejħet għalhekk it-triq tad-dawl, għax turi l-mixja li teħodna mis-salib għad-dawl. Hi mixja li tagħti dawl lil ħajjitna għax turina li aħna wkoll imsejħin biex mit-tbatija, li hi parti integrali mill-ħajja, ngħaddu għall-milja tal-ferħ u l-paċi fi Kristu.
Nixtieq nagħmel dawn it-tliet punti qosra marbuta ma’ din l-okkażjoni sabiħa tal-lum.
Id-dawl tal-ġnus hu Ġesù Kristu ħaj
Il-Konċilju Vatikan II jfakkarna li Ġesù Kristu hu d-dawl tal-ġnus. Il-Knisja m’hijiex hi d-dawl, hi msejħa biex tirrifletti dan id-dawl li ġej minnu. Hu Ġesù rebbieħ fuq il-mewt li jagħti t-tifsira vera lill-istorja tal-umanità. Il-mewt m’hijiex l-aħħar kelma, id-dnub li wassal għall-passjoni u l-qtil ta’ Ġesù m’huwiex l-aħħar kelma. Ġesù rebaħ il-mewt u d-dnub darba għal dejjem. Għalhekk nistgħu nqiegħdu l-fiduċja tagħna f’Ġesù Kristu li hu d-dawl tal-ġnus.
Minn Ġesù nirċievu d-dawl li neħtieġu f’ħajjitna
Aħna wlied id-dawl. Minn Ġesù nirċievu d-dawl li neħtieġu għal ħajjitna. Ir-rebħa ta’ Ġesù fuq il-mewt hi wkoll ir-rebħa tagħna. Meta bagħtilna l-Ispirtu tiegħu fina, tana l-aqwa rigal għal ħajjitna. L-Ispirtu jgħinna biex nagħrfu kif il-kelma ta’ Ġesù tkun dawl għal ħajjitna, kif tgħinna nimxu fit-triq it-tajba, it-triq rebbieħa.
Hu għalhekk li l-Papa Franġisku jkellimna fuq il-ferħ tal-Evanġelju u fuq kemm hu importanti li aħna jkollna l-ferħ u l-paċi f’qalbna li jagħtina Ġesù rebbieħ, u li jibqgħu fina wkoll fil-mumenti ibsin tal-ħajja. Nistgħu ngħixu bil-ferħ għax aħna wlied id-dawl.
Nitolbu lill-Mulej biex imexxina dejjem fit-triq tad-dawl.
Inkunu dawl għall-oħrajn fil-mixja tagħhom fil-ħajja
Aħna lkoll imsejħin biex inkunu dawl għall-oħrajn fil-mixja tagħhom fil-ħajja. Din hi s-sejħa lilna li aħna dixxipli ta’ Ġesù.
Ukoll f’ambjent li hu mdallam mill-ħażen, ftit dawl jagħmel id-differenza kollha. Hu d-dawl tat-tama li tant hu meħtieġ illum. Kultant jista’ jiġrilna li aħna stess nittieħdu mill-ambjent ta’ madwarna, inwasslu aħbarijiet ħżiena flok l-aħbar it-tajba, niffokaw fuq dak li hu negattiv flok dak li jagħti t-tama, inxerrdu l-isfiduċja u l-qtigħ ta’ qalb flok l-inkoraġġiment li jiġi mill-fidi tagħna fi Kristu ħaj. Kif jgħid Papa Franġisku, inġibu ruħna qisna nies mirbuħa jew telliefa.
Imma kif smajna fl-Evanġelju, f’sitwazzjoni ta’ biża’ u ta’ qtigħ il-qalb deskritta minn Ġesù, hu jgħidilna: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.” Ġesù ma jridniex mirbuħa imma rebbieħa.
Aħna msejħin biex inkunu dawl għall-oħrajn ħa nwassluhom għand Ġesù Kristu ħaj u rebbieħ, is-Salvatur tal-bnedmin kollha. Din hi l-enerġija pożittiva li għandha toħroġ minna li nemmnu fih.
It-triq tad-dawl
Nirringrazzja lil din il-parroċċa; lill-kappillan, is-saċerdoti, diversi lajċi li ħadmu biex il-parroċċa jkollha din l-inizjattiva sabiħa. Nixtieqha tkun eżempju għall-komunitajiet tagħna biex dejjem ngħinu lin-nies ħa niltaqgħu ma’ Ġesù Kristu Rxoxt, id-dawl tal-ġnus, u minnu nirċievu d-dawl għal ħajjitna ħalli nkunu nistgħu nwasslu dan id-dawl lill-oħrajn kull jum tal-ħajja tagħna.
Il-Via Lucis żviluppat
dan l-aħħar bħala tkomplija naturali tal-Via Crucis, u bħalha
fiha erbatax il-waqfa, li jitilqu mill-qabar vojt, l-ewwel xhieda tal-Għid,
sal-Pentekoste, l-aqwa frott tiegħu.
Il- Via Crucis, it-Triq
tas-salib, kienet devozzjoni popolari li kibret matul it-tieni millennju
tal-Kristjaneżmu. Kienet tintalab l-biċċa l-kbira nhar ta’ Ġimgħa matul l-Erbgħin
Jum tar-Randan, fil-jiem l-oħra tal-Ġimgħa Mqaddsa (mgħarufa bħala “L-Ġimgħa
l-Kbir” fost il-knejjes tal-Lvant) u fil-Ġimgħa l-Kbira. Fl-ewwl sekli
tal-Knisja, l-pellegrini kienu jagħmlu vjaġġ penitenzjali lejn Ġerusalemm biex
jimxu u jitolbu l-Istazzjonijiet tas-Salib, magħrufa bħala l- “via dolorosa”
(it-triq tan-niket). F’xi stazzjonijet tas-salib ta’ żmienna, żdied
il-ħmistax il-stazzjon biex ifakkar il-Qawmien tal-Mulej.
Il-Papa Ġwanni Pawlu II, li kien jgħożż
ħafna l-Via Crucis (It-Triq tas-Salib), li timxi wara l-Mulej
sal-mewt tiegħu fuq is-Salib, bħala eżerċizzju spiritwali ta’ kuljum, kien
ukoll ippropona l-Via Lucis (It-Triq tad-Dawl):
l-“Istazzjonijiet” tal-Qawmien.
Il- Via Lucis, it- “Triq
tad-Dawl”, magħrufa wkoll bħala l-Istazzjonijiet tal-Qawmien, kienu misjuba
fil-Katokombi ta’ San Kallistu f’Ruma. Il Via Lucis tixraq b’mod
partikulari għall-Ħadd il-Għid, għall jiem tal-ġimgħa fost l-Ottava tal-Għid
(mgħarufa bħala “Il-Ġimgħa Mdawwla” fost il-Knejjes tal-Lvant), u matul il-Ħamsin
Jum ta’ Żmien il-Għid.
Fil-ktieb Uffiċjali tat-talb, Pilgrims
Prayers, maħruġ mill-Vatikan għall-Ġublew tas-Sena 2000, flimkien mall- Via
Crucis tradizzjonali, kien jinkludi wkoll magħha l- Via Lucis.
Fuq il-mudell jixbaħ lill- Via Crucis u l-erba’ rakkonti tal-passjoni,
l- Via Lucis tirrifletti fuq ir-rakkontt tad-dehriet tal-Mulej
Irxoxt mill-Għid il-Kbir sal-Pentekoste.
Il-Via Lucis turi l-ferħ
tal-Għid: Kristu hu ċ-ċentru tal-ħajja tad-dinja. Permezz tal-eżerċizzju
devot tal-Via Lucis, il-fidili jfakkru l-ġrajja ewlenija tal-fidi
– l-Qawmien ta’ Kristu – u l-qagħda tagħhom ta’ dixxipli li fil-Magħmudija,
s-Sagrament tal-Għid, huma għaddew mid-dlamijiet tad-dnub għad-dawl
tal-grazzja. Matul il-Via Lucis Omm Ġesù tibqa’ tkun ħdejna
u tgħidilna “Għamlu dak li jgħidilkom hu”.
Il-Via Lucis hi prattika
essenzjali biex insiru nafu aħjar lill-Mulej u biex ngħixu l-fidi Nisranija
b’iktar qawwa, għaliex aħna x-xhieda għad-dinja tal-fatt tal-Qawmien ta’
Ġesù. Għalkemm, s’issa, fil-knejjes tagħna għad m’hemmx imwaħħlin
“Stazzjonijiet” tal-Via Lucis biex insegwu, m’hemm xejn li
jżommna milli noħolquhom.
Illum aktar minn qatt qabel jeħtieġ li
l-Għid il-Kbir ma jibqax iżjed festa biss tal-kalendarju iżda jsir l-istil ta’
ħajjitna.
L-Istazzjonijiet tal-Via Lucis
L-Ewwel Stazzjon
Ġesù Jqum Mill-Imwiet
Meta
għadda s-Sibt, maż-żerniq ta' l-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta' Magdala u
Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, nħasset theżhiża kbira ta’
l-art għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad
bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; lbiesu abjad
bħas-silġ. Bil-biża' tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom
mejtin. Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: "Tibżgħu xejn intom
għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. M'huwiex
hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U
morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa
sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom." (Mattew 28: 1- 7).
It-Tieni Stazzjon
Id-Dixxipli Jsibu il-Qabar Vojt
Kien
il-Ħadd, l-ewwel jum tal-ġimgħa, fil-għodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u
Marija ta' Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija
mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu
l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: "Qalgħu l-Mulej mill-qabar,
u ma nafux fejn qegħduh!" Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew
ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef
aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta'
l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun
Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur
li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed
għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn
il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma
fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. (Ġwann 20: 1 – 9).
It-Tielet Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jidher lil Marija Madalena
Iżda
Marija baqgħet 'il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet
lejn il-qabar, u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa
tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta'
Ġesù. Huma qalulha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki?" Hi
wieġbet: "Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh." Kif
qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien
Ġesù. Ġesù qalilha: "Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min
qiegħda tfittex?" Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu:
"Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu
lura." Ġesù sejjħilha: "Marjam!" Hi daret u qaltlu
bil-Lhudi: 'Rabbuni!' jiġifieri, Mgħallem. Ġesù qalilha: "La
tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u
għidilhom li se nitla' għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla
tagħkom." Marija ta' Magdala marret għand id-dixxipli u tathom
l-aħbar: "Rajt lill-Mulej", u li qalilha dan. (Ġwann
20: 11 – 18).
Ir-Raba' Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jidher lil Żewġ Dixxipli fit-Triq
lejn Emmaus
Dak
in-nhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi
sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kull ma kien
ġara. Huma u jitħaddtu u jistħarrġu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom
u baqa' miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux
jagħrfuh. U hu qalilhom: "X'intom tgħidu bejnietkom intom u
miexjin?" U huma waqfu, b'ħarsa ta' niket fuq wiċċhom. Imbagħad
wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: "Inti waħdek il-barrani
f'Ġerusalemm li ma tafx x'ġara hemmhekk f'dawn il-jiem?"
"X'ġara?" staqsiehom Ġesù. Qalulu: "Dak li ġara lil Ġesù
ta' Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u
quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh
f'idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna
konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox
ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa
tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx;
ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad
marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa,
imma lilu ma rawhx!" Qalilhom Ġesù: "Kemm intom boloh u tqal
biex temmnu kull ma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan
kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?" U beda minn Mosè u l-Profeti
kollha jfissrilhom kull ma kien hemm fl-Iskrittura fuqu. (Luqa
24: 13 – 27).
Il-Ħames Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jintgħaraf fil-Qsim tal-Ħobż
Meta
qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel ta' birruħu li hu kien se
jibqa' sejjer aktar 'il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa' magħhom u
qalulu: "Ibqa' magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex
jintemm." Mbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien
fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom.
Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom.
U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: "Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina
huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?" Dak il-ħin
stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom
miġbura flimkien, u dawn qalulhom: "Il-Mulej qam tassew, u deher lil
Xmun!" U huma wkoll tarrfulhom x'kien ġralhom fit-triq, u kif kienu
għarfuh fil-qsim tal-ħobż. (Luqa 24: 28 –
35).
Is-Sitt Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jidher lid-Dixxipli
Kif
kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f'nofshom u qalilhom: "Is-sliem
għalikom!" Huma twerwru bil-biża' għax ħasbu li qegħdin jaraw xi
fantażma. Iżda hu qalilhom: "Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan
it-tħassib kollu f'qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu!
Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin
taraw li għandi jien." Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u
riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux
jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: "Għandkom xi ħaġa ta' l-ikel hawn?"
Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom. (Luqa 24: 36 – 43).
Is-Seba' Stazzjon
Il-Mulej Jagħti s-Setgħa li Jinħafru d-Dnubiet
Dak
in-nhar fil-għaxija, l-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien
imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f'nofshom; u
qalilhom: "Is-sliem għalikom!" Kif qal hekk, uriehom idejh u
ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. imbagħad Ġesù
tenna jgħidilhom: "Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili,
hekk jien nibgħat lilkom." Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom:
"Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu
maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma." (Ġwann
20: 19 – 23).
It-Tmien Stazzjon
Il-Mulej Iwettaq il-Fidi ta' Tumas
Tumas,
wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù.
Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: "Rajna l-Mulej." Iżda hu
qalilhom: "Jekk ma narax f'idejh il-marka ta' l-imsiemer u ma nqigħedx
sebgħi fuq il-marka ta' l-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma
nemminx." Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas
magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f'nofshom, u
qalilhom: "Is-sliem għalikom!" Imbagħad qal lil Tumas:
"Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx
bniedem bla fidi, iżda emmen." Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej
tiegħi u Alla tiegħi!" Qallu Ġesù: "Emmint għax rajtni!
Henjin dawk li ma rawx u emmnu."
(Ġwann 20: 24 – 29).
Id-Disa' Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jiltaqa’ mad-Dixxipli fuq ix-xatt
tal-Għadira ta’ Tiberia
Wara
dan, Ġesù raġa' deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta' Tiberija. Dehrilhom
hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana
tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u
Xmun Pietru qalilhom: "Sejjer nistad." Qalulu: "Ħa niġu
miegħek aħna wkoll." Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu
xejn. Fil-għodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma
kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: "Għandkom x'tieklu,
ħbieb?" "Le," weġbuh. Qalilhom: "Waddbu x-xibka
n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu." Dawk waddbu x-xibka, u
mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb
Ġesù qal lil Pietru: "Il-Mulej dan!" Għalhekk Xmun Pietru, kif
sama' li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta' fuq, għax kien għoddu għeri, u
ntafa' l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq
mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom
ix-xibka bil-ħut. Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad,
bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: "Ġibu mill-ħutiet
qbadtu issa." Xmun Pietru tela' fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka
mimlija b'mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka
ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: "Ejjew, kulu." Imma ħadd
mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, 'Int min int?', għax kienu jafu li kien
il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilulhom; u hekk ukoll għamel
bil-ħut. (Ġwann 21: 1 – 13).
L-Għaxar Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jgħati l-Primat lil Pietru
Wara
li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni int
aktar minn dawn?" "Iva, Mulej," wieġbu, "int taf li
nħobbok." Qallu: "Irgħa l-ħrief tiegħi." Staqsieh
għat-tieni darba: "Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?" "Iva,
Mulej," wieġbu, "int taf li nħobbok." Qallu: "Irgħa
n-nagħaġ tiegħi." Għat-tielet darba staqsieh: "Xmun bin Ġwanni,
tħobbni?" Pietru ħass għafsa ta' qalb għax staqsieh għat-tielet
darba, 'Tħobbni?', u qallu: "Mulej, int taf kollox, inti taf li
nħobbok." Qallu Ġesù: "Irgħa n-nagħaġ tiegħi. (Ġwann 21: 15 – 17).
Il-ħdax-il
dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom
Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù
resaq ikellimhom u qalilhom: "Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u
fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom
fl-isem tal-Missieru ta' l-Iben u ta' l-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu
dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar
taż-żmien." (Mattew 28: 16 – 20).
It-Tnax il-Stazzjon
Il-Mulej Irxuxtat Jitla’ għand il-Missier
Kif
kienu flimkien staqsewh: "Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa'
twaqqaf is-Saltna ta' Iżrael?" Hu weġibhom: "M'hix biċċa
tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma
meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi
f'Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art." Wara
li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud 'il fuq, u sħaba ħadithulhom minn
quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b'għajnejhom fis-sema jħarsu lejh
sejjer, f'daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalulhom:
"Irġiel tal-Galilija, x'intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien
meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa' jiġi kif rajtuh sejjer." (Atti 1: 6 – 11).
It-Tlettax
il-Stazzjon
L-Istennija tal-Ispirtu s-Santu ma’ Marija, Omm
Ġesù
Imbagħad
reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejjħa taż-Żebbuġ, li hi 'l bogħod
mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. Xħin daħlu l-belt, telgħu
fil-kamra ta' fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma kienu: Pietru u Ġwanni,
Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun
jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu. U lkoll qalb waħda kienu
jitolbu flimkien ma' xi nisa u ma' Marija, omm Ġesù, u ma' ħutu. (Ati 1: 12 – 14).
Meta
wasal jum il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f'post wieħed. F'daqqa
waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta' riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu
qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull
wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b'ilsna
oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu. F'Ġerusalemm
kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama' dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, lkoll imħawwdin għax
kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: Miblugħin
u mistagħġbin, bdew jgħidu: "Dawn li qegħdin jitkellmu m'humiex ilkoll
mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi
lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja,
mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja,
mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċirene, nies li ġew
minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll
qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta' Alla!"
U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: "Dan xi
jkun?" Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: "Dawn xorbu l-inbid
ġdid!" (Atti 2: 1 – 13).
=========================
=========================
Fil-Via Lucis nfakkru l-ġrajja ewlenija
tal-fidi
Il-paragrafu
153 tad-Direttorju ta’ Devozzjoni Popolari u l-Liturġija(2001)
jgħid: “Eżerċizzju devot imsejjaħ Via Lucis żviluppa u xtered
f’ħafna naħiet f’dawn l-aħħar snin. Fuq il-mudell tal- Via Crucis,
il-fidili jimxu filwaqt li jimmeditaw fuq id-dehriet varji ta’ Ġesù –
mill-Qawmien sal-Axxensjoni. Fiha Ġesù wera l-glorja tiegħu lid-dixxipli
li kienu jistennew il-miġja ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Ġw. 14, 26; 16,13-15;
Lq. 24, 49) qawwa l-fidi tagħhom, wassal għat-tmiem it-tagħlim tiegħu fuq
is-Saltna u ddefinixxa aħjar l-istruttura sagramentali u ġerarkika tal-Knisja.
Permezz
tal-Via Lucis, il-fidili jfakkru l-ġrajja ewlenija tal-fidi, – l-qawmien
ta’ Kristu – u d-dixxipulat tagħhom bis-saħħa tal-Magħmudija, s-sagrament
tal-Għid li bih huma għaddew mid-dlam tad-dnub għad-dija qawwija tad-dawl
tal-grazzja (ara Kol. 1, 13; Ef. 5, 8).
Għal
sekli sħaħ il-Via Crucis daħħal lill-fidili fl-ewwel mumenti tal-ġrajja
tal-Għid, jiġifieri l-Passjoni, u għen biex stampa l-aspetti l-iktar importanti
tagħha fl-għarfien tagħhom. Bl-istess xebħ, il-Via Lucis, meta
tkun iċċelebrata bil-fedeltà għat-test tal-Evanġelju, tista’ twassal lill-fidili
b’mod effettiv biex jifhmu b’mod ħaj it-tieni mument tal-ġrajja tal-Għid,
jiġifieri l-Qawmien tal-Mulej.
Il-Via
Lucis tista’ tkun mod mill-aqwa għat-tagħlim tal-fidi, ladarba “per
crucem ad lucem” (bis-salib naslu għad-dawl). Bil-metafora tal-vjaġġ,
il-Via Lucis tersaq mill-esperjenza tat-tbatija, li fil-pjan ta’ Alla hi
parti mill-ħajja, għat-tama li tasal għall-iskop veru tal-bniedem: il-ħelsien,
il-ferħ u s-sliem li huma valuri essenzjalment tal-Għid.
Il-Via
Lucis tista’ tkun tqanqila għar-restawr tal-“kultura tal-ħajja” li hi
miftuħa għat-tama u ċ-ċertezza li tgħati l-fidi, f’soċjetà sikwit
karatterizzata minn “kultura tal-mewt”, disperazzjoni u nikiliżmu”.
THE RESURRECTION OF CHRIST - Spiritual Consolation of the Soul Be taught by the Venerable Thomas A Kempis, the author of the Imitation of Christ on how to celebrate the Resurrection of Our Lord as one should with devotion and exaltation. The Imitation of Christ by Thomas A Kempis is the largest read devotional book in the world next to the bible, and no book has been translated into more languages.