blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: 19th Dec -- Lk 1:5-25 -- The Birth of John the Baptist Foretold - It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista

Friday, December 21, 2012

19th Dec -- Lk 1:5-25 -- The Birth of John the Baptist Foretold - It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista

.
It-taħbira tat-twelid ta' Ġwanni l-Battista

[Lq:1:5] Fi żmien Erodi, sultan tal-Lhudija, kien hemm qassis jismu Żakkarija, mit-taqsima ta' Abija; martu, li kien jisimha Eliżabetta, kienet minn ulied Aron. [Lq:1:6] It-tnejn kienu nies ġusti quddiem Alla u jimxu bla nuqqas ta' xejn skond il-preċetti u l-kmandamenti kollha tal-Mulej. [Lq:1:7] Ulied ma kellhomx, għax Eliżabetta ma setax ikollha, u t-tnejn kienu mdaħħlin fiż-żmien.
[Lq:1:8] Mela ġara li Żakkarija kien qiegħed jaqdi dmiru ta' qassis quddiem Alla, għax kien imissha t-taqsima tiegħu, [Lq:1:9] u, skond id-drawwa tal-liturġija, ntgħażel hu bix-xorti biex jidħol ġewwa fis-santwarju tal-Mulej ħalli jaħraq l-inċens.[Lq:1:10] Waqt ir-rit ta' l-inċens, il-kotra kollha tal-poplu kienet qiegħda titlob barra.
[Lq:1:11] U deherlu anġlu tal-Mulej, wieqaf in-naħa tal-lemin ta' l-altar ta' l-inċens. [Lq:1:12] Żakkarija, malli rah, tħawwad u waqa' biża' fuqu. [Lq:1:13] Imma l-anġlu qallu: "Tibżax, Żakkarija, għax it-talba tiegħek instemgħet: martek Eliżabetta se tagħtik iben, u inti ssemmih Ġwanni. [Lq:1:14] Din tkun għalik ħaġa li tqanqlek bil-ferħ u thennik ħafna, u jkun hemm bosta li jifirħu bit-twelid tat-tifel. [Lq:1:15] Għax hu jkun kbir quddiem il-Mulej; ma jkun jixrob ebda inbid jew xorb qawwi, u jimtela bi spirtu qaddis sa minn ġuf ommu. [Lq:1:16] Huwa jreġġa' lil ħafna minn ulied Iżrael lejn il-Mulej Alla tagħhom, [Lq:1:17] u hu ġej qabel il-Mulej, mimli bl-ispirtu u l-qawwa ta' Elija, biex iraġġa' l-qlub  tal-missirijiet lejn uliedhom, u lil dawk li ma jridux jobdu jreġġagħhom għall-għaqal tal-ġusti, ħalli jlesti poplu mħejji sewwa  għall-Mulej." [Lq:1:18] Imma Żakkarija qal lill-anġlu: "Kif inkun żgur minn dan? Għax jiena raġel xiħ, u marti mdaħħla fiż-żmien!" [Lq:1:19] Wieġeb l-anġlu u qallu: "Jiena Gabrijel, li qiegħed quddiem Alla. Hu bagħatni nkellmek u nwassallek din il-bxara t-tajba. [Lq:1:20] U issa, talli int ma emmintx kliemi, li għad iseħħ meta jasal il-waqt, ara, int tibqa' mbikkem u ma tkunx tista' titkellem sa dak in-nhar li jiġri kull ma ħabbartlek."  
[Lq:1:21] Sadattant il-poplu kien qiegħed jistenna lil Żakkarija, u kulħadd stagħġeb bid-dewmien tiegħu fis-santwarju [Lq:1:22] Meta mbagħad ħareġ, ma setax ikellimhom, u ntebħu li kellu xi dehra fis-santwarju. Beda jfehemhom bis-sinjali, u baqa' mbikkem. [Lq:1:23] Wara li mbagħad għalaqlu ż-żmien tas-servizz tiegħu, raġa' lura lejn id-dar.
[Lq:1:24] Xi żmien wara, martu Eliżabetta nisslet fil-ġuf, u għal ħames xhur sħaħ fittxet li tinħeba min-nies, għax bdiet tgħid: [Lq:1:25] "Hekk għamel miegħi l-Mulej, li għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb li kelli quddiem in-nies!"




.