Għandi ħafna u m'għandi xejn!
Għandi dar, ingawdiha iva,
Imma l-bqija għal ta' warajja!
Għandi karozza, nuzaha iva,
Imma diġa għamlitu zmienha!
Għandi flus
Biex nixtri l-bżonnijiet
U nħallas il-kontijiet.
Mil-bqija,u jekk jirnexxieli nfaddal xi ħaġa
Jibqgħu hemm għal li jista' jinqala'.
U jekk ma jinqala' xejn
Imur kollox għal ta' warajja!
Allura x'għandi tiegħi ?
S'issa,
Għandi n-nifs
Li bil-ħila tiegħu qed ngħix.
Għandi l-moħħ
Li bih nasal biex nifhem.
Għandi d-dawl t'għajnejja
Li bih nista' nara s-sbuħija ta' madwari.
Għandi l-qalb li s'issa għada tħabbat
U tiflaħ tferra l-imħabba f'idejn battala.
Għandi esperjenzi
Li nista' naqsam miegħek.
Għandi s-swaba f'idi
Li bihom qed nittajpja dan il-ħsieb.
U meta dawn ukoll jispiċċaw
Tibqa' biss il-kitba, għal ta' warajja!
Allura x'għandi tiegħi fiż-żgur?
Għandi ħini f'idi,
Għalhekk nipprova nużah sew.
Fuq kollox,
Ċerta li għandi ruħ
Għalhekk kemm jista' jkun
Nipprova li ngħix sew.
Għax dak li jiena nemmen fiH
Irrid inkompli ngawdiH
Lilu għandi fiż-żgur
Ma jinsini qatt
Ma jwarrabni qatt
Ma jitmermer qatt
U ma jispiċċa qatt!
Anzi, aktar ma nsir midħla tiegħu
Aktar nara jitkattar l-kobor tiegħu
Allura ngħożżu u nżommu kuljum viċin qalbi
Għax Hu biss ser jibqa' tiegħi għal dejjem.
Mill-bqija ser jibqa' kollox għal ta' warajja !
Silvana Cardona 28.05.2012