http://www.stgeorge.org.mt/bullettin_deluxe.asp?TD=24-Aug-2008
Il-Kelma ta’ l-Arċipriet
Min hu Kristu Ġesù
Minn meta Ġesù kien imħabbar bħala l-Messija bdiet fażi ġdida tax-xandir tal-kelma. Ġesù kien jippriedka u jwettaq għemilu b’mod partikulari fil-Galilija. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu (cfr Mk 1,22), għalkemm oħrajn kienu mtlew bil-korla kontra tiegħu għaliex kienu jistennew tip ta’ Messija differenti.
Fil-waqt li għall-bidu bdew jingħadu ċerti espressjonijiet:“Ħadd ma jista’ jagħmel is-sinjali li tagħmel int... Profeta kbir qam fostna… (cfr Lq 7,16), id-diskors tiegħu kien ta’ wieħed li għandu s-setgħa...”(Lq 4,32), bdew isiru wkoll xi mistoqsijiet: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?” (Lq 4,41) X’uħud kienu jaħsbu ħażin fih: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten (Mk 3,22). Għandu fih spirtu ħażin... (Mk 3,30) qalu li tilef moħħu (Mk 3,21). Uħudħallewh waħdu. Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu? (Ġw 6,60). Iżda dawk li baqgħu miegħu stqarrew il-fidi tagħhom fih kif għamel Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla.” (Ġw 6,68-69) Pietru għaraf f’Ġesù il-Messija u l-Iben ta’ Alla, uĠesù saħħaħ l-istqarrija ta’ Pietru: “Ħieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet” (Mt 16,17). B’dan il-mod Ġesù jirrifjuta l-idea ta’messija li kellhom il-fariżej u s-saduċċej, u ppurifika dik tad-dixxipli tiegħu sabiex igħarrafhom li il-veru Messija kellu jgħaddi mit-tbatija tas-salib, kundizzjoni neċessarja biex jasal għall-glorja tal-qawmien mill-imwiet.
Allura, għaliex hu tant importanti għalina li 2000 sena ilu, qrib ix-xmara Ġordan, Pietru qal: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”? (Mt 16,16). Il-bniedem tallum għadu jrid ikun jaf min hu Ġesù?. Il-mistoqsija tiegħu: “Imma intom min tgħidu li jien?” (Mt 16,15) għada tinħass fi zmienna u tolqotna personalment? “Intom min tgħidu li jien?” Dak kollu li għarafna fil-persuna ta’ Ġesù u l-missjoni tiegħu jagħtina l-qawwa li nistqarru bħal Pietru: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”? (Mt 16,16). Aktar ma nidħlu fil-fond u nagħrfu lil Kristu mill-qrib, aktar nittendu kemm għandna nafuh aktar. Uħud jaraw fih biss bniedem fost il-bnedmin, ma humiex kapaċi li jagħrfu fih l-Iben ta’ Alla. Lil kull min jemmen fih Kristu jagħti l-qawwa li jkollu l-ħajja ta’dejjem (cfr Ġw 1,12).
Kristu Ġesù qed jistedinna biex nagħmlu parti aħna wkoll mill-grupp tad-dixxipli tiegħu li segwewh sa Ġerusalemm, sa fuq is-salib, sabiex miegħu ikollna l-ħajja ta’ dejjem.
Il-Mulej iberikkom.