SAVING MARRIAGE --- LET US GIVE IMPORTANCE TO OFF-DUTY, PERSONAL, QUALITY TIME, TOGETHER --- EVEN SWITCHING OFF MOBILES, COMPUTERS, TELEVISIONS...BECAUSE ALL OF US LOVE TO BE APPRECIATED...GOD TREATS ALL HUMANS WITH DIGNITY, PATIENCE, MERCY, FORGIVENESS............
http://www.cakmalta.org/jumilmulej/katekezi_familja/kat15.htm
Mend it – don’t end it
Min minna qatt ma kellu xi jgħid fiż-żwieġ? Min minna qatt ma staqsa lilu nnifsu: ‘Imma jien x’jien nagħmel hawn?’ Min minna qatt ma għaddielu l-ħsieb minn ġo moħħu li jippakkja u jitlaq? Imma billi aħna nemmnu li l-familja titwieled minn iva reċiproka, responsabbli u definittiva ta’ raġel u mara, wieħed jirbaħ u jwarrab dan il-ħsieb ħażin u jkompli jiddedika ħajtu għall-familja tiegħu.
Dan is-slogan, mend it-don’t end it, ħareġ bih l-imħallef Ingliż, Sir Paul Coleridge, u mill-ewwel laqatni. L-imħallef li għandu esperjenza wiesgħa fil-qasam tal-familja, l-ewwel bħala avukat u issa bħala imħallef, kien qed jitkellem fuq id-diffikultajiet li jgħaddu minnhom il-koppja u l-ulied meta jsofru t-tkissir taż-żwieġ.
Faċli fir-rabja xi ħadd jgħid, ‘daqshekk’, ‘xbajt’, ‘ma niflaħx iżjed.’ Faċli tkisser, faċli tħott, iżda biex tibni u tkompli miexi trid ħafna paċenzja u sabar kif ukoll ħafna għaqal u sens komun. Is-suġġeriment tal-imħallef huwa sempliċi iżda impenjattiv, tkissrux iż-żwieġ, iġġibux fix-xejn, taqtax qalbek. Kompli aħdem għalih, ara kif tista’ ssewwih, ara kif tista’ tirranġah. Agħraf li aħjar miżżewweġ milli separat jew iddivorzjat. Hu jgħid li, ‘breakdown in families is as destructive as effects of global warming.’
Coleridge jgħid li t-tisħiħ taż-żwieġ jiddependi l-aktar: a. mill-għażliet personali li wieħed jagħmel. b. mill-imġiba u l-aġir tal-persuna; u ċ. mill-kultura u l-arja li fiha qed ngħixu.
Għalhekk, kull miżżewweġ jagħmel tajjeb meta jistaqsi lilu nnifsu:
a. L-għażliet tiegħi u d-deċiżjonijiet tiegħi ta’ kuljum, juru tassew li jien għandi l-familja għal qalbi?
b. L-imġiba u l-aġir tiegħi, juru li jien tassew miżżewweġ? Waħda mir-raġunijiet għaliex nilbsu ċ-ċurkett tat-tieġ f’subgħajna huwa sewwasew biex dejjem ifakkarna li aħna miżżewġin.
ċ. Jien qed inkun immexxi mill-kultura u l-arja ta’ madwarna jew aktar mill-prinċipji li nemmen fihom? Jekk qed inkun immexxi iżjed mill-kultura għaliex qed narmi l-prinċipji li trawwimt fihom?
Naħseb li l-punti li jqajjem Sir Paul huma relevanti ħafna għalina biex inkomplu nħarsu ż-żwieġ u l-familja. Hija ħasra li llum il-ġurnata, ngħidu aħna, il-kelma maħfra fiż-żwieġ ma għadhiex daqshekk moda, donnha qed tgħib mill-vokabolarju tagħna. Il-maħfra hija għażla. Il-maħfra hija deċiżjoni u determinazzjoni li nkompli nemmen fiż-żwieġ u fil-kelma li tajt. Il-maħfra llum forsi tidher bluha iżda hija maturità Nisranija kbira li tqawwik biex tkompli taħdem għaż-żwieġ. Il-maħfra hija grazzja li wieħed jgħix bil-qawwa ta’ Alla. Huwa veru li m’intix sa tinsa l-weġgħa tal-imgħoddi iżda huwa daqstant ieħor veru li tista’ taħdem ukoll fuq il-memorja tiegħek u tħalli lil Alla jdewwi l-feriti tal-imgħoddi u tibqa’ miexi ’l quddiem.
.
Dun Joe Mizzi