blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: Jn 5:31-47 -- Testimonies About Jesus - Xhieda għal Ġesù

Wednesday, April 02, 2014

Jn 5:31-47 -- Testimonies About Jesus - Xhieda għal Ġesù




Xhieda għal Ġesù
[Ġw:5:31] Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha. [Ġw:5:32] Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li  x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha. [Ġw:5:33] Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. [Ġw:5:34] Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta' bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan  għas-salvazzjoni tagħkom. [Ġw:5:35] Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. [Ġw:5:36] Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta' Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni. [Ġw:5:37] U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta' wiċċu; [Ġw:5:38] u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m'intomx temmnu lil dak li huwa bagħat. [Ġw:5:39] Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta' dejjem; din tagħti xhieda għalija; [Ġw:5:40] u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja.
[Ġw:5:41] "Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin, [Ġw:5:42] imma jiena lilkom nafkom, naf li  l-imħabba ta' Alla ma tinsabx fikom. [Ġw:5:43] Jien ġejt f'isem Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f'ismu stess, intom tilqgħuh. [Ġw:5:44] Imma kif jista' jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu? [Ġw:5:45] Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom. [Ġw:5:46] Għax kieku kontu temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. [Ġw:5:47] Imma jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?"