blank'/> SHARING THE REAL TRUTH: Mk 4:1-20 -- The Parable of the Sower - Il-parabbola taż-żerriegħ

Tuesday, January 29, 2013

Mk 4:1-20 -- The Parable of the Sower - Il-parabbola taż-żerriegħ


http://www.youtube.com/watch?v=rpLAac-9DO8
4. Il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13, 1-9 ; Lq 8, 4-8)
[Mk:4:1] Raġa' beda jgħallem ħdejn il-baħar, u nġabret madwaru kotra kbira, hekk li kellu jitla' bilqiegħda f'dgħajsa fuq il-baħar, u n-nies kollha l-art matul ix-xatt. [Mk:4:2] U qagħad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ bil-parabboli, u fit-tagħlim tiegħu qalilhom:
 [Mk:4:3] "Isimgħu. Darba kien hemm bidwi u ħareġ jiżra'. [Mk:4:4] Ġara li hu u jiżra', xi żerrigħat waqgħu fil-mogħdija; ġew l-għasafar u naqqruhom kollha. [Mk:4:5] Oħrajn waqgħu f'art kollha blat fejn ma kienx hemm wisq ħamrija, u malajr nibtu, għax il-ħamrija ma kinitx fonda; [Mk:4:6] meta mbagħad telgħet ix-xemx, nħarqu u nixfu, billi ma kellhomx għeruq. [Mk:4:7] Oħrajn waqgħu qalb ix-xewk u x-xewk kiber u ħanaqhom, u frott ma għamlux. [Mk:4:8] Oħrajn waqgħu f'art tajba, u għamlu l-frott; u l-frott kiber u tkattar, u min għamel tletin, min sittin, u min mija." [Mk:4:9] U qal: "Min għandu widnejn biex jisma', ħa jisma'!"
L-għala Ġesù tkellem bil-parabboli
(Mt 13,10-15, Lq 8, 9-10)
[Mk:4:10] Meta kien waħdu, dawk ta' madwaru flimkien mat-Tnax resqu jitolbuh ifissrilhom il-parabboli. [Mk:4:11] U hu qalilhom: "Lilkom ingħata l-misteru tas-Saltna ta' Alla, imma l-oħrajn, li huma barra, ikollhom kollox bil-parabboli, [Mk:4:12] ħalli 'jħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux, li ma jibdlux ħajjithom u jaqilgħu l-maħfra'."
Ġesù jfisser il-parabbola taż-żerriegħ
(Mt 13, 18-23 ; Lq 8, 11-15)
[Mk:4:13] "Din il-parabbola m'intomx tifhmuha?" qalilhom."Mela kif se tifhmu l-parabboli l-oħra kollha? [Mk:4:14] Dak li l-bidwi jiżra' hija  l-kelma. [Mk:4:15] Dawk ta' matul il-mogħdija, fejn inżergħet il-kelma, huma dawk li malli jisimgħuha, jersaq ix-Xitan u jaħtfilhom il-kelma li nżergħet f'qalbhom. [Mk:4:16] Dawk li jinżergħu f'art kollha blat huma dawk li meta jisimgħu l-kelma, minnufih jilqgħuha bil-ferħ, [Mk:4:17] imma għeruq ma jkollhomx, u għalhekk ftit idumu; meta mbagħad jiġi fuqhom l-għawġ, jew isibu min iħabbathom minħabba l-kelma, malajr jitfixklu. [Mk:4:18] L-oħrajn li jinżergħu qalb ix-xewk huma dawk li jisimgħu l-kelma, [Mk:4:19] iżda l-inkwiet żejjed għall-ħwejjeġ tad-dinja, ir-rabta mal-ġid ta' l-art, u l-ġibda għal ħwejjeġ oħra, jidħlu fihom u joħonqulhom il-kelma, li għalhekk ma tagħmilx frott. [Mk:4:20] Dawk imbagħad li jinżergħu f'art tajba huma dawk li jisimgħu l-kelma, jilqgħuha, u jagħmlu l-frott, min tletin, min sittin u min mija."