************************************
DOWNLOAD --- ID-DJARJU TA' SANTA FAWSTINA
************************************
IL-ĦNIENA DIVINA ĠEWWA RUĦI
INTRODUZZJONI
1. Santa Marija Fawstina Kowalska, magħrufa llum fid-dinja kollha bħala ‘l-Appostlu tal-Ħniena Divina’, hija meqjusa mit-teoloġi bħala waħda mill-mistiċi kbar tal-Knisja.
Hija kienet it-tielet wild minn għaxra mweldin ġo familja kampanjola, fqira u reliġjuża fi Glogowiec, raħal fil-qalba tal-Polonja. Fawstina ġiet mgħammda fil-Knisja parrokkjali qrib Swinice, Warckie, u ngħatat l-isem ta’ Helena. Sa minn tfulitha fiha spikkaw it-tjubija, l-imħabba għat-talb, il-bżulija u l-ubbidjenza; kif ukoll is-sensitivita’ kbira li hi kellha għall-miżerja umana. Bilkemm laħqet għamlet tliet snin ta’ skola, għax fl-eta’ ta’ erbatax-il sena telqet mid-dar sabiex tgħin lill-ġenituri tagħha u taqla’ l-għejxien tagħha bħala qaddejja fil-bliet ta’ Aleksandrow u Lodz li jinsabu fil-qrib.
Meta kellha biss seba’ snin (sentejn qabel l-ewwel Tqarbina tagħha) Helena kienet diġa’ qiegħda tħoss ġewwa ruħha s-sejħa għall-ħajja reliġjuża. Meta iktar tard qalet lill-ġenituri tagħha b’din ix-xewqa, bil-qawwa kollha huma ma ridux iħalluha tingħalaq f’kunvent. Minħabba din is-sitwazzjoni, Helena għamlet li setgħet biex twarrab din is-sejħa divina. Imma wara dehra ta’ Kristu jbati, Hu ċanfarha b’dal kliem: Kemm ser indum nissaportik u kemm ser iddum tgħidli le? (Djarju, 9) u bdiet tfittex kunvent fejn setgħet tidħol. Ħabbtet ħafna bibien ta’ kunventi, imma ħadd ma laqgħaha. Fl-aħħar nhar l-1 ta’ Awwissu 1925, Helena daħlet fil-kunvent tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena fi Triq Zytnia ġo Varsavja. Fid-Djarju tagħha, hija kitbet: “Deherli li kont dħalt fil-ħajja tal-Ġenna. Kien hemm talba waħda ħierġa bil-qawwa kollha minn qalbi, talba ta’ radd il-ħajr.” (Djarju, 17)
Madanakollu, wara ftit ġimgħat kellha tentazzjoni kbira li tmur f’kongregazzjoni oħra fejn ikollhom iktar ħin għat-talb. Kien f’dan il-waqt li l-Mulej Ġesu’ wrieha wiċċu midrub mimli tbatija u qalilha: Ser tkun int li tikkaġunali dan l-uġiegħ jekk inti tħalli dan il-kunvent. Jiena għal hawn sejjaħtlek u għal imkien iżjed; u Jiena ħejjejt ħafna grazzji għalik. (Djarju, 19)
Meta daħlet fil-Kongregazzjoni, Helena irċeviet l-isem ta’ Swor Fawstina. Hija għamlet in-novizzjat tagħha fi Krakovja, u hemmhekk fil-preżenza tal-Isqof Stanislaus Rospond, ħadet l-ewwel voti reliġjużi tagħha. Ħames snin wara għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tal-kastita’, faqar u ubbidjenza. Għalkemm ingħatat xogħol f’xi wħud mid-djar tal-Kongregazzjoni tagħha, għaddiet żmien itwal fid-djar ta’ Krakovja, Plock u Vilnius, fejn wettqet id-dmirijiet ta’ koka, ġardinara u purtinara.
Minn barra ma kien hemm xejn x’juri l-ħajja mistika tagħha tal-għaġeb u mimlija għana. Hija kienet twettaq id-dmirijiet tagħha b’ħeġġa kbira, kienet tosserva bil-fedelta’ r-regoli kollha tal-ħajja reliġjuża, kienet iżżomm il-ġabra u s-skiet, fil-waqt li l-ħin kollu kienet iġġib ruħha b’mod naturali, dejjem burdata tajba, ta’ qalbha tajba u mimlija mħabba li ma tfittixx li hu tagħha mal-proxxmu.
Ħajjitha kollha kienet mibnija fuq sforz kontinwu għal għaqda dejjem iktar sħiħa ma’ Alla waqt li tikkopera ma’ Ġesu’ b’għadd ta’ sagrifiċċji fil-ħidma tas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hija stqarret fid-Djarju tagħha, ‘Ġesu’ tiegħi, Inti taf li, sa minn ċkuniti, jiena ridt insir qaddisa kbira, jiġifieri, jiena ridt inħobbok bi mħabba hekk kbira li ma jkun hemm ħadd iżjed li jkun ħabbek daqshekk s’issa.’ (Djarju, 1372)
Huwa d-Djarju tagħha li jikxfilna l-profondita’ tal-ħajja spiritwali tagħha. Jekk naqraw dawn il-pitazzi b’attenzjoni, ikollna stampa tal-għola grad tal-għaqda tar-ruħ tagħha ma’ Alla: kemm Alla fittex li jżomm kumpanija lir-ruħ tagħha, kif ukoll l-isforzi u t-taqbid tagħha fit-triq lejn il-perfezzjoni nisranija. Il-Mulej taha grazzji kbar: id-don tal-kontemplazzjoni, b’għerf profond tal-misteru tal-ħniena ta’ Alla; dehriet; rivelazzjonijiet; il-pjagi moħbijin; id-don tal-profezija u li taqra l-erwieħ, kif ukoll id-don mhux komuni taż-żwieġ mistiku. Għalkemm kellha din l-abbundanza ta’ doni, kitbet hekk: ‘La grazzji, la rivelazzjonijiet, la estażi, lanqas id-doni mogħtija lir-ruħ ma jagħmulha perfetta, imma aktar il-għaqda intima tar-ruħ ma’ Alla ... Il-qdusija u l-perfezzjoni tiegħi huma bbażati fuq l-għaqda intima tar-rieda tiegħi mar-rieda ta’ Alla.’ (Djarju, 1107)
L-istil awster ta’ ħajjitha flimkien mas-sawm li kien jgħejjiha, li hi kienet ħadet fuqha nnifisha wkoll qabel ma ngħaqdet mal-Kongregazzjoni, tant neħħewlha s-saħħa minn ġisimha li meta kienet għadha postulanta kien meħtieġ li jibgħatuha Skolimow qrib Varsavja sabiex tkun tista’ terġa’ tieħu saħħitha. Qrib it-tmiem tal-ewwel sena tan-novizzjat tagħha, kellha esperjenzi mistiċi li ġabulha uġigħ mhux tas-soltu ta’ dak li jsejħulu l-lejl mudlam (tar-ruħ), u iktar tard kellha tbatijiet spiritwali u morali li kellhom x’jaqsmu mat-twettiq tal-missjoni li hija kienet qiegħda tirċievi mingħand il-Mulej Ġesu’. Swor Fawstina offriet ħajjitha bħala sagrifiċċju għall-midinbin u minħabba dan kellha tbati wkoll diversi tbatijiet, sabiex permezz tagħhom setgħet tgħin lil-ruħhom. Fl-aħħar snin ta’ ħajjitha it-tbatijiet interni ta’ dak li jsejħulu l-lejl passiv tar-ruħ u mard tal-ġisem żdiedu fl-intensita’. It-tuberkolożi li xterditilha attakkatilha l-pulmuni u l-kanal tal-ikel. Minħabba f’hekk darbtejn kellha toqgħod għall-kura ta’ diversi xhur fl-isptar ta’ Triq Pradnik fi Krakovja.
Bla saħħa f’ġisimha imma matura għal kollox spiritwalment, hija mietet b’fama ta’ qaddisa, f’għaqda mistika ma’ Alla, nhar il-5 ta’ Ottubru, 1938. Bil-kemm kellha 33 sena, li tlettax-il sena minnhom għetixhom bħala reliġjuża. Il-fdalijiet tagħha tpoġġew fil-qabar komuni fiċ-ċimiterju tal-kunvent fi Krakovja – Lagiewniki. Fl-1966, waqt il-proċess ta’ ġbir ta’ informazzjoni għall-beatifikazzjoni ta’ Swor Fawstina, il-fdalijiet tagħha ġew trasferiti għall-kappella tal-kunvent.
Lil din ir-reliġjuża sempliċi, bla skola imma kuraġġuża, li afdat lill-Mulej Ġesu’ għal kollox bla ebda limitu, Huwa taha l-missjoni kbira li xxandar il-messaġġ Tiegħu ta’ ħniena indirizzat lid-dinja kollha: Illum, Huwa qalilha, Jiena qiegħed nibgħatek bil-ħniena Tiegħi għand in-nies tad-dinja kollha. Jiena ma rridx nikkastiga lill-umanita’ li qiegħda tbati, imma nixtieq infejjaqha u nrossha mal-Qalb Tiegħi mimlija Ħniena. (Djarju, 1588) Inti s-segretarja tal-ħniena Tiegħi. Jiena għażiltek għal din il-missjoni f’din il-ħajja u fil-ħajja l-oħra’. (Djarju, 1605) ... sabiex inti tgħarraf lill-erwieħ bil-ħniena kbira Tiegħi għalihom, u sabiex inti tħeġġiġhom biex ikollhom fiduċja fil-ħniena Tiegħi bla tarf. (Djarju, 1567)
2. Il-Missjoni ta’ Swor Fawstina. Fi ftit kliem, il-missjoni tagħha tikkonsisti filli tfakkarna fil-veritajiet tal-fidi tagħna, li kienu sa minn dejjem imma li qisna nsejniehom, dwar l-imħabba ta’ Alla mimlija ħniena għall-bnedmin, u filli twasslilna suriet ġodda ta’ devozzjoni lejn il-Ħniena Divina, li meta aħna nipprattikawha tmexxina sabiex aħna niġġeddu fil-ħajja spiritwali fl-ispirtu nisrani ta’ fiduċja u ħniena.
Id-Djarju li Ġesu’ kkmanda lil Swor Fawstina biex iżżommu fl-aħħar erba’ snin ta’ ħajjitha, huwa speċi ta’ ġurnal fejn l-awtriċi kitbet ġrajjiet li kienu qegħdin iseħħu, jew li kienu diġa’ seħħew, u li kellhom x’jaqsmu l-aktar mal-‘laqgħat’ li r-ruħ tagħha kellha ma’ Alla. Analiżi dettaljata u magħmula bis-sengħa tal-pitazzi tagħha kienet meħtieġa sabiex seta’ jittieħed minnhom dak kollu li ġie meqjus li hu esssenzjali għall-missjoni tagħha.
Din il-ħidma ġiet imwettqa minn teologu eminenti li huwa stmat ħafna – ir-Reverendu Professur Ignacy Rozycki. Ġabra fil-qosor tal-opra teoloġika tiegħu miġbura bl-ikbar reqqa u fil-fond ġiet ippublikata bl-isem ‘Il-Ħniena Divina: Karatteristiċi Bażiċi tad-Devozzjoni tal-Ħniena Divina.’
Meta jiġu mqabblin ma’ din l-opra importanti teoloġika, il-publikazzjonijiet kollha li saru qabel dwar id-devozzjoni tal-Ħniena Divina, kif qaltilna biha Swor Fawstina, donnhom jimpurthom biss minn xi elementi tagħha jew minn xi affarijiet li huma iktar sekondarji. Ngħidu aħna, xi wħud minnhom jisħqu fuq il-Litanija jew in-Novena tal-Ħniena Divina, u jħallu barra s-Siegħa tal-Ħniena.
Dun Rozycki jiġbdilna l-attenzjoni tagħna għal dan il-fatt meta jgħid: ‘Qabel ma nsiru nafu l-elementi partikulari tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, jeħtieġ nintebħu li foshom m’aħniex ser insibu l-ebda waħda min-noveni jew litaniji li tant nafuhom sewwa jew li nħobbu ngħiduhom.’
Il-bażi li biha aħna nagħżlu dawn it-talbiet jew prattiki reliġjużi, u mhux oħrajn, bħala l-forom ġodda tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, insibuha fil-wegħdiet speċifiċi li hemm marbutin magħhom, li l-Mulej Ġesu’ wiegħed li jwettaq bil-kundizzjoni li wieħed ikollu fiduċja fit-tjubija ta’ Alla u li juri ħniena lejn il-proxxmu tiegħu. Dun Rozycki jurina li hemm ħames elementi fid-devozzjoni tal-Ħniena Divina.
a. Ix-Xbieha ta’ Ġesu’ tal-Ħniena. L-għamla tagħha ġiet irrivelata fid-dehra li Swor Fawstina kellha fit-22 ta’ Frar 1931, fiċ-ċella tal-kunvent tagħha fi Plock. ‘Filgħaxija, x’ħin kont fiċ-ċella tiegħi,’ hija kitbet fid-Djarju, ‘jiena rajt il-Mulej Ġesu’ liebes libsa bajda. Id waħda kienet merfugħa ‘l fuq f’ġest ta’ barka, l-oħra kienet qiegħda tmiss il-libsa fuq sidru. Minn taħt il-libsa, miftuħa ftit fuq sidru, kienu ħerġin żewġ raġġi kbar, wieħed aħmar, l-ieħor bajdani...’ Wara ftit, Ġesu’ qalli: Pitter xbieha skont dak li inti qiegħda tara, bil-kliem: Ġesu’, jiena nafda Fik. (Djarju, 47) ‘Irrid li din ix-xbieha ... tiġi mbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid; dak il-Ħadd għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. (Djarju, 49)
Għal din ir-raġuni, il-kontenut ta’ din ix-xbieha huwa marbut b’mod fil-qrib mal-liturġija ta’ dak il-Ħadd. F’dan il-jum, il-Knisja taqra l-Evanġelju skont San Ġwann dwar Kristu Rxoxt li deher fil-Kamra ta’ Fuq u dwar it-twaqqif tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni (Ġw. 20:19-29). Għalhekk, din ix-xbieha turi s-Salvatur li qam mill-imwiet, li jġib il-paċi lill-bnedmin permezz tal-maħfra tad-dnubiet bil-merti tal-Passjoni u l-mewt Tiegħu fuq is-Salib.
Ir-raġġi tad-demm u tal-ilma li jidhru ħerġin mill-Qalb (il-Qalb ma tidhirx fix-xbieha) li ġiet minfuda b’lanza u l-marki tal-feriti kkawżati mill-pjagi tal-kruċifissjoni jfakkruna fil-ġrajjiet tal-Ġimgħa l-Kbira (Ġw 19:17-18; 33-37). Ix-xbieha tas-Salvatur mimli ħniena, mela, tgħaqqad flimkien iż-żewġ ġrajjiet tal-Evanġelju li juru bl-aħjar mod il-milja tal-imħabba ta’ Alla għall-umanita’.
Iż-żewġ raġġi huma karatteristika distintiva ta’ din ix-xbieha ta’ Kristu. Il-Mulej Ġesu’ meta ġie mistoqsi dwar xi jfissru, spjega hekk: Iż-żewġ raġġi jfissru Demm u Ilma. Ir-raġġ l-abjad jissimbolizza l-Ilma li jsaffi lill-erwieħ u jagħmilhom ġusti. Ir-raġġ l-aħmar jissimbolizza d-Demm li hu l-ħajja tal-erwieħ ... Hieni dak li jgħammar għall-kenn tagħhom. (Djarju, 299) Is-Sagramenti tal-Magħmudija u tar-Riċonċiljazzjoni jsaffu r-ruħ, u l-Ewkaristija tmantniha bl-akbar abbundanza. B’dan il-mod, iż-żewġ raġġi jfissru s-Sagramenti Mqaddsa u l-grazzji kollha tal-Ispirtu s-Santu, li s-simbolu bibliku Tiegħu hu l-ilma, kif ukoll il-Patt il-Ġdid li Alla għamel mal-bnedmin bid-Demm ta’ Kristu.
Ix-xbieha ta’ Ġesu’ tal-Ħniena ħafna drabi jsejħulha ‘Ix-Xbieha tal-Ħniena Divina’, li hi ħaġa f’waqtha, għax hu preċiżament fil-Misteru tal-Għid ta’ Kristu li l-imħabba ta’ Alla għall-umanita’ wriet ruħha b’mod l-iżjed ċar.
Ix-xbieha mhux biss turi l-Ħniena Divina, iżda sservi wkoll bħala sinjal li jerġa’ jfakkar fid-dmir tan-Nisrani ta’ fiduċja f’Alla u ta’ mħabba attiva lejn il-proxxmu. Skont ir-rieda ta’ Ġesu’, ix-xbieha għandha firma b’dan il-kliem: ‘Ġesu’ jiena nafda Fik.’
Ġesu’ qal ukoll: Permezz ta’ din ix-xbieha Jiena nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ. Għandha tkun tifkira ta’ dak li titlob minn għandhom il-ħniena Tiegħi, għax ukoll fidi mill-aktar qawwija ma tiswa xejn mingħajr l-opri. (Djarju, 742)
Mal-qima tax-xbieha, jekk nifhmuha b’dan il-mod, b’rabta mal-attitudni nisranija ta’ fiduċja u ħniena, il-Mulej Ġesu’ għamel wegħdiet speċjali, bħalma huma s-salvazzjoni eterna, progress kbir fit-triq tal-perfezzjoni nisranija, il-grazzja ta’ mewta tajba, u l-grazzji l-oħrajn kollha possibbli li l-bnedmin jitolbuh għalihom bil-fiduċja: Permezz ta’ din ix-xbieha, Jiena ser nagħti ħafna grazzji lill-erwieħ; mela, araw li kull ruħ ikollha aċċess għaliha. (Djarju, 570)
b. Il-Festa tal-Ħniena Divina. Din tieħu l-ewwel post fost l-elementi kollha tad-Devozzjoni tal-Ħniena Divina, kif ġiet irrivelata lil Swor Fawstina. Waqt li Ġesu’ talab għall-ewwe; darba t-twaqqif tagħha fi Plock fl-1931, Hu jgħid x’inhi r-Rieda Tiegħu dwar il-pittura tax-xbieha: Jiena nixtieq li jkun hemm Festa tal-Ħniena. Jiena rrid li din ix-xbieha, li inti tpitter bil-pinzell, tiġi imbierka b’mod solenni fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid; dak il-Ħadd għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. (Djarju, 49)
L-għażla tal-Ewwel Ħadd fuq l-Għid għall-Festa tal-Ħniena għandha tifsira teoloġika profonda ħafna, li turi r-rabta’ intima li hemm bejn il-Misteru tal-Għid tal-Fidwa u l-misteru tal-Ħniena Divina. Din ir-relazzjoni integra tiġi iktar u iktar imsaħħa bin-Novena tal-Kurunella tal-Ħniena Divina li tibda fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira bħala thejjija għall-festa.
Din il-festa mhijiex biss jum partikulari ddedikat għall-qima ta’ Alla fil-misteru Tiegħu tal-ħniena, imma wkoll żmien ta’ grazzja għall-bnedmin kollha. Il-Mulej Ġesu’ qal: Jiena nixtieq li l-Festa tal-Ħniena (nota139) tkun kenn u refuġju għall-erwieħ kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin. (Djarju, 699) L-erwieħ jintilfu minkejja l-Passjoni ħarxa Tiegħi. Jiena qiegħed nagħtihom l-aħħar tama ta’ salvazzjoni: jiġifieri, il-Festa tal-Ħniena Tiegħi. Jekk huma ma jadurawx il-ħniena Tiegħi, huma jintilfu għall-eternita’. (Djarju, 965, 998).
Il-kobor ta’ din il-festa nistgħu inqisuh minn kemm huma kbar il-wegħdietstraordinarji li l-Mulej rabar ma’ din il-festa. Ġesu’ qal: ... kull min jersaq lejn l-Għajn tal-Ħajja f’dan il-jum jingħata maħfra sħiħa ta’ dnubietu u l-kastig tagħhom. (Djarju, 300), U wkoll, F’dan il-jum tinfetaħ il-profondita’ sħiħa tal-ħniena tenera Tiegħi. Jiena nferra’ oċejan sħiħ ta’ grazzji fuq dawk l-erwieħ li jersqu lejn l-għajn tal-ħniena Tiegħi ... L-ebda ruħ m’għandha tibża’ tersaq Lejja, ukoll jekk għandha d-dnubiet ħomor bħall-iskarlatt. (Djarju, 699).
Sabiex aħna nkunu nistgħu niksbu l-grazzji minn dawk ir-rigali kbar, irridu nilqgħu l-kundizzjonijiet tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, (fiduċja fit-tjubija ta’ Alla u mħabba attiva lejn il-proxxmu), irridu nkunu fi stat ta’ grazzja santifikanti – nkunu morna nqerru u nitqarbnu fi stat xieraq. Ġesu’ jfisser: L-ebda ruħ ma tista’ tkun iġġustifikata sakemm hija ma ddurx bil-fiduċja lejn il-ħniena Tiegħi, u din ir-raġuni għaliex l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid għandu jkun il-Festa tal-Ħniena. F’dak il-jum tas-saċerdoti għandhom jgħidu lil kulħadd bil-ħniena kbira Tiegħi, li ħadd ma jista’ jqisha. (Djarju, 570).
c. Il-Kurunella tal-Ħniena Divina. Din il-Kurunella Ġesu’ nnifsu ddettaha lil Swor Fawstina f’Vilnius bejn it-13 u l-14 ta’ Settembru 1935, bħala talba ta’ tpattija sabiex ittaffi l-qilla ta’ Alla. (Djarju, 474-476).
Dawk li jitolbu din il-Kurunella joffru lil Alla l-Missier ‘il-Ġisem, u d-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesu’ Kristu bħala tpattija għad-dnubiet tagħhom, tal-maħbubin tagħhom, u dawk tad-dinja kollha. Meta jingħaqdu mas-sagrifiċċju ta’ Ġesu’, huma jkunu qegħdin jagħmlu l-appell tagħhom lill-imħabba kbira li Missierna fis-Sema għandu għal Ibnu, u fih, għall-umanita’ kollha.
B’din it-talba, dawk li jkunu qegħdin jgħiduha jitolbu ‘ħniena għalina u għad-dinja kollha’, u meta jagħmlu dan, ikunu qegħdin iwettqu opra ta’ ħniena. Jekk il-fidili jżiedu ma’ dan il-bażi tal-fidużja u jilqgħu l-kundizzjonijiet li hemm marbuta ma’ kull talba f’waqtha (umilta’, perseveranza, ħwejjeġ li jsiru bi qbil mar-rieda ta’ Alla), huma jistgħu jistennew it-twettiq tal-wegħdiet ta’ Kristu li huma marbutin b’mod speċjali mas-siegħa tal-mewt: il-grazzja tal-konverżjoni u ta’ mewta fil-paċi.
Mhux biss dawk li jgħidu l-Kururella jaqilgħu dawn il-grazzji, imma wkoll il-moribondi li maġenbhom tkun qiegħda tingħad din it-talba. Il-Mulej qal: Meta tingħad din il-kurunella fejn is-sodda ta’ persuna qiegħda tmut, il-korla ta’ Alla tittaffa, ħniena bla qies iddawwar ir-ruħ ... (Djarju, 811). Il-wegħda ġenerali tgħid: Jiena nieħu gost nagħtihom dak kollu li huma jitolbuni permezz tal-Kurunella. (Djarju, 1541) ... jekk dak li intom titolbu jkun skont ir-rieda Tiegħi. (Djarju, 1731). Għax, dak kollu li ma jaqbilx mar-rieda ta’ Alla mhux tajjeb għall-bnedmin, speċjalment għall-ferħ etern tagħhom.
F’okkażjoni oħra, Ġesu’ qal: ... meta tgħid il-Kurunella inti tkun qegħda tressaq l-umanita’ iktar qrib Tiegħi. (Djarju, 929) U għal darb’oħra: Dawk l-erwieħ li jgħidu din il-Kurunella jkunu mgħannqin mill-ħniena Tiegħi matul ħajjithom u l-aktar fis-siegħa tal-mewt tagħhom. (Djarju, 754).
d. Is-Siegħa tal-Ħniena Kbira. F’Ottubru 1937, fi Krakovja, f’ċirkustanzi li Swor Fawstina ma ddeskrivithomx bid-dettall, il-Mulej Ġesu’ rrakkomandalha tqim is-siegħa tal-mewt Tiegħu ... kull darba li inti tisma’ l-arloġġ idoqq it-tielet siegħa, inti tidħol kollok kemm int fil-ħniena Tiegħi, tadurha u tigglorifikha; sejjaħ is-setgħa bla tarf tagħha għad-dinja kollha, u l-aktar għall-imsejkna midinbin; għax f’dak il-mument il-ħniena nfetħet beraħ għal kull ruħ. (Djarju, 1572).
Il-Mulej Ġesu’ stabilixxa wkoll it-talb li huwa xieraq għal din il-forma ta’ devozzjoni tal-Ħniena Divina ... agħmel mill-aħjar sabiex inti tagħmel il-Via Sagra f’din is-siegħa, jekk id-dmirijiet tiegħek jippermettulek; u jekk inti ma tkunx tista’ tagħmel il-Via Sagra, almenu idħol fil-kappella għal mument wieħed u adura, lis-Sagrament Imqaddes, lill-Qalbi, li hi mimlija ħniena; u jekk ma tkunx tista’ tmur il-kappella, inġabar fit-talb hemm fejn tkun tinsab, imqar għal waqt qasir. (Djarju, 1572).
Ir-Rev. Professur Rozycki jsemmi tliet kundizzjonijiet biex it-talb li jsir f’din is-siegħa jiġi mismugħ:
1. Irid jiġi indirizzat lil Ġesu’.
2. Irid jingħad fit-tlieta ta’ wara nofs in-nhar.
3. Irid isejjaħ bil-qawwa kollha l-valur u l-merti tal-Passjoni ta’ Kristu.
Il-Mulej Ġesu’ wiegħed: F’din is-siegħa inti tista’ tikseb kollox għalik innifsek u għall-oħrajn; din kienet is-siegħa tal-grazzja għad-dinja kollha – il-ħniena rebħet fuq il-ġustizzja. (Djarju, 1572)
e. It-Tixrid tal-Qima tal-Ħniena Divina. Meta jiddiskuti l-elementi essenzjali tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina, ir-Rev. Prof. Rozycki jsemmi wkoll it-tixrid tal-qima tal-Ħniena Divina bħala waħda minnhom għaliex hemm xi wegħdiet ta’ Kristu marbutin ma’ din il-ħaġa wkoll: L-erwieħ li jxerrdu l-qima lejn il-ħniena Tiegħi Jiena nħarishom għal ħajjithom kollha bħalma Omm l-aktar ħelwa tieħu ħsieb it-tarbija tagħha, u fis-siegħa tal-mewt Jiena ma nkunx Imħallef għalihom, imma s-Salvatur mimli ħniena. (Djarju, 1075).
L-essenza tad-devozzjoni tal-Ħniena Divina tinsab fl-attitudni nisranija ta’ fiduċja f’Alla u ta’ mħabba attiva lejn il-proxxmu. Il-Mulej Ġesu’ qal: Jiena nixtieq il-ħlejjaq jafdaw Fija. (Djarju, 1059), u Huwa jistennihom juru l-ħniena permezz tal-opri, tal-kliem u tat-talb. U iżjed: Inti għandek turi ħniena lejn il-proxxmu tiegħek dejjem u kullimkien. Int m’għandekx tibqa’ lura minn dawn jew tipprova tiskuża jew tassolvi lilek innifsek minn dan. (Djarju, 742). Kristu jrid li dawk li jqimuh jagħmlu għallinqas att wieħed ta’ mħabba lejn il-proxxmu kuljum.
It-tixrid tal-qima tal-Ħniena Divina m’għandhiex bżonn ħafna kliem, imma dejjem teħtieġ l-attitudni nisranija ta’ fidi, ta’ fiduċja f’Alla u li nimtlew dejjem iżjed bil-ħniena. F’ħajjitha Swor Fawstina tat preċiżament l-eżempju ta’ ħidma apostolika bħal din.
f. Id-devozzjoni tal-Ħniena Divina għandha l-għan li ġġedded il-ħajja reliġjuża fil-Knisja fi spirtu ta’ fiduċja u ħniena nisranija. Huwa f’dan il-kuntest li għandna nikkunsidraw l-ideja ta’ ‘kongregazzjoni ġdida’, li naqraw dwarha fil-paġni tad-Djarju. Din ix-xewqa ta’ Kristu mmaturat bil-mod fil-ħsieb ta’ Swor Fawstina, u kellha ċerta evoluzzjoni minn ordni strettament kontemplattiv għal movement li hu magħmul minn kongregazzjonijiet attivi (irġiel u nisa) u minn lajċi.
Din il-komunita’ kbira ta’ nies li tinkludi n-nazzjonijiet kollha hija familja waħda li tingħaqad flimkien, l-ewwelnett, bl-għajnuna ta’ Alla fil-misteru tal-ħniena Tiegħu u mbagħad, mix-xewqa li għandhom l-insara kemm li jirriflettu dik il-ħniena fil-qlub u fl-opri tagħhom, kif ukoll li l-glorja ta’ Alla tkun riflessa fl-erwieħ kollha. Hija komunita’ ta’ persuni li, b’modi differenti skont l-istat u s-sejħa tagħhom (saċerdoti, reliġjużi u lajċi) jgħixu skont l-idejal tal-Evanġelju ta’ fiduċja u ta’ ħniena; ixandru l-misteru li ħadd ma jifhmu tal-ħniena ta’ Alla permezz ta’ ħajjithom u ta’ kliemhom; li jiksbu l-ħniena divina għad-dinja permezz tat-talb tagħhom.
Il-missjoni ta’ Swor Fawstina għandha ġustifikazzjoni profonda fl-Iskrittura Mqaddsa u d-dokumenti tal-Knisja; taqbel b’mod tal-għaġeb speċjalment mal-enċiklika Dives in misericordia (Għani fil-Ħniena) tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, Ġwanni Pawlu II.
Lista Kronoloġika tal-Ġrajjiet
fil-ħajja ta’ Santa Marija Fawstina - Helena Kowalska
tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena
25 ta’ Awwissu 1905 - Helen Kowalska twieldet fir-raħal ta’ Glogowiec, fil-kontea ta’ Turek, Provinċja ta’ Lodz, fil-Polonja (skont id-dokumenti tat-twelid kif miżmuma fil-parroċċa).
27 ta’ Awwissu 1905 – Ġiet mgħammda fil-knisja ta’ San Każimiru, Swinice Warckie, kontea ta’ Turek, mill-Kappillan ir-Reverendu Joseph Chodynski. Tawha l-isem ta’ Helena. (Atti tal-parroċċa fi Swinice).
1912 – Fl-eta’ ta’ seba’ snin, Helena semgħet għall-ewwel darba leħen ġewwa ruħha, issejħilha għal mod ta’ ħajja iktar perfett. (Djarju 1:3).
1914 – Għamlet l-ewwel Tqarbina tagħha. Qarbinha l-Kappillan, ir-Reverendu Pawlowski (Atti tal-parroċċa fi Swinice).
Novembru 1917 – Bdiet l-edukazzjoni elementari tagħha fi Swinice (Minuti minn Zbiorczej Szkoly Gminnej w Swinicach Warckich, 6 ta’ April 1976).
1919 – Fl-eta’ ta’ 14-il sena, Helena bdiet taħdem għall-familja Bryszewski f’Aleksandrow qrib Lodz, sabiex tgħin lil ġenituri tagħha. (Tifkiriet ta’ ommha, Marianne Kowalska).
30 ta’ Ottubru 1921 – Tirċievi s-Sagrament tal-Griżma f’Alexandrow qrib Lodz, mill-Isqof Vincent Tymienecki.
1922 - Wara li damet sena taħdem għall-familja Bryszewski, marret lura d-dar u qalet lil kulħadd li xtaqet issir soru. Il-ġenituri tagħha kienu deċiżi li jopponu din il-mossa. (Djarju 1:4; Tifkiriet ta’ ommha).
Il-Ħarifa tal-1922 – Helena telqet għal Lodz tfittex xogħol ieħor sabiex hija tgħin lill-ġenituri tagħha. Hija ħadmet għal tliet terzjarji (Tifkiriet ta’ ommha, p. 5; Tifkiriet ta’ Stanislava Rapacka).
2 ta’ Frar 1923 – Wara li rrferietha aġenzija tax-xogħol, bdiet taħdem għal Marcianne Sadowska, li kellha ħanut f’Numru 29, Triq Abaramowski, Lodz, fejn baqgħet sal-1 ta’ Lulju 1924 (Tifkiriet tas-Sinjura Sadowska, p.2).
Lulju 1924 – Helena marret Varsavja sabiex tidħol f’kunvent hemmhekk (Tifkiriet mil-Madre Ġenerali Michael Moraczewska, miktubin bl-idejn, p.1; Djarju 1:4).
Hija applikat fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena f’Numru 3/9 Triq Zytnia, f’Varsavja. Is-Superjura qisitha bħala ‘ordinarja, xejn speċjali’ u ppruvatha. Qaltilha tibda taħdem sabiex tkun tista’ tħallas għal ħwejjiġha. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 1; Tifkiriet ta’ Swor Borgia, p. 1).
Sajf 1924 – Helena marret taħdem bħala qaddejja għal Aldona Lipszyc, f’Ostrowek, kontea ta’ Klembow, qrib Varsavja (Tifkiriet ta’ A. Lipszyc, p.1).
1 ta’ Awwissu 1925 – Reġgħet applikat biex tidħol fil-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, u din id-darba aċċettawha. (Tifkiriet tal-Madre Michael Moraczewska, p. 2; Tifkiriet ta’ Swor Borgia, p.1; Djarju 1:6).
Għall-ħabta tat-22 ta’ Awwissu 1925 - Helena riedet tħalli l-Kongregazzjoni sabiex tidħol f’ordni iktar strett. Hija ħasset li kien hemm ftit ħin biss għat-talb fil-Kongregazzjoni tal-Madonna tal-Ħniena (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.2; Djarju 1:6).
Awwissu 1925 – Is-Superjura bagħtitha Skolimow, dar tal-vaganzi għall-Kongregazzjoni, qrib Varsavja, sabiex terġa’ takkwista saħħitha. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.2).
23 ta’ Jannar 1926 – Telqet għan-Novizzjat fi Krakovja sabiex tispiċċa il-perjodu tagħha bħala postulanta, tagħmel irtir, u tipprofessa. (Tifkiriet ta’ Swor Borgia, p. 1; Djarju 1:7).
30 ta’ April 1926 – Wara rtir ta’ tmint ijiem, hija ħadet l-abitu u l-isem tagħha bħala soru. Minn issa ‘l quddiem Helena ser iġġib l-isem ta’ Swor Marija Fawstina (Kronaka ta’ Krakovja 111:177; Tifkiriet ta’ Swor Clemens).
20 ta’ Ġunju 1926 – Bidla amministrattiva tad-Direttriċi tan-Novizzjat influwenzat il-formazzjoni spiritwali ta’ Swor Fawstina (Kronaka ta’ Krakovja 111:179).
3 ta’ April 1927 - Swor Fawstina kellha l-esperjenza tal-lejl mudlam tal-ispirtu. Il-prova baqgħet sejra kważi sat-tmiem tan-Novizzjat. Il-Madre Direttriċi, Mary Joseph Brzoza, għamlitilha l-kuraġġ, skużatha mill-eżerċizzi spiritwali formali, u ħajritha turi fedelta’ kbira lejn Alla. (Djarju 1:8).
16 ta’ April 1928 – Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, il-fjamma tal-Imħabba Divina ħaddnet in-novizza fit-tbatijiet tagħha. Hija nsiet it-tbatijiet tal-imgħoddi, u għarfet b’mod iktar ċar kemm bata’ Kristu għalina. (Djarju 1:10).
20 ta’ April 1928 – Filgħaxija Swor Fawstina flimkien ma’ sorijiet oħrajn, bdiet l-irtir qabel ma’ għamlet il-voti temoranji. (Kronaka 111:203; Tifkiriet tal-Madre Michael, p.3; Djarju 1:11).
30 ta’ April 1928 - Swor Fawstina għamlet l-ewwel professjoni tagħha ta’ voti temporanji, li hi baqgħet iġġedded kull sena għal ħames snin, sal-waqt meta hija mbagħad għamlet il-voti perpetwi tagħha. (Kronaka ta’ Krakovja 111:203; Tifkiriet tal-Madre Michael, p.3).
Mis-6 sal-10 ta’ Diċembru 1928 – Fil-Kapitlu Ġenerali tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, il-Madre Michael Moraczewska ġiet magħżula Madre Ġenerali (Kronaka ta’ Krakovja 111:210).
(Il-Madre Michael kellha tkun Surerjura matul il-ħajja reliġjuża kollha ta’ Swor Fawstina. F’waqtiet diffiċli hija kienet ta’ għajnuna u faraġ għaliha. F’idejha Swor Fawstina kellha tpoġġi l-voti perpetwi tagħha. Qabel ma’ mietet hija talbet maħfra lill-Kongregazzjoni kollha permezz tal-Madre Superjura, għan-nuqqasijiet kollha tagħha matul il-ħajja reliġjuża tagħha kollha) (Tifkiriet tal-Madre Michael, pp. 5, 11, 12).
31 ta’ Ottubru 1928 - Swor Fawstina telqet għal 3/9 Triq Żytnia, Varsavja, fejn qabduha taħdem fil-kżina. (Kronaka ta’ Krakovja 111:212).
21 ta’ Frar 1929 – Telqet għal Vilnius biex tissostitwixxi soru li kienet sejra għat-tielet prova tagħha. (Kronaka ta’ Vilnius 1:9).
11 ta’ April 1929 – Bit-tren ta’ filgħodu, hija telqet minn Vilnius sabiex terġa’ tmur lura Varsavja. (Kronaka ta’ Vilnius 1:21).
Ġunju 1929 – Tawha xogħol f’dar li kienet għadha kif ġiet iffurmata fi triq Hetmanska, Varsavja. (Tifkiriet tas-Sorijiet).
Wara ftit xhur Swor Fawstina reġgħet lura fid-dar fi 3/9 Triq Żytnia. Sadattant l-istudenti (tfajliet li kienu taħt il-kura tagħha) li kienet taħdem magħhom wiegħdu li jmorru hemm warajha. (Tifkiriet tas-Sorijiet).
7 ta’ Lulju 1929 – Għal żmien qasir, Swor Fawstina ġiet mibgħuta f’dar tal-Kongregazzjoni f’Kiekrz qrib Poznan, minflok soru tal-kċina li ma tantx kienet f’sikkitha. (Tifkiriet ta’ Swor Xavier; ittra tas-6 ta’ Lulju (sena mhux magħrufa) li kienet fit-Tifkiriet; Djarju 1:74).
Ottubru 1929 – Hija kienet diġa’ f’Varsavja, bħalma deher f’ittra indirizzata lil Swor Justine, bid-data 20 ta’ Ottubru 1929. (Ittri #25:66).
Mejju-Ġunju 1930 – Meta bagħtuha fid-dar tal-Kongregazzjoni fi Plock, Swor Fawstina bdiet taħdem daqqa fil-post fejn kienu jaħmu l-ħobż; fil-kċina; u fil-post fejn kienu jaħżnu l-ħobż. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.3).
Waqt iż-żmien li hi damet fi Plock (minn Ġunju 1930 sa Novembru 1932), hija qattgħet xi żmien fi Biala (dar tal-Kongregazzjoni li tinsab f’raħal xi għaxar kilometri ‘l bogħod minn Plock).
(Minħabba l-fatt li l-Kronaki ta’ Varsavja u ta’ Plock nqerdu waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa diffiċli li nkunu verament ċerti mid-dati taż-żmien li hija għaddiet f’dawn id-djar).
Ittra mibgħuta lil Swor Justine Golofit, li ġġib id-data tas-17 ta’ Diċembru 1930, tixhed għall-fatt li Swor Fawstina f’dak iż-żmien, kienet għadha qiegħda fi Biala (Ittri #26:68).
22 ta’ Frar 1931 - Swor Fawstina rat dehra tal-Mulej Ġesu, li qalilha tpinġi xbieha skont dak li hi kienet qiegħda tara. (Djarju 1:18; Tifkiriet tal-Madre p. 4).
Novembru 1932 – Hija waslet f’Varsavja għat-Tielet Prova tagħha, lis-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena jagħmlu qabel ma jieħdu l-voti perpetwi. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.5; Djarju 1:84).
Qabel ma bdiet it-Tielet Prova, marret Walendow sabiex tagħmel irtir. (Tifkiriet ta’ Swor Seraphina Kukulska; Djarju 1:84).
1 ta’ Diċembru 1932 – Flimkien ma’ sorijiet oħrajn, hija bdiet it-Tielet Prova taħt id-direzzjoni ta’ Swor Margaret Gimbutt (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.5; Djarju 1:89).
It-Tielet Prova f’din il-Kongregazzjoni ddum ħames xhur. Matul dan iż-żmien, Swor Fawstina ħadmet fis-sagristija u għenet lil Swor Suzanne Tokarski (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 5; Tifkiriet ta’ Swor Suzanne; Djarju 1:89).
Marzu 1933 - Swor Fawstina rċeviet żjara minn oħtha Wanda. (Djarju 1:97).
18 ta’ April 1933 – Flimkien ma’ sorijiet oħra, Swor Fawstina marret Krakovja sabiex tagħmel irtir ta’ tmint ijiem u l-professjoni tal-voti perpetwi tagħha. (Kronaka ta’ Krakovja IV:8).
21 ta’ April 1933 – Beda l-irtir ta’ tmint ijiem taħt id-direzzjoni ta’ Patri Wojnar, S.J. (Kronaka ta’ Krakovja IV:8; Djarju 1:102).
1 ta’ Mejju 1933 - Swor Fawstina għamlet il-voti perpetwi tagħha. Iċ-ċelebrant f’din iċ-ċerimonja kien l-Isqof Stanislaus Rospond. Wara l-voti, Swor Fawstina baqgħet Krakovja għal xahar ieħor, (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.5; Kronaka ta’ Krakovja IV:8; Djarju 1:114).
25 ta’ Mejju 1933 – Hija telqet għal Vilnius (Kronaka ta’ Vilnius, p. 178). (Fil-Kronaka nsibu din in-nota: Swor Fawstina, li għamlet il-professjoni tal-voti perpetwi tagħha fi Krakovja, waslet il-Ħamis filgħaxija, bit-tren).
2 ta’ Jannar 1934 - Swor Fawstina marret għall-ewwel darba għand l-artist Kazimirowski, li kellu jpitter ix-xbieha tal-Ħniena Divina (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p.1; Tifkiriet tal-Madre Michael, p.6; Djarju 11:240).
29 ta’ Marzu 1934 – Hija offriet lilha nnifisha għall-midinbin, l-aktar għal dawk l-erwieħ li tilfu l-fiduċja fil-Ħniena Divina. (Djarju 1:133).
Ġunju 1934 – Tlestiet il-pittura tax-xbieha tal-Ħniena Divina, li saret mill-pittur E. Kazimirowski skont ma qaltlu Swor Fawstina. Hija bdiet tibki għax ix-xbieha tal-Mulej Ġesu’ ma kenitx daqshekk sabiħa daqskemm kienet ratu hi (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 1; Djarju I: 134).
26 ta’ Lulju 1934 - Swor Fawstina marida – kellha riħ (Kronaka ta’ Vilnius, p. 223).
28 ta’ Lulju 1934 – Hija bdiet tikteb id-Djarju.
12 ta’ Awwissu 1934 – Hija mardet serjament. Sejħu lil Dr. Maciejewska kif ukoll lil Dun Sopocko, li amministralha s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. (Kronaka ta’ Vilnius, p. 226).
13 ta’ Awwissu 1934 – Saħħitha tiġi ‘l quddiem. (Kronaka ta’ Vilnius, p. 226).
26 ta’ Ottubru 1934 – Hi u miexja mal-istudenti mill-ġnien għall-ikla ta’ filgħaxija (fis-sitta neqsin għaxar minuti) Swor Fawstina rat lill-Mulej Ġesu’ fuq il-Kappella f’Vilnius l-istess kif kienet ratu fi Plock; jiġifieri, bir-raġġi bojod u ħomor. Ir-raġġi dawlu l-kappella tal-Kongregazzjoni u l-infermerija tal-istudenti; u mbagħad infirxu fuq id-dinja kollha. (Arkivji – dokumenti ta’ Swor Fawstina).
15 ta’ Frar 1935 - Swor Fawstina rċiviet l-aħbar li ommha kienet marida serjament u telqgħet minnufih dak in-nhar filgħaxija għar-raħal tagħha ta’ Glogowiec, qrib Lodz (Kronaka ta’ Vilnius, p. 261 ; Djarju 1:165-169).
Meta telqet mid-dar tagħha, Swor Fawstina waqfet Varsavja sabiex tara lill-Madre Ġenerali, Michael Moraczewska, u d-Direttriċi li kellha qabel, Swor Mary Joseph Brzoza. Ftit ġranet wara, marret lura Vilnius [Djarju 1:169).
(Il-Kronaka ta’ Vilnius ma ssemmix id-data meta marret lura).
4 ta’ Marzu 1935 - Swor Petronilla u Swor Fawstina marru is-suq bil-vagun li kien isir kull sena fil-festa ta’ San Kazimiru, għal għodda u xi affarijiet li kellhom bżonn fid-dar. (Kronaka ta’ Vilnius p. 264).
29 ta’ Settembru 1935 - Sister Faustina accompanies some of the other sisters to the Church of St. Michael for the Forty-Hour Devotions (Vil. Chron., p. 302).
19 ta’ Ottubru 1935 - Swor Antonina u Swor Fawstina telqu għall-irtir ta’ tmint ijiem fi Krakovja, (Kronaka ta’ Vilnius, p. 307; Kronaka ta’ Krakovja IV:49).
4 ta’ Novembru 1935 – Filgħaxija Swor Fawstina reġgħet lura Vilnius mill-irtir (Kronaka ta’ Vilnius, p. 311).
8 ta’ Jannar 1936 – Marret iżżur lill-Isqof Jalbrzykowski u tatu l-aħbar li l-Mulej Ġesu’ kien qiegħed jitlob il-bidu ta’ kon-gregazzjoni ġdida. (Djarju 11:50).
17 ta’ Marzu 1936 - Swor Borgia Tichy, Superjura tad-dar f’Vilnius, irċeviet informazzjoni mill-Madre Ġenerali li lil Swor Fawstina kienu bidlulha l-post minn Vilnius għal Walendow (Kronaka ta’ Vilnius, p. 337).
19 ta’ Marzu 1936 - Swor Borgia ikkonsultat mal-Arċisqof Jalbrzykowski dwar Swor Fawstina (Kronaka ta’ Vilnius, p. 338).
21 ta’ Marzu 1936 - Swor Fawstina marret bit-tren ta’ filgħodu minn Vilnius għal Varsavja. (Kronaka ta’ Vilnius, p. 338), u baqgħet Varsavja għal ftit jiem. (Djarju 11:90).
25 ta’ Marzu 1936 – Waslet Walendow – dar tal-Kongregazzjoni li tinsab fil-kampanja, kilometru ‘l bogħod minn Varsavja. Is-sorijiet tawha merħba bil-ferħ u bis-sinċerita’. (Tifkiriet; Djarju 11:91).
April 1936 – Wara ftit ġimgħat, bagħtuha f’dar oħra fil-kampanja, kilometru ‘l bogħod minn Walendow, f’post jismu Derdy (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. . Din id-dar tinsab fost is-saġar, u Swor Fawstina li ssaħħret mis-sbuħija naturali tal-post, kitbet lil Dun Sopocko u qaltlu kemm kienet qed tħossha ferħana f’ittra li ġġib id-data tal-11 ta’ Mejju 1936 (Ittri:#3:5).
11 ta’ Mejju 1936 – Flimkien ma’ Swor Edmund Sekul, telqet minn Derdy biex tmur toqgħod Krakovja b’mod permanenti (Kronaka ta’ Krakovja IV:60), fejn l-ewwel bdiet taħdem fil-ġnien, umbagħad kienet għassa mal-kanċell. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. . 19 ta’ Ġunju 1936 – Flimkien ma’ xi sorijiet, hija ħadet sehem f’purċissjoni ad unur tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ fid-dar tal-Ġiżwiti f’Numru 26, Triq Kopernik (Kronaka ta’ Krakovja IV:61 ; Djarju II: 111).
14 ta’ Settembru 1936 – L-Arċisqof Jalbrzykowski, fi triqtu lejn Tarnow, żar il-kunvent fi Krakovja u għadda ftit minuti f’konverżazzjoni ma’ Swor Fawstina (Kronaka ta’ Krakovja IV:67; Djarju II: 133; Tifkiriet ta’ Swor Felicia u Swor Irene).
19 ta’ Settembru 1936 - Swor Fawstina għamlet eżami mediku fl-isptar ta’ Pradnik (Djarju II: 133-134).
20 ta’ Ottubru 1936 – Fi Krakovja hija għamlet irtir ta’ tmint ijiem immexxi mmexxi minn Patri Wojton, S.J. (Kronaka ta’ Krakovja IV:70; Djarju 11:153).
9 ta’ Diċembru 1936 – Għal raġunijiet ta’ saħħa, is-Superjuri bagħtu lil Swor Fawstina fl-isptar ta’ Pradnik, f’sanatorju għall-pazjenti tat-tuberkulożi fi Krakovja (Kronaka ta’ Krakovja IV:74; Djarju 11:198).
13 ta’ Diċembru 1936 - Swor Fawstina qerret għand il-Mulej Ġesu’ (Djarju II: 207).
24 ta’ Diċembru 1936 – Bil-permess tat-tabib, hija reġgħet lura fil-kunvent għall-vaganzi tal-Milied. (Kronaka ta’ Krakovja IV:74; Djarju 11:226).
27 ta’ Diċembru 1936 – Reġgħet daħlet fl-isptar fi Pradnik għal iktar kura. (Djarju 11:230).
27 ta’ Marzu 1937 – Reġgħet lura minn Pradnik. Saħħitha ġiet ‘il quddiem b’mod sinifikanti. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 82; Diary 111:18).
13 ta’ April 1937 – Saħħitha tant marret għall-agħar li kellha tibqa’ fis-sodda. (Djarju 111:22-23).
14 ta’ April 1937 – Għajjiena bil-mard tagħha, hija talbet lill-Mulej Ġesu’ jagħtiha s-saħħa u t-talba tagħha ġiet mismugħa. (Djarju 111:23).
23 ta’ April 1937 – Waqt irtir ta’ tmint ijiem li beda fl-20 ta’ April fil-kunvent ta’ Krakovja, Swor Fawstina ħadet din l-opportunita’ sabiex tagħmel l-irtir tagħha ta’ tlett ijiem. (Kronaka ta’ Krakovja IV:82; Djarju 111:26).
29 ta’ April 1937 – Wara l-irtir, hija tkellmet ma’ dik li qabel kienet id-Direttriċi tagħha tan-Novizzi, Swor Mary Joseph, li għamlet l-irtir tagħha fi Krakovja. (Djarju 111:29-30).
4 ta’ Mejju 1937 - Swor Fawstina rċeviet permess mingħand il-Madre Ġenerali Michael Moraczewska sabiex titlaq mill-Kongregazzjoni. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 9; Djarju III: 30-31).
20 ta’ Lulju 1937 – Saret taf li kienet ser tintbagħat f’dar tal-Kongregazzjoni f’Rabka (Djarju 111:54).
[Il-Kronaka ma ssemmix din il-ħaġa; iżda tinnota li s-Superjura marret Rabka għal jumejn, fatt li seta’ kellu xi konnesjoni mat-tluq ta’ Swor Fawstina). (Kronaka ta’ Krakovja IV:88 – bid-data tad-19 ta’ Lulju; Tifkiriet ta’ Swor Irene).
29 ta’ Lulju 1937 - Swor Fawstina telqet għal Rabka (Djarju 111:54-55; Tifkiriet).
10 ta’ Awwissu 1937 – Hija skopriet li l-klima ta’ Rabka ma kenitx taqbel magħha, imma kienet qiegħda ġġegħelha tħossha iktar marida, għalhekk reġgħet lura fi Krakovja. (Djarju IV:4).
12 ta’ Awwissu 1937 - Dun Sopocko jagħmel waqfa fil-kunvent fi Krakovja u jqatta’ xi ħin ma’ Swor Fawstina (Tifkiriet ta’ Swor Felicia; Djarju IV:4-5).
25 ta’ Awwissu 1937 - Dun Sopocko għadda xi ġranet fi Krakovja. Swor Fawstina kienet ferħana b’dan għaliex kienet anzjuża sabiex tarah. (Djarju IV:16).
29 ta’ Awwissu 1937 – Hija ngħatat il-permess li tkellem lil Dun Sopocko fit-tul (Djarju IV:17).
(Il-Kronaki din il-ħaġa ma jsemmuhiex).
6 ta’ Settembru 1937 – Minħabba li saħħitha kienet qiegħda tonqosha, ix-xogħol tagħha nbidel minn dak ta’ ġardinara għall-purtinara. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p.10; Djarju IV:25).
19 ta’ Settembru 1937 - Ħuha Stanley mar iżurha. (Djarju IV:40).
27 ta’ Settembru 1937 - Swor Fawstina u Swor Irene Krzyzanowska, Superjura tad-dar, marru għand l-istampatur biex jiddeċiedi dwar xi santi li kellhom jiġu stampati bix-xbieha tal-Ħniena Divina. (Djarju IV:45; Tifkiriet ta’ Swor Irene, p. 2).
21 ta’ April 1938 – Is-saħħa ta’ Swor Fawstina marret għall-agħar, u s-Superjuri tagħha ddeċidew li jerġgħu jibagħtuha fl-isptar ta’ Pradnik. (Kronaka ta’ Krakovja IV:119; Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 10).
2-5 ta’ Ġunju 1938 – Hija għamlet irtir ta’ tliet ijiem fl-isptar. (Tifkiriet ta’ Swor Irene Krzyzanowska u Swor Felicia; Djarju MV. 114).
Ġunju 1938 – Hija waqfet tikteb id-Djarju.
Lulju 1938 – Il-Madre Ġenerali Michael Moraczewska marret iżżurha fl-isptar. (Tifkiriet tal-Madre Michael, p. 10; Tifkiriet ta’ Swor Felicia).
Awwissu 1938 – Fl-aħħar ittra tagħha lill-Madre Ġenerali, hija talbet maħfra għad-difetti tagħha matul ħajjitha kollha u spiċċat bil-kliem: “sakemm niltaqgħu fil-ġenna” (Ittri #23:64; Tifkiriet ta’ Madre Michael, p. 11).
24 ta’ Awwissu 1938 - Sister Camille, who is also a patient at the hospital in Pradnik, telephones to the Superior that Sister Faustina’s health has significantly worsened. The Superior rides to the hospital and spends the night at Sister Faustina’s bedside (Cracow Chron. IV: 129).
25 ta’ Awwissu 1938 - Dun T. Czaputa, Kappillan tad-dar tal-Kongregazzjoni fi Krakovja, mar l-isptar ta’ Pradnik sabiex jamministra s-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. (Kronaka ta’ Krakovja IV:129).
28 ta’Awwissu 1938 - Dun Sopocko, li kien jinsab fi Krakovja, żar il-Kongregazzjoni u lil Swor Fawstina ħafna drabi fl-isptar. (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 3; Kronaka ta’ Krakovja IV: 129).
2 ta’ Settembru 1938 - Dun Sopocko żar lil Swor Fawstina fis-sanatorju ta’ Pradnik u raha mitlufa f’estasi. (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 5; Tifkiriet ta’ Swor Felicia).
17 ta’ Settembru 1938 – Swor Fawstina kienet debboli ħafna u ma setgħetx iżżomm ikel. Minn Pradnik ħaduha d-dar. Hija ħassitha kalma u tat eżempju tajjeb ħafna lil kulħadd. Kienet qiegħda tistenna l-waqt li tingħaqad mal-Mulej Ġesu’ u ma kellha l-ebda biża’ mill-mewt. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 131).
22 ta’ Settembru 1938 – Filwaqt li ħasset saħħitha tonqosha dejjem iżjed, hija talbet maħfra mingħand il-Kongregazzjoni kollha għal dawk id-drabi meta hija kienet naqsithom mingħajr ma riedet, u bdiet tistenna bis-serenita’ kollha l-miġja tal-Għarus tagħha tas-Sema. (Kronaka ta’ Krakovja IV:132).
26 ta’ Settembru 1938 - Dun Sopocko żarha għall-aħħar darba fi Krakovja, u hi qaltlu: “L-unika funzjoni tiegħi hi li jiena ngħix fil-preżenza ta’ missieri fis-Sema.”
(Dun Sopocko innota li “kienet qisha ħlejqa sopranaturali,” u żied, “f’dak il-waqt ma kienx għad baqagħli l-iċken dubju li dak li kienet tikbet fid-djarju tagħha dwar it-tqarbina minn idejn l-Anġlu kien tassew minnu.” (Tifkiriet ta’ Dun Sopocko, p. 5)
2 ta’ Ottubru 1938 - Swor Fawstina, b’saħħitha tnaqqas bin-naqra n-naqra, imma dejjem tagħti eżempju tajjeb lil ħulħadd, kienet qiegħda tistenna bil-kalma kollha t-tluq tagħha. (Kronaka ta’ Krakovja IV:133).
5 ta’ Ottubru 1938 – Patri Andrasz, SJ, wasal fl-4 ta’ filgħaxija u Swor Fawstina qerret għall-aħħar darba. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 134).
Fid-9 ta’ filgħaxija, il-Kappillan Dun T. Czaputa, flimkien mas-sorijiet miġburin flimkien, talab maġenb is-sodda tagħha t-talb għall-moribondi; Swor Fawstina, baqgħet f’sensiha sal-aħħar u ngħaqdet ma’ dawk li kienu qegħdin jitolbu. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 134).
Fl-11 neqsin kwart ta’ filgħaxija, Swor Fawstina Kowalska, wara ħafna tbatijiet li hija ġarrbet b’paċenzja kbira, marret tingħaqad mal-Mulej sabiex jagħtiha l-premju. (Kronaka ta’ Krakovja IV:134).
7 ta’ Ottubru 1938 – Il-funeral ta’ Swor Fawstina Kowalska sar fl-Ewwel Ġimgħa tax-xahar u fil-festa tal-Madonna tar-Rużarju.
Il-Ġiżwiti, Patri Wojton u Patri Chabrowski mill-Monasteru ta’ Pjazza Santa Barbara, u qassis minn 26 Triq Kopernik ħadu sehem fil-funeral.
Fit-8:30 ta’ filgħodu tkanta l-Matutin, imbagħad Patri Wojton iċċelebra l-Liturġija fl-artal prinċipali u Patri Chabrowski fl-altar tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu’ (fejn bħalissa tinsab ix-xbieha tal-Ħniena Divina – li saret famuża għal ħafna grazzji bla għadd li ġew maqlugħin).
Patri Chabrowski iċċelebra l-Quddiesa liebes l-abjad. Kif ġie nnotat fil-Kronaka, kollox sar b’mod mill-isbaħ. Ħadd mill-membri tal-familja ta’ Swor Fawstina ma kien preżenti fil-funeral. (Kronaka ta’ Krakovja IV: 134).
Swor Fawstina ġiet midfuna fiċ-ċimiterju tal-kunvent li jinsab fil-ġnien tal-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, 3/9 Triq Wronia, Lagiewniki, Krakovja, fil-qabar komuni li hemm f’dan iċ-ċimiterju.
21 ta’ Ottubru 1965 – 27 sena wara l-mewt ta’ Swor Fawstina, l-Isqof Julian Groblicki, b’delega speċjali mill-Arċisqof Karol Wojtyla, beda s-sezzjoni solenni fl-Arċidjoċesi ta’ Krakovja, il-Proċess ta’ Informazzjoni li għandu x’jaqsam mal-ħajja u l-virtujiet ta’ Swor Fawstina. Minn issa ‘l quddiem, Swor Fawstina kellu jingħatalha t-titlu, ‘Qaddejja ta’ Alla.’
25 ta’ Novembru 1966 – Filwaqt li kien qiegħed isir il-Proċess ta’ Informazzjoni dwar il-virtujiet, il-kitbiet u d-devozzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Swor Fawstina (mill-21 ta’ Ottubru 1965 sal-20 ta’ Settembru 1967), inqalgħu l-fdalijiet tagħha mill-qabar u ħaduhom f’qabar imħejji speċjali għaliha fil-kappella tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena. Fuq il-qabar hemm ċangatura sewda b’salib fin-nofs. Iċ-ċangatura normalment ikollha fjuri friski li jpoġġuhom hemm il-fidili, li qegħdin jitolbu għal ħafna grazzji bl-interċessjoni ta’ Swor Fawstina.
20 ta’ Settembru 1967 – L-Eminenza Tiegħu il-Kardinal Karol Wojtyla għalaq il-Proċess ta’ Informazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla fl-Arċidjoċesi ta’ Krakovja.
26 ta’ Jannar 1968 – Is-Sagra Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin laqgħet f’Ruma l-Atti tal-Proċess ta’ Informazzjoni.
31 ta’ Jannar 1968 – Permezz ta’ Digriet tas-Sagra Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, ingħata bidu formali għall-Proċess ta’ Beatifikazzjoni tal-Qaddejja ta’ Alla Swor Fawstina H. Kowalska.
18 ta’ April 1993 – Il-Venerabli Swor Fawstina Kowalska ġiet ibbeatifikata f’Ruma fl-Ewwel Ħadd fuq l-Għid – f’jum il-Festa tal-Ħniena Divina – mill-Papa Ġwanni Pawlu II (Karol Wojtyla – l-istess Isqof li kien beda l-Proċess ta’ Informazzjoni dwar il-virujiet tagħha).
30 ta’ April 2000 – Il-Beata Swor Marija Fawstina Kowalska ġiet dikjarata Qaddisa f’Ruma mill-Papa Ġwanni Pawlu II, f’jum il-Ħadd tal-Ħniena Divina, fis-sena tal-Ġublew tas-sena 2000. Waqt l-omelija tal-Kanonizzazjoni, il-Papa iddikjara: “Min issa ‘l quddiem l-Ewwel Ħadd fuq l-Għid jkun magħruf bħala l-Ħadd tal-Ħniena Divina mill-Knisja Universali.”
Binti, ikteb b’mod diliġenti kull sentenza li Jiena ngħidlek dwar il-ħniena Tiegħi, għaliex din hi maħsuba għal għadd kbir ta’ erwieħ li għad jieħdu ħafna ġid spiritwali minnha. (Djarju, 1142)
.