- IN YEAR A - THE GOSPEL ON LAETARE SUNDAY IN WEEK 4 OF LENT
- In Year B - Alternative Gospel on ANY DAY during WEEK 4 OF LENT -
Lezzjonarju Ferjali III (L-Evanġelju fil-Quddiesa libera fir-Raba' ġimgħa
tar-Randan)
- In Year C - Alternative Gospel on ANY DAY during WEEK 4 OF LENT -
Lezzjonarju Ferjali III (L-Evanġelju fil-Quddiesa libera fir-Raba' ġimgħa
tar-Randan)
Evanġelju
Mar, inħasel u ġie jara.
Ġw 9, 1-41
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, [Ġw:9:1] kif kien għaddej, Ġesù lemaħ raġel agħma minn
twelidu, [Ġw:9:2] u d-dixxipli tiegħu staqsewh: "Rabbi, dan twieled agħma
għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?". [Ġw:9:3] Ġesù
wieġeb: "Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex
l-għemil ta' Alla jidher fih. [Ġw:9:4] Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu
x-xogħol ta' dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista'
jaħdem. [Ġw:9:5] Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja".
[Ġw:9:6] Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih
għajnejn ir-raġel agħma. [Ġw:9:7] U qallu: "Mur inħasel fil-menqgħa ta'
Silwam". Din tfisser 'il-Mibgħut'. Mela dak mar, inħasel u ġie jara.
[Ġw:9:8] Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu:
"Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?". [Ġw:9:9] Xi
wħud qalu: "Iva, hu". Oħrajn qalu: "Le, imma jixbhu". Iżda
hu qalilhom: "Jiena hu". [Ġw:9:10] Qalulu: "Mela kif infetħulek
għajnejk?". [Ġw:9:11] Weġibhom: "Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel
ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, 'Mur fis-Silwam u nħasel hemm'.
Mort, inħsilt, u ġejt nara". [Ġw:9:12] Qalulu: "Fejn huwa dan
ir-raġel?". Qalilhom: "Ma nafx".
[Ġw:9:13] Lil dan il-bniedem li fl-imgħoddi kien agħma ħaduh għand
il-Fariżej. [Ġw:9:14] Issa dak in-nhar li Ġesù għamel it-tajn u fetaħ għajnejn
l-agħma nzerta kien is-Sibt. [Ġw:9:15] Il-Fariżej ukoll staqsew mill-ġdid
lill-agħma kif sar jara. U hu qalilhom: "Qegħedli ftit tajn fuq għajnejja,
mort ninħasel, u issa qiegħed nara".
[Ġw:9:16] Xi wħud mill-Fariżej qalu: "Dan il-bniedem mhuwiex ġej
mingħand Alla, għax ma jħarisx is-Sibt". Iżda oħrajn qalu: "Kif
jista' wieħed midneb jagħmel sinjali bħal dawn?". U ma qablux bejniethom.
[Ġw:9:17] U reġgħu qalu lill-agħma: "Int x'jidhirlek minnu, issa
li fetaħlek għajnejk?". Qalilhom: "Dak profeta". [Ġw:9:18]
Il-Lhud ma ridux jemmnu li hu kien agħma u ħa d-dawl qabel ma bagħtu
għall-ġenituri ta' dak li sar jara, [Ġw:9:19] u staqsewhom: "Dan, li intom
qegħdin tgħidu li twieled agħma, dan binkom? Mela issa kif ġie jara?".
[Ġw:9:20] Il-ġenituri tiegħu wieġbu u qalulhom: "Nafu li dan hu t-tifel
tagħna u li twieled agħma; [Ġw:9:21] imma kif issa ġie jara, dan ma nafuhx, u
anqas ma nafu min fetaħlu għajnejh. Staqsu lilu, żmien għandu; ħa jitkellem hu
għalih innifsu". [Ġw:9:22] Il-ġenituri tiegħu wieġbu hekk għaliex beżgħu
mil-Lhud, għax il-Lhud kienu ġa ftiehmu bejniethom li jekk xi ħadd jistqarr li
Ġesù hu l-Messija, isib ruħu barra mis-sinagoga. [Ġw:9:23] Kien għalhekk li l-ġenituri
tiegħu wieġbu: "Żmien għandu, staqsu lilu".
[Ġw:9:24] Għal darb'oħra reġgħu bagħtu għal dak li kien agħma u qalulu:
"Agħti glorja lil Alla! Aħna nafu li dan il-bniedem huwa midneb".
[Ġw:9:25] Dak weġibhom: "Jekk hux midneb ma nafx; ħaġa waħda naf: li jien
kont agħma u issa qiegħed nara". [Ġw:9:26] Qalulu: "Imma hu
x'għamillek? Kif fetaħhomlok għajnejk?". [Ġw:9:27] U hu weġibhom: "Ġa
għedtilkom u ma smajtux! Xi tridu tisimgħu iżjed? Jaqaw tridu intom ukoll
issiru dixxipli tiegħu?". [Ġw:9:28] U qabdu jgħajruh u qalulu: "Dak
int dixxiplu tiegħu! Aħna ta' Mosè dixxipli! [Ġw:9:29] Aħna nafu li lil Mosè
kellmu Alla, imma dan ma nafux minn fejn hu!". [Ġw:9:30] Weġibhom ir-raġel
u qalilhom: "Sewwa! Hawn qiegħed l-għaġeb, li intom ma tafux minn fejn
inqala', u madankollu lili fetaħli għajnejja! [Ġw:9:31] Aħna nafu li Alla mhux
se jisma' lill-midinbin; iżda mbagħad jekk wieħed ikun iqim lil Alla u jagħmel
ir-rieda tiegħu, lil dan jisimgħu. [Ġw:9:32] Qatt fid-dinja ma nstema' li xi
ħadd fetaħ għajnejn wieħed agħma mit-twelid. [Ġw:9:33] Li kieku dan ma kienx
ġej mingħand Alla, xejn ma kien ikollu ħila jagħmel." [Ġw:9:34] Imbagħad
qabżu u qalulu: "Int se tgħallem lilna, int li twelidt dnubiet
waħdek!". U keċċewh 'il barra.
[Ġw:9:35] Ġesù sama' li keċċewh 'il barra; sabu u qallu: "Temmen
inti f'Bin il-bniedem?". [Ġw:9:36] Dak wieġeb u qallu: "Min hu,
Mulej, biex nemmen fih?". [Ġw:9:37] Qallu Ġesù: "Mhux biss rajtu,
imma huwa dak stess li qiegħed ikellmek". [Ġw:9:38] Qallu: "Nemmen,
Mulej!". U nxteħet għarkubbtejh quddiemu. [Ġw:9:39] Imbagħad Ġesù qal:
"Jien ġejt fid-dinja biex nagħmel ħaqq, biex min ma jarax isir jara, u min
jara jagħma". [Ġw:9:40] Xi wħud mill-Fariżej li kienu hemm madwaru semgħuh
jgħid dan u staqsewh: "Aħna wkoll għomja?". [Ġw:9:41] Weġibhom Ġesù:
"Li kieku kontu għomja, ma kontux tkunu ħatja ta' dnub. Imma issa qegħdin
tgħidu, 'Aħna naraw'. Mela d-dnub tagħkom għadu fuqkom".
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.
.