blank'/> SHARING CATHOLIC TRUTH: The Bread of Life and The Words of Eternal Life - John 6:22-71

Saturday, April 28, 2012

The Bread of Life and The Words of Eternal Life - John 6:22-71



Ġesù hu l-ħobż tal-ħajja
[Ġw:6:22] L-għada, in-nies li kienu għadhom in-naħa l-oħra tal-baħar raw li hemmhekk ma kienx hemm ħlief dgħajsa waħda u li Ġesù ma kienx tela' fiha mad-dixxipli tiegħu, imma li d-dixxipli kienu marru weħidhom.[Ġw:6:23] Mela waslu xi dgħajjes oħra minn Tiberija qrib fejn kienu kielu l-ħobż wara li l-Mulej kien radd il-ħajr.[Ġw:6:24] Iżda n-nies, meta raw li fuqhom la kien hemm Ġesù u lanqas id-dixxipli tiegħu, telgħu fuq id-dgħajjes u marru lejn Kafarnahum ifittxu lil Ġesù.[Ġw:6:25] U meta sabuh in-naħa l-oħra tal-baħar staqsewh: "Rabbi, meta ġejt hawn?"[Ġw:6:26] Ġesù weġibhom: "Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu.[Ġw:6:27] Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa' għall-ħajja ta' dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu."[Ġw:6:28] Mbagħad staqsewh: "X'għandna nagħmlu biex nagħmlu l-opri ta' Alla?"[Ġw:6:29] Weġibhom Ġesù: "L-opra ta' Alla hija din: li intom temmnu f'dak li huwa bagħat."[Ġw:6:30] Qalulu: "X'sinjal se tagħmel biex aħna narawh u nemmnuk? X'sejjer tagħmel?[Ġw:6:31] Missirijietna kielu l-manna fid-deżert, bħalma hemm miktub, 'Tahom jieklu ħobż mis-sema.'?"[Ġw:6:32] Weġibhom Ġesù: "Tassew tassew ngħidilkom, mhux Mosè takom il-ħobż mis-sema, iżda Missieri jagħtikom il-ħobż tassew mis-sema;[Ġw:6:33] għaliex il-ħobż ta' Alla huwa dak li jinżel mis-sema u jagħti l-ħajja lid-dinja."[Ġw:6:34] "Sinjur?" qalulu huma,"agħtina dejjem minn dan il-ħobż."[Ġw:6:35] Weġibhom Ġesù: "Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Min jiġi għandi ma jieħdu qatt il-ġuħ, u min jemmen fija ma jkun qatt bil-għatx.[Ġw:6:36] Imma jiena ġa għedtilkom li, għalkemm rajtuni, ma emmintux.[Ġw:6:37] Dawk kollha li jagħtini Missieri jiġu għandi, u min jiġi għandi ma nkeċċihx 'il barra;[Ġw:6:38] għax jiena nżilt mis-sema mhux biex nagħmel ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta' min bagħatni.[Ġw:6:39] Issa r-rieda ta' min bagħatni hija din: li jiena ma nitlef xejn minn dak kollu li tani, iżda li nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.[Ġw:6:40] Din hi tabilħaqq ir-rieda ta' Missieri: li kull min jara lill-Iben u jemmen fih, ikollu l-ħajja ta' dejjem u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum."[Ġw:6:41] Il-Lhud bdew igergru fuqu għax kien qal, 'Jiena hu l-ħobż li niżel mis-sema.'[Ġw:6:42] U bdew jgħidu: "Dan m'huwiex Ġesù bin Ġużeppi? Lil missieru u 'l ommu ma nafuhomx? Mela kif qiegħed jgħid, 'Jiena nżilt mis-sema'?"[Ġw:6:43] Ġesù weġibhom: "Toqogħdux tgorru bejnietkom.[Ġw:6:44] Ħadd ma jista' jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.[Ġw:6:45] Hemm miktub fil-Profeti, 'U kulħadd ikun mgħallem minn Alla.' Mela kull min jisma' lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi.[Ġw:6:46] Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier.[Ġw:6:47] Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta' dejjem.[Ġw:6:48] Jiena hu l-ħobż tal-ħajja.[Ġw:6:49] Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu;[Ġw:6:50] dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx.[Ġw:6:51] Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja."[Ġw:6:52] Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: "Kif jista' dan jagħtina ġismu biex nikluh?"[Ġw:6:53] Ġesù mela qalilhom: "Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta' Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.[Ġw:6:54] Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta' dejjem, u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.[Ġw:6:55] Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.[Ġw:6:56] Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa' fija u jiena fih.[Ġw:6:57] Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b'Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.[Ġw:6:58] Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; m'huwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem."[Ġw:6:59] Dan qalu huwa u jgħallem fis-sinagoga, f'Kafarnahum.

Il-kliem tal-ħajja ta' dejjem
[Ġw:6:60] Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: "Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?"[Ġw:6:61] Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: "Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom?[Ġw:6:62] Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela' fejn kien qabel?[Ġw:6:63] Hu l-ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja.[Ġw:6:64] Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux." Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih.[Ġw:6:65] U ssokta jgħidilhom: "Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista' jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi."[Ġw:6:66] Minn dak in-nhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh.[Ġw:6:67] Mbagħad Ġesù qal lit-Tnax: "Tridux titilqu intom ukoll?"[Ġw:6:68] Wieġbu Xmun Pietru: "Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta' dejjem,[Ġw:6:69] u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta' Alla."[Ġw:6:70] Qalilhom Ġesù: "M'hux jien kont li għażiltkom lilkom it-Tnax? U madankollu wieħed minnkom huwa xitan."[Ġw:6:71] Kien qiegħed jgħid għal Ġuda ta' Xmun l-Iskarjota, għax kien hu li kellu jittradih, hu, wieħed mit-Tnax.

No comments: